
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Sidi Ġesu’, illum sejra nitolbok għal dawk li għad li jgħidu li huma ħielsa, fil-verità jinsabu marbutin bil-ktajjen fejn jidħol il-materjaliżmu. Igħidu u jridu li ħadd ma jindaħlilhom għax huma liberi, iżda tabilħaqq jinsabu mkaxkrin mil-libertinaġġ. Il-libertinaġġ li jżommok skjav u li jwasslek għall-jasar fl-ispirtu. Kemm persuni jagħżlu t-triq il-ħafifa li twassal għall-pjaċir, għad-divertiment sfrenat, għall-moda sfaċċata li min jaf kemm isiru dnubiet ħabba fiha!
Il-bniedem li ma għandux Lilek jasal biex jagħmel kollox u jaħasra ma jindunax li dan kollu jwasslu għall-jasar, ma jintebaħx li qed jgħabbi u jpoġġi fuq spallejh piż li hu tqil wisq; imbagħad erħilu jgerger meta jkun hemm imqar ħaġa ċkejkna li ma jirnexxilux jiksibha u jekk bl-għaraq ta ġbinu jasal għaliha, malajr jinfexx ifittex elf ħaġa oħra biex forsi jimla I-vojt li hemm f’qiegħ qalbu bla ma jfittex li jagħmel kuraġġ u jara mnejn hu ġej il-vojt li kulma jmur dejjem jiżdied ġewwa fih. Vojt li ma jista’ jimtela qatt u bl-ebda ħaġa ħlief Bik biss.
Spirtu Qaddis, nitolbok biex tħenn u ddawwal lill-poplu tiegħek biex iħallik tieħu kontroll ta’ dak kollu li mhux ġej minnek. Agħmel li jkun kapaċi jiftaħ qalbu Għalik biex Int tidħol u tagħmel kinsa tajba, tneħħi l-għanqbut u tkisser bil-qawwa tiegħek il-ktajjen ħalli tabilħaqq jibda jagħraf jgħix mill-ġdid Agħtih l-għerf li bih jasal jagħraf li Fik biss hemm il-vera libertà u wasslu Int għal din il-liberta’ sħiħa Bik, Miegħek u Fik. Ammen.