Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2015: Ir-Raba’ Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …
Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN
[4] Qalb imħejjija biex tircievi l-Ispirtu s-Santu …
Qari mill-Atti tal-Appostli:
Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?” U Pietru weġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejħilhom.” U, b’ħafna kliem ieħor, tahom xhieda u wissihom billi qalilhom: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin.”
Ħsieb:
Kif smajna f’din il-Kelma, meta lil San Pietru f’Pentekoste’ jistaqsuh, wara l-ewwel omelija li għamel li tinfed lill-qalb tagħhom, x’għandhom jagħmlu, Pietru jgħidilhom illi għandhom jindmu u jitgħammdu biex jirċievu I-Ispirtu s-Santu.
II-qalb li hi mħejjija biex tirċievi l-Ispirtu s-Santu hija l-qalb niedma. Ejjew nitħeġġu, anki matul dawn il-jiem ta’ talb, fl-indiema tal-qalb tagħna. L-indiema mhix ħass imma hija deċiżżjoni li inti tagħraf bl-istess grazzja t’Alla (għaliex Hu Alla nnifsu li jqanqal il-qalb tagħna biex nindmu) l-istat tad-dnub tagħna, li aħna ngħixu fid-dnub. Mela, l-qalb niedma hija l-qalb li tagħraf id-dnub tagħha.
Il-qalb imħejjija biex tirċievi l-Ispirtu s-Santu hija I-qalb li tiġi msoffija mid-dnub permezz tat-tiġrib, permezz tat-tbatija li aħna ngħaddu minnha. Għalhekk xi drabi Alla jħejjilna qalbna biex nirċievu aktar mill-Ispirtu tiegħu billi jippermetti li anke aħna ngħaddu minn ċerta tbatija li ssaffi l-qalb tagħna. Ejjew ma nirreżistux dawn il-mumenti.
Qalb imħejjija biex tirċievi l-Ispirtu hi l-qalb li hija ħerqana għas-Saltna t’Alla. Ġesu’ qalilna: “Fittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla; il-bqija kollox jingħatalkom b’żieda.” Qalb li hija ħerqana għas-Saltna hija qalb li hija ħerqana għal Ġesu’ u għall-affarijiet ta’ Ġesu’.
Il-qalb li hija mħejjija biex tirċievi l-Ispirtu s-Santu hija l-qalb li tobdi l-Kelma t’Alla. San Pietru hekk jgħid darba minnhom: li Alla ta l-Ispirtu s-Santu lil dawk li jobduh. Ejjew inkunu nies li aħna rridu nobdu l-Kelma t’Alla u mhux li nagħmlu ta’ rasna.
Il-qalb li hija mħejjija biex tirċievi l-Ispirtu s-Santu hija l-qalb illi tħobb lil Ġesu’, għaliex Ġesu’ stess qalilna li jekk aħna nħobbuh, il-Missier, Hu u l-Ispirtu jiġu jgħammru għandna.
Għalhekk ejjew infittxu matul dawn il-jiem ta’ talb, li l-qalb tagħna tkun tassew imħejjija biex tilqa’ l-Ispirtu s-Santu:
- permezz ta’ Qrara tajba,
- permezz tal-konverżjoni tagħna,
- billi nafdaw lil Alla fit-tiġrib tagħna,
- billi nfittxu l-affarijiet t’Alla,
- billi infittxu li naqraw il-Kelma t’Alla u nobduha u
- billi nħobbu lil Ġesu’ mill-qalb.
Talba:
Missier ħanin, aħna niġu quddiemek f’Isem Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna u minn qalbna nitobuk, Pa, sabiex inti tħejji l-qalb tagħna sabiex nistgħu nilqghu mill-ġdid id-Don tal-Ispirtu s-Santu f’ħajjitna.
Nitolbuk Mulej Ġesu’ sabiex Inti ttella’ fil-wiċċ dak id-dnub fil-qalb tagħna li bih aħna nistgħu nkunu qed nirreżistu u nieqfu lill-Ispirtu s-Santu. Agħtina I-konvinzjoni, l-indiema fil-qalb tagħna. Iġbidna lejn il-Qrar, Mulej, ħa nirċievu l-maħfra tiegħek. Nitolbuk Mulej sabiex inti ssaffi l-qalb tagħna mill-ġibda u mill-pjaċir tad-dnub.
Nitolbuk Mulej sabiex inti anki I-qalb tagħna tiġbidha għall-affarijiet tiegħek. Agħmel li nkunu ħerqana għall-affarijiet tas-Saltna tiegħek, ħalli b’hekk I-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jużana u jaħdem fina.
Mulej Ġesu, agħtina l-grazzja li jkollna qalb li tobdi l-Kelma tiegħek, li bħal Marija aħna mhux biss nisimgħu l-Kelma, imma bħal Marija aħna nżommuHa f’qalbna u ngħixu I-Kelma li Inti tagħtina. Agħmilna ħbieb tal-Vanġelu. Agħmel li ħajjitna tkun l-għejxien tal-Vanġelu.
U nitolbok Mulej: igbidna lejk. Agħmel li nħobbuk, ħalli b’hekk fl-imħabba ta’ bejnietna nkunu nistgħu nilqgħu l-akbar rigal li int tagħtina għax tħobbna – ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu.
Spirtu s-Santu Alla, ħejji l-qalb tagħna biex tilqa’ d-don tiegħek innifsek. Ammen! Halleluia!
Mur għall-Ħames Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu