Int għandek missjoni… anke jekk dgħajjef! – Riflessjoni fuq is-Solennita’ tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema (Sena Ċ)

It-Tnejn, 20 ta’ Mejju 2019: Riflessjoni dwar Mk 16:15-20 (Sena Ċ) (Solennita’ tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema) Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Minn qalbi nilqagħkom, għeżież tiegħi, għal programm ieħor “Ejjew Għandi”, stedina ħajja li jagħmlilna Ġesu’ fid-diffikultajiet kollha, fil-ferħ kollu u aħna min aħna, int min int, għamilt x’għamilt, kont x’kont, kien x’kien il-passat tiegħek, qed tgħaffiġha kemm qed tgħaffiġha — issa, illum, f’dan il-ħin Ġesu’ qed jgħidlek “Ejja Għandi..”

“Ejjew għandi intom ilkoll”, qalilna Ġesu’ “li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom.” Hu qed jgħidlilna: “Ejja Għandi”, għamilt x’għamlt fil-ħajja tiegħek jiena rridek tiġi għandi. Għeżież tiegħi, ejjew ma naħarbux minn Ġesu’, ejjew immorru għand Ġesu’.

Nixtieq nilqa’ mill-qalb lil dawk kollha li jsegwuna anke barra minn Malta, għeżież tiegħi. bil-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Insellem lil dawk kollha residenti fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, il-ħaddiema kollha t’hemmhekk, il-morda kollha, l-anzjani kollha, kull min jaħdem ma’ min hu marid, kull min qiegħed ibati fil-ħajja, intom l-għeżież speċjali tagħna.

Nixtieq illum naqsam magħkom dak li Ġesu’ għandu x’jgħidilna fl-Evanġelju ta’ San Mark, kapitlu 16 minn vrus 15 sa 20. Fil-Vanġelu nsibu miktub hekk:

Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt. U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

U hekk, il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-Kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħhom.

Hawnhekk, għeżież tiegħi, għandna l-għeluq tal-Vanġelu skont San Mark. Għandna propju l-mument meta Sidna Ġesu’ Kristu, wara li jqum mill-mewt, imur lura s-sema, ċioe’ jidħol f’dik il-glorifkazzjoni sħiħa tiegħu fi ħdan il-Missier, jingħaqad mill-ġdid fl-umanita’ tiegħu, issa sħiħa, imqajma, irxuxtata mill-mewt, mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu.

Pero’, qabel it-tlugħ tiegħu fis-Sema, jagħti missjoni lilna, d-dixxipli tiegħu. Jagħti l-missjoni tiegħu lill-Knisja.

Din il-missjoni, l-ewwel ħaġa li rrid ngħid dwarha, hi li Ġesu’ jagħtiha lill-Komunita’ ta’ ħdax. M’hix Komunita’ ta’ tnax-il persuna. Aħna nafu li tnax kien in-numru perfett li Ġesu’ kien għażel, allura b’xi mod din il-Komunita’ kienet imkissra, dil-Komunita’ ma kinitx sħiħa, ma kinitx magħquda b’mod sħiħ.

U allura, hawnhekk Ġesu’ qed jgħidilna li għad li mhux qed jistenna li aħna nkunu magħqudin b’mod perfett bejnietna, xorta waħda jagħtina missjoni. Ġesu’ lanqas jagħżel Komunita’ oħra; imma jagħżel lil din l-istess Komunita’. Hawn irridu nirrealizzaw, għeżież tiegħi, ejjew ilkoll kemm aħna llum niftħu għajnejna, li Ġesu’ għandu missjoni għalina, Ġesu’ lilna jrid jużana. Ħadd minna m’hu mormi, anke jekk aħna mkissrin, anke jekk aħna m’aħniex perfetti, anke jekk aħna m’aħniex il-grupp magħqud, il-Knisja magħquda, anke jekk aħna Knisja mkissra, imfarrka, aħna xorta għandna missjoni. Imfarrkin iva, pero’ b’missjoni; imkissrin iva, pero’ mibgħutin, għeżież tiegħi.

Dan li Ġesu’ qed jurina llum hu mhux biss forsi fuq din l-għaqda, imma anke forsi jekk aħna stess għandniex il-fidi tagħna sħiħa. Bid-dubju imma mibgħuta. Imkissra u bid-dubju, imma mibgħutin xorta waħda. Għax il-Vanġelu jibda billi dawn, uħud minnhom iddubitaw. Anzi Ġesu’, l-ewwel ħaġa li jagħmel hi li jċanfarhom minħabba d-dubji tagħhom. Ħeqq, pero’ Ġesu’ mhux ċanfarhom u remihom. Ġesu’ ma jċanfarx u jarmi: Ġesu’ jiftħilna għajnejna, jurina l-verita’ u jagħżilna xorta waħda, maħbubin tiegħi.

Ejjew ma nkunux aħna li narmu lilna nfusna, meta Ġesu’ m’hux jarmina. Ejjew ma nkunux Knisja li narmu lilna nfusna, meta Ġesu’ m’hux jarmina. Ejjew ma nwarrbux lilna nfusna, anke jekk is-soċjeta’ twarrabna, ejjew nirrealizzaw li aħna għandna missjoni, anke jekk ħaddieħor ma jilqax il-missjoni tagħna — bħala Nsara, bħala saċerdoti, bħala dixxipli ta’ Ġesu’, bħala Komunita’ Nisranija. Il-missjoni ma tiġix mill-Komunita’. Il-Knisja ma tagħtix missjoni lilha nnfisha. Il-Knisja m’hix awtomatikament missjunarja, imma l-Knisja hija mibgħuta. Il-Knisja ma tibgħatx lilha nnfisha. Il-Knisja għandha dil-fedelta’ lejn Ġesu’ Kristu. Matul elfejn sena ta’ storja l-Knisja dejjem tipprova taqdi l-missjoni tagħha, minkejja n-nuqqas ta’ għaqda, minkejja l-firdiet li nsibu, minkejja n-nuqqas ta’ fidi li xi drabi nsibu anke fi ħdan il-Komunita’ Nisranija stess. Pero’ l-ewwel, irrid nghidilkom kelma ta’ kuraġġ. Jekk Ġesu’ lill-Knisja ma warrabhiex, għalfejn għandna nwarrbuha aħna?

Illum il-ġurnata aħna wkoll nistgħu nkunu Knisja mhix perfetta u veru li m’aħniex Knisja perfetta. Aħna Knisja li għandha t-tkissir tagħha llum; il-Komunita’ Nisranija, il-Knisja għandha t-tkissir tagħha. Xi drabi nisimgħu b’xi skandli, b’xi abbużi — għandna dan it-tkissir. Xi drabi nisimgħu b’affarijiet li mhux sejrin tajbin — għandna dan it-tkissir. Xi drabi nisimgħu b’imġieba li xi drabi mhix f’postha, anke ta’ min forsi imexxi fil-Knisja, xi Isqfijiet — għandna dan it-tkissir. Ħeqq, xi drabi għandna t-tkissir fis-Sagrament taż-Żwieġ,  għeżież tiegħi. Il-Knisja hija mkissra minħabba t-tkissir tal-familja. Jekk il-familja hi mkissra, il-Knisja hija mkissra, għeżież tiegħi. Kull tkissir ta’ familja huwa tkissir ta’ ċellola fil-Knisja. Il-Knisja hija mkissra mhux biss minħabba żbalji ta’ saċerdoti, ta! Mhux minħabba żbalji t’abbużi, mhux biss ħabba xi skandli finazjarji li ġieli jkun hemm, mhux biss minħabba skandli ta’ tagħlim żbaljat li ġieli jkun hemm fil-Knisja u minn xi membri tagħha. Imma l-Knisja tista’ wkoll titkisser, għeżież tiegħi, ma’ kull imħabba li titkisser fil-membri tagħha.

Kull Sagrament taż-Żwieġ li jitkisser, il-Knisja qed titkisser miegħu, għeżież tiegħi. Għax il-Knisja — lkoll kemm aħna, fil-missjonijiet, fis-sejħat diversi tagħna — jekk Ġesu’ ma warrabx dil-Komunita’, ejjew ma nkunux aħna li nagħmluha aħjar minn Kristu. Għax xi drabi aħna nagħmlu żball. Aħna rridu noħolqu Knisja li lanqas Ġesu’ ma ħalaqha. Ġesu’ l-Knisja għażilha minn persuni dgħajfin, midinbin, pero’ mbagħad tahom l-Ispirtu tiegħu biex iqaddishom.

Il-Knisja hija dgħajfa imma perfetta u qaddisa bil-qawwa tal-Ispirtu t’Alla, fl-istess mument, għeżież tiegħi. Il-Knisja hija l-qamħ u s-sikrana li Ġesu’ qalilna ħa jkun hemm fis-Saltna t’Alla. Il-Knisja, bħala sinjal ta’ din is-Saltna, fiha se jkun hemm qamħ u sikrana.

Pero’ Ġesu’, lil dil-Knisja dubjuża u mkissra xorta jagħtiha missjoni. U dina mhux biss issa qed ngħidha għalina bħala Komunita’ ta’ Nsara, imma anke, maħbubin tiegħi, għalik personali. Jekk inti omm, missier u forsi għaddej minn tkissir, għaddej minn dubju: mhux biss dubji f’Alla, imma għaddej minn dubji fiż-Żwieġ tiegħek, dubji fil-familja tiegħek, tkissir fil-familja tiegħek. Int ukoll, il-Mulej qed jagħtik missjoni, m’hux iwarrbek lilek. Allura:

  • Għaliex twarrab lilek inifsek?
  • Għaliex taqta’ qalbek?
  • Għaliex tarmi kollox?
  • Għaliex inqattgħu l-karti bejnietna, għax għaddej minn żmien ta’ tkissir u ta’ dubji?
  • Għaliex jispiċċa kollox, meta l-Mulej lil dawn xorta jużahom?
  • Għaliex inwarrbu lil xulxin fid-diffikultajiet, fl-iżbalji, fit-tkissir, anke jekk dawn huma gravi?
  • Għaliex inwarrbu lil xulxin meta Alla lilna ma jwarrabniex?
  • Għaliex trid twarrab il-missjoni tiegħek taż-Żwieġ, meta Alla mhux iwarrbek minnha?
  • Għaliex trid twarrab mill-missjoni tiegħek ta’ saċerdot, meta Ġesu’ ma warrbekx minn din il-missjoni?
  • Għaliex trid twarrab mill-missjoni tiegħek ta’ ħaddiem fuq ix-xogħol li twassal il-valuri Nsara, il-valuri umani, il-valuri ta’ Ġesu’, il-Vanġelu fis-Sempliċita’?
  • Għaliex trid twarrab għax forsi żbaljat inti stess?

Aħna Knisja dgħajfa, imma Ġesu’ ma jwarrabniex minħabba l-iżbalji tagħna, maħbubin tiegħi. Ejjew, minn qalbna niskopru ‘l dan Kristu li jagħżel Komunita’ mkissra li m’għandhiex il-fidi sħiħa, li  pero’ xorta jibgħatha.

  • Forsi l-appostli setgħu jifhmu ħafna aktar in-nies li jiddubittaw għax huma stess għandhom id-dubju,
  • Forsi l-appostli setgħu jifhmu t-tkissir tal-oħrajn għax huma stess kienu mkissrin bejniethom.
  • Forsi l-appostli setgħu jaċċettaw ‘l-oħrajn għax fehmu li Ġesu’ lilhom jaċċettahom.

Dil-missjoni, mela, ejjew naċċettawha, ejjew ma nibżgħux minnha. Alla għandu missjoni għal kull wieħed u waħda minna. Din il-missjoni ta’ Ġesu’ hija kbira. Qalilna:“morru fid-dinja kollha.” Ma qalilniex: “Ħallu lid-dinja kollha tiġi għandkom”. Qalilna: “Morru intom fid-dinja.” Ġesu’ qiegħed jibgħatna fid-dinja. Ma qalilniex: “Ħallu d-dinja tiġi fil-Knisja”. Qalilna li l-Knisja trid tmur hi fid-dinja u dina importanti li aħna nirrealizzawha, għeżież tiegħi. Ġħaliex aħna, l-ewwel ħaġa, irridu nitgħallmu mmorru, irridu nitgħallmu noħorġu, irridu nitgħallmu ma ningħalqux fina nfusna.

Ġesu’, meta jgħidilna “Morru” qiegħed ineħħilna s-sigurtajiet, il-kumdita’ li aħna lkoll kemm aħna jista’ jkollna fit-Tempji tagħna. Ħeqq, għeżież tiegħi, fil-Quddies tagħna, fil-Liturġija tagħna, fl-affarijiet li nagħmlu fuq ġewwa, nistgħu nħossuna komdi; pero’ Ġesu’ qed jibgħatna fuq barra.

Issa, għeżież tiegħi, hawn għandha sfida doppja. Għandha sfida min-naħa tagħna li aħna rridu noħorġu fuq barra b’modi differenti, ma ningħalqux ġewwa; u għandha sfida oħra għax hemm min ma jridniex barra. Hawn min hu komdu li l-vuċi ta’ Ġesu’, il-vuċi tal-Knisja, il-Vanġelu jħalliha biss bejn l-erba’ ħitan tal-Knisja, imma ma jridx li l-Kelma t’Alla, il-Vanġelu, il-Verita’, il-messaġġ ta’ Kristu u l-messaġġ tal-Knisja jasal lill-pubbliku kollu, ikollu influenza fis-socjeta’.

Jgħidulek: “inti x’tindaħal fl-affarijiet tas-soċjeta’? Inti mhux mas-Sagristija, mal-Knisja għandek x’taqsam? Tindaħalx f’affarijiet oħrajn. Tindaħalx ma’ dak li jista’ jmiss ‘l-ħajja tagħna ta’ kuljum.” Imma, għeżież tiegħi, anke jekk ħaddieħor jgħidilna hekk, aħna minn min se nisimgħu? Minn min jgħidilna hekk jew minn min bagħatna? Aħna, l-missjoni li tana Ġesu’ ħadd m’hu fuqha, ta. Ħadd, ħadd m’hu fuqna. Ħadd m’hu fuqna, ħadd m’hu ‘l fuq minn Alla. Anke jekk fis-suppervja umana tagħhom, ċerti bnedmin jistgħu jkunu anke persuni involuti fl-aspetti soċjali differenti ta’ pajjiż, fl-istituzzjonijiet, fit-tmexxija eċċ u u jistgħu jgħidulna le. Aħna, l-fedelta’ tagħna hija lejn Alla, maħbubin tiegħi. Mela, ejjew ma nibżgħux noħorġu. La għandna naqflu lilna nfusna, u lanqas inħallu lil min jaqfilna. Ġesu’ qed jgħidilna, “Morru, oħorġu!”

Ġesu’ bagħatna fid-dinja kollha. Mela, bagħatna fid-dinja — l-ewwel ħaġa. Noħorġu mill-għeluq tagħna u mmorru fid-dinja. Ftakru, għeżież tiegħi, li skont San Ġwann, Ġesu’ din id-dinja ħabbha, eh!

“Alla hekk ħabb lid-dinja li ta ‘l Ibnu l-waħdieni… (Ġwanni 3:16)

Aħna, għeżież tiegħi, l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu lil din id-dinja mbierka li ngħixu fiha — anke jekk mhux dejjem taqbel m’Alla, ma’ Sidna Ġesu’ Kristu, u mal-Knisja tiegħu — hi li mhux nikkundannawha, imma li nħobbuha. Għaliex, jgħidilna Ġesu, Alla ma bgħatx lill-Ibnu biex jikkundanna lil din id-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Ħabbha u jrid isalvaha. Mela, l-attitudni profonda tagħna, l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu ma’ min ma jaqbilx m’Alla, ma’ Kristu, magħna, mat-tagħlim tal-Knisja m’hux li nibżgħu minnu u nirtraw. Le, imma li nkunu preżenti.

