3. Novena lill-Ispirtu s-Santu

Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2015: It-Tielet Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

[3] Il-wegħda ta’ Ġesu’ li se jagħtina l-Ispirtu s-Santu …

Qari mill-Evanġelu ta’ San Ġwann:

“Madankollu ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur, għaliex jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom, imma jekk immur, nibgħathulkom.”

Ħsieb:

Kemm hi qawwija din il-Kelma ta’ Ġesu’, meta jgħidilna li jaqblilna li huwa jmur. Għaliex huwa biss meta hu jmur, li aħna nistgħu nirċievu l-Ispirtu s-Santu. Jgħidilna li jaqblilna li huwa jmur għand il-Missier, jiġifieri li jiġi gglorifikat permezz tal-Passjoni, l-mewt u l-qawmien tiegħu, ħalli aħna nirċievu l-Ispirtu. Mela x’għandu jfisser l-Ispirtu s-Santu għalina, jekk Ġesu’ qed jgħidilna li jaqblilna illi huwa jmur?

Ġesu’ lill-appostli ppreparahom sewwa għall-Ispirtu s-Santu. Alla li jżomm kelmtu wegħedulhom u allura stennew ‘l-Ispirtu s-Santu. Din il-wegħda, li biha Alla l-Missier kien qed ikabbar l-għatx tal-poplu tiegħu għaliha, insibuha fit-Testment il-Qadim — fil-Ktieb ta’ Ġoel, fil-Ktieb ta’ Eżekjel u fil-Ktieb ta’ Ġeremija. Hawn għandna tliet wegħdiet kbar li Alla qed iwiegħed li jagħti ruħ ġdida, qalb ġdida, I-Ispirtu tiegħu li jrid ikun il-vera ruħ tagħna, li jrid ikun il-vera qalb tagħna.

Ġwanni l-Battista wkoll iwieghed li Ġesu’ ħa jkun dak li mhux jgħammed bl-ilma, imma bl-Ispirtu u bin-nar. Imbagħad għandna lil Ġesu’ li diversi drabi jkompli jenfasizza din il-wegħda, anke qabel ma jitla’ għand il-Missier. Lill-appostli jgħidilhom biex jibqgħu jistennew sa ma jiġu mlibbsa l-qawwa.

Aħna rridu nilqgħu d-don tal-Ispirtu s-Santu bħala l-wegħda tal-Missier u tal-Iben għalina. Nilqgħuh daqskemm nemmnu fil-wegħdiet li Alla għamlilna. Alla jżomm kelmtu. Jekk Ġesu’ wiegħedna li se jagħtina l-Ispirtu, allura hekk qal u hekk hu. Ejjew ikollna fiduċja sħiħa f’dan Alla li jżomm kelmtu u li se jġeddidna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna.

Talba:

Missier ħanin, aħna nirringrazzjawk li Inti l-Missier tagħna tas-Sema, l-Abba, inti li żżomm il-wegħdiet tiegħek. Nirringrazzjawk, Pa, illi sa mit-Testment il-Qadim inti bdejt tħejji l-qalb tal-poplu biex jirċievi d-don tal-Ispirtu. Nirringrazzjawk Mulej Ġesu’ talli inti wiegħedt lill-appostli li se tibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu.

Aħna llum nilqgħu dawn il-wegħdiet tiegħek Missier, il-wegħdiet tiegħek Ġesu’. Aħna nagħmlu dawn il-wegħdiet tagħna. Aħna nilqagħuhom bil-fidi. Aħna nemmnu fihom. Aħna nemmnu fik o Alla illi żżomm il-Kelma tiegħek. Minn qalbna nitolbuk, iftħilna qalbna beraħ ħalli aħna nilqgħu dawn il-wegħediet.

Agħtina l-paċenzja li nistennew li din il-wegħda sseħħ bil-qawwa kollha fil-ħajja tagħna. Agħtina l-konvinzjoni, Mulej Ġesu’, li dak li Inti għidt, iseħħ f’ħajjitna. Agħtina l-konvinzjoni li Inti trid iġġedded fina l-Ispirtu Qaddis li aħna rċevejna fil-Magħmudija u fil-Griżma tal-Isqof. Aħna nilqgħu, Missier ħanin, dan ir-Rigal tal-Ispirtu s-Santu li Int tixtieq tagħtina permezz ta’ Ġesu’. Ammen! Halleluia!

Mur għar-Raba’ Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s