8. Novena lill-Ispirtu s-Santu

Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2015: It-Tmien Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

[8] Nitqaddsu fl-Ispirtu s-Santu …

Qari mill-Ittra lill-Galatin:

Jien ngħidilkom, imxu bl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ. Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi. L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Inwissikom, bħalma wissejtkom qabel: min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-Saltna ta’ Alla. Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi. Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu; ma nkunux minn dawk li jfittxu l-ftaħir fieragħ; ma nġarrbux lil xulxin; ma ngħirux għal xulxin.

Ħsieb:

L-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi, jiġi fuqna biex jużana bil-kariżmi, bl-unzjoni, bid-dilka u bil-qawwa tiegħu. Jiġi fina sabiex iqaddisna — jagħmilna qaddisin. Aħna, permezz tal-Magħmudija, meta rċevejna ‘l-Ispirtu s-Santu l-ewwel darba, bdejna t-triq tal-qdusija. Il-qdusija hija l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar ġewwa fina.

Ejjew nitħeġġu li nkunu qaddisin; li jkollna sehem minn din in-natura tal-Ispirtu. Għalhekk, ejjew infittxu li ma nniktux lill-Ispirtu s-Santu, imma li nħalluh jaħdem ġewwa fina. Biex nagħmlu dan, għeżież tiegħi, irridu mmutu kontinwament għalina nfusna.

Il-ħajja fl-Ispirtu, il-ħajja tal-qdusija, hija tisliba u mewt kontinwa. Meta aħna ma nxekklux ‘l-Ispirtu, meta aħna mmutu għalina nfusna, allura I-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina jista’ joħroġ il-karattru tiegħu minn ġewwa fina. Dan huwa l-frott tal-Ispirtu s-Santu. Il-frott tal-Ispirtu s-Santu li huwa l-karattru sabiħ tiegħu: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.

San Pawl jitkellem dwar il-frott tal-Ispirtu s-Santu. Fil-Grieg il-kelma “frott” hija kelma fis-singular mhux fil-plural. Dan ifisser li jekk għandna waħda, għandna kollox. Ma jistax ikollok l-imħabba mingħajr ma jkollok I-hena, is-sliem u s-sabar. Ma jistax ikollok is-sliem mingħajr ma jkollok l-imħabba, il-ħniena u t-tjieba, għaliex hija l-Persuna tal-Ispirtu Qaddis.

Ejjew inħarsu lejn il-qdusija b’dan il-mod — li ngħixu ħajja intima mal-Ispirtu s-Santu, ħajja intima fl-Ispirtu s-Santu li jokrob fina: “Abba Missier”, li jagħmel minna wlied, li nagħrfu li aħna t-tempju tal-Ispirtu s-Santu u li Alla jgħammar ġewwa fina. Biex b’hekk aħna nsiru qaddisin, bħalma hu qaddis dak li sejħilna.

Talba:  

Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena x’ħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-għajja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.
Ammen. Hallelujah.

Mur għad-Disa’ Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s