Mela, l-ewwel ħaġa m’hix il-ġudizzju, m’hix il-kundanna, imma li aħna rridu nħobbu, u fil-kuntest ta’ din l-imħabba, li nxandru l-Verita’. Fil-kuntest tal-imħabba, irridu ngħidu x’mhux sejjer tajjeb: fil-kuntest tal-imħabba rridu nxandru lil Sidna Ġesu’ Kristu. Għax l-imħabba rriduha ssalva lil din id-dinja; irriduha tfejjaqha u mhux nikkundannawha jew dejjem ngħidu x’sejjer ħażin u nitkażaw u niskruplaw. Le, maħbubin tiegħi!  Irridu nkunu fid-dinja biex inħobbuha.

Pero’ ovvjament li tmur fid-dinja xi drabi jfisser li jkollok tiċċappas daqsxejn xi ftit ma’ dawn l-affarijiet. Jiġifieri jekk hemm in-nugrufun barra u jiena inkun qiegħed hemm barra, ħeqq, jiena n-nugrufun se jċappasni. Ħa jaffettwali n-nifs, ħa jaffettwali l-pulmun, ħa jaffettwali l-ġilda għax fuqi ħa jidher skur. Mela, meta jiena nkun fid-dinja, jiena mhux biss se nwassal l-Aħbar it-Tajba, lil Ġesu’, fid-dinja, imma l-verita’ hija wkoll li jkolli niċċappas b’xi affarijiet tad-dinja.

Dan ifisser li faċli tkun protett meta tkun ġewwa, imma meta se toħroġ hemm barra, se titħammeġ b’dak li hemm. Din hija parti mis-Salib tagħna. Din hija parti mill-imħabba, għeżież tiegħi, li biex inti tkun qiegħed fid-dinja, xi drabi hemm

  • affarijiet li se jigdmuk,
  • affarijiet li se jweġġgħuk,
  • nies li se jippersegwitawk,
  • nies se jwaqqgħuk għaċ-ċajt.
  • Ħa tisħet is-siegħa u l-mument li fettillek tagħmel din il-ħaġa,
  • x’fettillek taqbeż għall-ġustizzja,
  • x’fettillek tgħid il-verita’,
  • x’fettillek ixxandar lil Ġesu’,
  • x’fettillek trodd is-Salib fuq il-post tax-xogħol, u
  • x’fettillek tagħti parir tajjeb, għax kull ma tagħmel kollox jiġik lura ħażin.

Ma japprezzaw xejn! Dik il-verita’, pero’ mhux l-unika verita’. Ġesu’ qalilna: “Jiena f’dan kollu magħkom.” F’dan kollu hemm persuni li jaċċettaw u japprezzaw ukoll, imma biex inkunu fidili lejn Alla, biex nagħmlu dak li jixtieq minna, biex inħobbu lill-oħrajn ħa noqgħodu nikkalkulaw il-prezz li rridu nħallsu? Ħeqq, iva, ta, aħna nikkalkulaw il-prezz u għalhekk għandna bżonn inħarsu lejn Ġesu’ Msallab, għeżież tiegħi. Għax Ġesu’ ma jħarisx lejn il-prezz, imma jħares LEJK.

Ġesu’ Msallab lilek jgħidlek: “Kull prezz huwa worth it għalik, inkluż il-prezz ta’ ħajti.” Alla, fl-imħabba u fl-umilta’ tiegħu, ma jikkalkulax: jien u int, fis-suppervja tiegħi u tiegħek, aħna nikkalkulaw. Alla, fl-imħabba tiegħu, huwa ġeneruż bla limiti: jiena u inti għandna l-limitazzjonijiet tagħna. Biex inkunu fid-dinja rridu nkunu bħal Ġesu’ Msallab: li mhux ikollna l-limiti f’din l-imħabba. Irid ikollna l-ġenerożita’. Ovvjament, dan joħroġ skond il-grad ta’ intimita’ tagħna m’Alla.

Qalilna mmorru fid-dinja. Mela morru fid-dinja. Qalilna mmorru fid-dinja kollha, pero’ Ġesu’ m’hux parti mid-dinja kollha kemm hi. Din tfisser illi aħna rridu nieħdu lil Ġesu’ u li nxandru l-Vanġelu fil-globu kollu tad-dinja, għeżież tiegħi: f’Malta u barra minn Malta, fid-dinja kollha, pero’ d-dinja kollha mhux biss fl-aspett ta’ ġeografiku. Id-dinja kollha tfisser ukoll:

  • Id-dinja tad-divertiment.
  • Id-dinja tal-politika.
  • Id-dinja tal-ekonomija.
  • Id-dinja li xi drabi hija mudlama.
  • Id-dinja tad-droga.
  • Id-dinja tal-prostituzzjoni.
  • Id-dinja tal-Isports.

Dak kollu li jista’ jidher sabiħ jew li jista’ jidher ikrah, aħna irridu nġibu fih il-Persuna ta’ Ġesu’. M’hemmx dinja li fiha Ġesu’ ma riedx jidħol fiha. M’hemmx aspett wieħed fil-ħajja tal-bniedem li Ġesu’ ma riedx jidħol fih. Ejjew ma nkunux aħna l-Insara, ma nkunux aħna l-Knisja, li nċaħħdu lid-dinja mill-Persuna ta’ Kristu.

Kemm hu sabiħ li nħallu lil Ġesu’ jqajjem nies differenti fil-Knisja li għandhom doni differenti, kariżmi differenti, biex iwasslu lil Ġesu’ f’ambjenti differenti u b’modi differenti! Fil-mużika, fl-arti, fil-kultura, fiż-żfin, fid-drama. Hekk ukoll fil-politika, fl-ekonomija, fl-isports, fil-kultura. F’dak kollu, għeżież tiegħi. F’kull aspett li jmiss mal-bniedem: hemm aħna msejħin li nġibu lil Ġesu’, il-ħajja tiegħu, l-imħabba tiegħu. Inxandru lil Ġesu’ b’kull mezz possibli. Kemm nixtieq li lkoll kemm aħna llum nieħdu dan il-messaġġ ta’ Ġesu’.

  • Morru – Mela tingħalaqx.
  • Fid-dinja – tiddejjaqx tiċċappas b’dak li ħa ssib.
  • Kollha – Ħadd ma huwa eskluż mill-imħabba t’Alla u aħna ma nistgħu neskludu lil ħadd minn din l-imħabba tiegħu.

Ġesu’ wegħedna illi jekk aħna nagħmlu dan kollu, hu se jberikna. Se jberikna bis-sinjali tiegħu. B’mod speċjali, għeżież tiegħi, kienu jsemmu ‘l Ġesu’, ipoġġu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu. Hekk jagħlaq il-Vanġelu. Bis-sinjali ta’ fejqan:

Huma mbagħad marru jippriedkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-Kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.” (Mark 16: 20)

Jekk aħna jkollna din il-fiduċja f’Alla, għeżież tiegħi, il-mirakli għadhom jiġru. Ġesu’ għadu jagħmel il-mirakli, allavolja hawn min ma jemminx fihom. Ġesu’ għadu jagħmel il-mirakli, għeżież tiegħi, għadu jintervjeni. Pero’ l-mirakli jiġru meta aħna nxandru ‘l Kristu, mhux meta aħna nxandru lilna nfusna.

  • Il-mirakli jsiru meta aħna noħorġu. mhux meta aħna ningħalqu.
  • Meta aħna ma nibżgħux inkunu fid-dinja, mhux nibżgħu mid-dinja.
  • Meta aħna nippruvaw nidħlu fid-dinja kollha, u mhux nagħżlu fejn rridu aħna.
  • Meta aħna ma nċaħħdu ‘l ħadd minn Kristu u mhux ngħixu għalina ħajja spiritwali komda.
  • Hemmhekk naraw il-mirakli li Ġesu’ jrid jagħmel.

