7. Novena lill-Ispirtu s-Santu

Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2015: Is-Seba’ Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

[7] Nixxenqu għad-doni u l-kariżimi tal-Ispirtu s-Santu …

Qari mill-Ewwel Ittra lill-Korintin:

Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, dwar id-doni tal-Ispirtu. Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd.

Ħsieb:

Meta l-Ispirtu s-Santu jiġi jżur lir-ruħ tagħna, meta l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqna, għeżież tiegħi, ma jiġix b’idi f’idu, imma għandu d-doni tiegħu, għandu l-kariżmi tiegħu li huma espressjonijiet tal-imħabba tiegħu illi huwa jagħti lil kull wieħed u waħda minna. Ilkoll kemm aħna, l-Ispirtu s-Santu jrid jagħtina xi kariżma.

Kariżma hija manifestazzjoni, turija, wirja tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għall-bini tal-oħrajn, mhux tagħna nfusna: għall-bini tal-komunita’. Allura nsibu l-kariżma tad-don tal-ilsna, il-kariżma tal-interpretazzjoni tal-ilsna, il-kariżma tal-profezija, il-kariżma tad-dixxerniment, il-kariżma tal-fidi, il-kariżma tal-mirakli, il-kariżma tal-fejqan, il-kariżma tal-għerf, il-kariżma tas-sapjenza.

Dawn huma kariżmi li aħna rridu nixxenqu għalihom. M’għandhom xejn x’jaqsmu jekk aħna aħniex nies qaddisin jew le. Għandhom x’jaqsmu biss mal-fatt illi l-Ispirtu s-Santu jrid juża lil kull wieħed u waħda minna biex jibni lill-Knisja.

Ejjew ma naħbux it-talenti illi l-Ispirtu s-Santu tana. Ejjew inħaddmu l-kariżmi tal-Ispirtu s-Santu b’umilta’, b’imħabba, f’għaqda mal-Knisja, f’ubbidjenza lejn il-Knisja, f’dixxerniment mal-Knisja u ejjew anki nitħeġġu biex nitolbu ‘l-Ispirtu s-Santu jġedded fina mhux biss dawn il-kariżmi, imma anke jġedded fina id-doni tal-Ispirtu li rċevejna fil-Griżma tal-Isqof: l-Għerf, il-Fehma, il-Kunsill, il-Qawwa, ix-Xjenza, il-Pjeta’ u l-Biża’ t’Alla.

Waqt li l-kariżmi tal-Ispirtu jgħinuna sabiex aħna naqdu ‘l-komunita’, id-doni tal-Ispirtu li jċevejna fil-Griżma tal-Isqof jgħinuna fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u fl-għejxien tal-ħajja tagħna fih.

Ejjew nixxenqu u nitolbu li l-Ispirtu s-Santu jġedded fina d-doni kollha li tana fil-Griżma tal-Isqof u li jagħtina aktar mill-kariżmi tiegħu, ħalli nkunu nistgħu nevanġelizzaw u nibnu ‘l-Knisja: mhux bil-qawwa tagħna, imma bil-qawwa tiegħu.

Talba:

Nirringrazzjawk Spirtu s-Santu li inti Persuna u li bħala Persuna tħobbna, tħobb lill-Knisja u tħobb lill-poplu kollu tal-Missier. Għalhekk, inti tagħtina I-kariżimi tiegħek, inti tagħtina d-doni tiegħek.

Nitolbuk, Spirtu s-Santu Alla, iftħilna qalbna beraħ għall-kariżmi kollha li Inti trid tagħtina. Għinna ma nibżgħux ninfetħu għall-kariżmi tiegħek. Għinna ma nibżgħux inħaddnu l-kariżmi tiegħek. Għinna ma nibżgħux nużaw il-kariżmi kollha li Inti tagħti lil kull wieħed u waħda minna f’għaqda mall-Knisja.

Tina l-umilta’ fit-tħaddim tal-kariżmi. Neħħilna l-biża’ li nużaw il-kariżmi tiegħek. Għallimna kif inkunu strumenti f’idejk, Spirtu Qaddis. Agħti ‘l-Knisja l-kariżimi kollha li għandha bżonn f’dan il-mument, Spirtu s-Santu. Sabiex il-Knisja tkun tista’ xxandar lil Ġesu’ mingħajr biża’ ta’ xejn u bil-qawwa kollha.

Sawwab il-kariżma tal-fejqan, il-kariżma tal-għerf, il-kariżma tal-mirakli, il-kariżma tal-ilsna, il-kariżma tal-profezija u l-kariżma tal-fidi. Imlina bil-kariżmi kollha tiegħek u nitolbuk, Spirtu s-Santu, ġedded fina lkoll is-seba’ doni illi inti tajtna fil-Magħmudija. Ġedded id-doni li tajtna fil-Griżma tal-Isqof. Ġedded fina l-Għerf, il-Fehma, il-Kunsill, il-Qawwa, ix-Xjenza, il-Pjeta’ u l-Biża’ t’Alla, ħalli fik, Spirtu Qaddis, aħna nistgħu nibnu relazzjoni ta’ wlied tal-Missier, f’isem Ġesu’, għall-glorja tiegħu u s-salvazzjoni tal-umanita’! Ammen! Halleluia! 

Mur għat-Tmien Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s