6. Novena lill-Ispirtu s-Santu

Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2015: Is-Sitt Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

[6] Kif nirċievu l-Ispirtu s-Santu …

Qari mill-Atti tal-Appostli:

U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu. Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

Ħsieb:

L-appostli fiċ-Ċenaklu jirċievu l-Ispirtu s-Santu meta kienu miġbura flimkien qalb waħda. L-għaqda ta’ bejnietna, biex ngħidu hekk, hija kundizzjoni li fiha aħna rridu nkunu biex nistgħu nirċievu id-don tal-Ispirtu s-Santu. L-appostli ma kienux qed jitolbu biss għall-Ispirtu s-Santu, imma kienu magħqudin. Ejjew infittxu li aħna nkunu magħqudin bejnietna fil-parroċċi, fil-Knisja, fl-għaqdiet u l-movimenti. Ejjew, jekk verament irridu splużżjoni tal-Ispirtu s-Santu, f’Pentekoste’ ta’ vera fil-ħajja tagħna, mhux biss infakkru il-passat, imma Pentekoste ta’ issa. Ejjew naħdmu, anke biex nitolbu flimkien, magħqudin bejnietna!

Ħaġ’oħra li naraw hi li kienu magħqudin ma’ Marija. Meta Marija marret għand Eliżabbetta, anke waqt li Marija kienet qed tkellimha, Eliżabbetta intliet bl-Ispirtu s-Santu. L-għażiża Omm tagħna tas-Sema, bil-preżenza tagħha fil-ħajja tagħna, hija l-għarusa tal-Ispirtu s-Santu; u fejn hemm l-għarusa, jitfaċċa l-Għarus. Iktar m’aħna nkunu magħqudin ma’ Marija, jista’ anke l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina għax Marija tgħinna, tiftħilna qalbna beraħ aktar biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu.

Waqt li San Pietru darba minnhom kien qed jippriedka lil Kornelju, naraw li l-Ispirtu s-Santu jinżel. Għalhekk, ejjew nisimgħu ta’ spiss il-Kelma t’Alla. Wieħed mill-modi kif nirċievi l-Ispirtu huwa bis-smigħ tal-Kelma t’Alla. L-Ispirtu u l-Kelma ma nistgħux nifirduhom minn xulxin. Aqra l-Vanġelu, aqra l-Bibbja! Dak hu moment meta int tintela wkoll bl-Ispirtu s-Santu.

L-Ispirtu s-Santu narawh fit-Testment il-Ġdid jiġi mogħti wkoll bit-tqeid tal-idejn. It-tqegħid tal-idejn aħna rċevejnieh fil-Griżma tal-Isqof; li s-saċerdoti jirċevuh fl-Ordni Sagri. Ejjew ilkoll nitolbu fuq xulxin, inpoġġu jdejna fuq xulxin biex nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. L-istess id hija sinjal tal-Ispirtu.

Minn fuq is-salib Ġesu’ jagħti r-ruħ tiegħu; irodd ruħu tgħidilna l-Kelma t’Alla f’San Ġwann. Ġesu’ msallab, mill-kustat tiegħu jagħtina l-Ispirtu s-Santu. Kull mument ta’ tbatija li aħna nistgħu ngħixu ma’ Ġesu’ jista’ wkoll isir mument ta’ għotja tal-Ispirtu fil-ħajja tagħna.

U fl-aħħar, Ġesu’ rxuxtat huwa Ġesu’ li jagħti l-Ispirtu s-Santu. Meta jidher lill-appostli, jgħidilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu!”. Ejjew induru lejn Ġesu’ fl-Ewkaristija, fis-Sagramenti tal-Knisja. F’kull Sagrament aħna nirċievu mill-ġdid il-preżenza u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Hemm dawn il-mezzi kollha li Alla tana biex nirċievu l-Ispirtu Qaddis. Ejja niftħu qalbna beraħ ilkoll għalihom, ħalli nintlew bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu f’dan Pentekoste.

Talba:

Mulej Ġesu’, nirringrazzjawk illi Inti tant tħobbna li trid tagħtina l-Ispirtu tiegħek b’dawn il-modi differenti.

Nitolbuk Mulej: agħmilna magħqudin bejnietna kif kienu l-appostli fiċ-Ċenaklu, ħalli fl-għaqda ta’ bejnietna jkun hemm l-imħabba, biex biha nistgħu nilqgħu aktar lill-Ispirtu Qaddis fil-ħajja tagħna.

Nirringrazzjawk għal Marija Ommna. Magħqudin magħha aħna nistgħu nixxenqu, nitolbu u nirċievu l-Ispirtu s-Santu. Kun magħna Marija Ommna. Għandna bżonnok!

Mulej Ġesu’, nirringrazzjawk għall-Kelma li int ħallejtilna. Iftħilna qalbna għall-Kelma tiegħek, ħalli ma’ Kelmtek nirċievu l-Ispirtu.

Nirringrazzjawk għal ħutna nsara fil-komunita’, ħalli huma wkoll jistgħu jitolbu fuqna, ipoġġu jdejhom fuqna biex aħna nirċievu l-Ispirtu Qaddis. Ġedded fina id-don tal-Griżma tal-Isqof li aħna lkoll irċevejna bit-tqegħid tal-idejn.

Mulej, aħna nafu li, magħqudin miegħek fuq is-salib tiegħek, fit-tbatija tiegħek, jekk aħna nibqgħu hemm f’riġlejk, inti tagħtina l-Ispirtu s-Santu. Għinna nibqgħu miegħek, fit-tbatija tagħna.

Nitolbuk, Mulej Ġesu’: kif inti bħala I-Irxoxt tajt l-Ispirtu s-Santu lill-appostli, ġedded fina l-grazzji kollha tas-Sagramenti, b’mod speċjali tal-Ewkaristija u tal-Magħmudija. Għinna nagħrfu li f’kull Sagrament, aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu.

Ejja Spirtu s-Santu,

  • ejja fil-għaqda ta’ bejnietna,
  • ejja bl-interċessjoni ta’ Marija,
  • ejja Spirtu s-Santu permezz tal-Kelma t’Alla,
  • ejja Spirtu s-Santu bit-tqegħid tal-idejn,
  • ejja Spirtu s-Santu minn Ġesu’ Msallab,
  • ejja Spirtu s-Santu fis-Sagramenti tal-Knisja.

Nirringrazzjawk għal din l-għotja tiegħek innifsek, Spirtu Qaddis. Ammen! Halleluia!

Mur għas-Seba’ Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s