Kemm nies evanġelizzaw u Ġesu’ wettaq il-kelma tagħhom. Il-Kelma li Dun Ġorġ Preca  xandar f’Malta, kemm drabi l-Mulej ikkonfermaha din il-Kelma, saħħaħha, bnieha bil-qawwa tal-mirakli, għeżież tiegħi. San Franġisk t’Assisi l-istess, Padre Piju l-istess, għeżież tiegħi. Tant qaddisin oħrajn. San Vinċens Ferrer, l-istess ħaġa. Nies bhall-Beatu Marco d’Aviano. Nies li daru jippriedkaw madwar l-Ewropa bħal San Lawrenz ta’ Brindisi li l-Mulej ikkonferma l-Kelma tagħhom bil-qawwa tal-mirakli tiegħu.

Ejjew aħna niftħu qalbna ‘l Alla li huwa magħna. Ġesu’ ma ħalliniex weħidna. Ġesu’ qalilna: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żminijiet.” Hu magħna dejjem, iħares lejna u jitħassarna. Huwa magħna dejjem, jaħdem magħna. Huma jippriedkaw u hu jwettaq is-sinjali. Ejjew inkunu fidili u nxandru lil Ġesu’ kif inhu. Inxandru l-Kelma t’Alla kif inhi. Ma nibżgħux ngħidu l-Verita’ kif inhi u nħallu lill-Mulej f’ħinu u f’waqtu jagħti s-sinjali tiegħu, għeżież tiegħi.

Jalla lkoll niskopru llum li aħna Evanġelizzaturi, li aħna Missjunarji, li aħna Mibgħutin, l-ewwel fil-familji tagħna stess, anke jekk il-ħidma tagħna hi iebsa. Tiddejjqux twasslu l-Mulej fuq il-post tax-xogħol, fil-Parroċċi, fil-Komunitajiet, fl-Oqsma kollha li aħna nkunu. Aħna, bħalha Nsara, m’aħniex Dr Jack in u Mr Hyde; ma nurux żewġ faċċati. Aħna Nsara kullimkien, aħna nwasslu lil Ġesu’ kullimkien:

  • anke meta jippersegwitawna,
  • anke meta ma jaqblux magħna,
  • anke meta jeħduha kontrina.

Għaliex Ġesu’, la huwa tiegħi u lanqas huwa tiegħek. Aħna biss strumenti f’idejh sabiex l-imħabba tiegħu tasal għand kulħadd, inkluż għand dawk li ma jridux jafu biha.

L-imħabba ma tgħidx li ma tridx taf b’xi ħadd. L-imħabba tgħid li taf li ma tridx taf bija, pero’, għax inħobbok, nibqa’ nħobbok, nibqa’ nħobbok, nibqa’ nħobbok u nibqa’ nħobbok. Din  hi l-aħbar li aħna rridu nwasslu, għeżież tiegħi, anke lid-dinja tal-lum, anke ‘l Malta u ‘l Għawdex tagħna. Irridu nibqgħu ngħidu lil kulhadd: “Ġesu’ jħobbok! Ġesu’ jħobbok! Ġesu’ jħobbok! Anke jekk ma tħobbux lura, anke jekk ma tridx taf bih, anke jekk tiċħdu, anke jekk twarrbu”. L-aħħar kelma m’hix tiegħek li twarrab ‘l Alla. L-aħħar kelma hija ta’ Ġesu’ li jgħidlek: “Jiena nibqa’ nħobbok anke jekk tiċħad l-imħabba tiegħi.”

Aħna l-Insara, aħna Knisja b’entużjażmu, b’qawwa, b’kuraġġ, b’ferħ, b’determinazzjoni. Irridu nibqgħu nwasslu din il-Kelma ta’ Ġesu’ anke fi żminijietna. Is-suċċessi m’humiex f’idejna. Il-fedelta’ biss hi imma s-suċċess tagħna u dan hu f’idejn il-Mulej Ġesu’.

Għalhekk, Kuraġġ! Ejjew lkoll kemm aħna nkunu Evanġelizzaturi, Appostli u Missjunarji tal-imħabba u l-ħniena t’Alla fi żminijietna.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s