
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Għażiż Ġesu’, npoġġilek f’riġlejk lil bosta erwieħ li jinsabu ‘l bogħod minnek. Lil dawk li qed isofru u s-sofferenza tagħhom qed tqanqal fihom rabja jekk mhux ukoll mibgħeda lejk u lejn l-oħrajn għax għadhom ma fehmux li s-sofferenza għandha parti integrali fil-ħajja. Iva, Mulej, it-tbatija tbeżża’. Int taf kemm tbeżża’ għax għaddejt minnha u tant kont imwerwer li fil-ġnien tal-Ġetsemani għeriqt l-għaraq tad-demm.
Il-bniedem jibża’ mit-tbatija li tista’ tkun taħt diversi forom: tista’ tkun fiżika, tista’ tkun spiritwali għad li ngħid għalija nippreferi dik fiżika milli I-oħra għax aħjar inbati miegħek milli mingħajrek. Mingħajrek wieħed jasal għad-disprament iżda maqgħud miegħek jasal jitqaddes.
Kompli kun mall-poplu tiegħek Mulej u wrieh li fl-ebda mument ma jinsab waħdu; anke meta qalbu tkun f’elf biċċa, meta jitlef l-iskop għalfejn għandu jibqa’ jgħix, meta jara l-ħolm kollu josfor u jtir mar-riħ; meta jħossu nutli fil-ħajja u mwarrab minn ta’ madwaru. Mulej, il-lista hi twila ma tispiċċa qatt. Għalhekk nitolbok sabiex tieħu kontroll ta’ dak kollu li jista’ jkun hemm f’qalb kull wieħed u waħda minn dawn ħutna.
Nitolbok għal dawk li qatgħuk darba għal dejjem minn ħajjithom u assolutament ma jridux jafu bik, għal dawk li tbegħdu mis-Sagramenti u li d-dlam kaxkarhom. Għal dawk li qatgħu qishom mill-maħfra tiegħek. Mulej Ġesù fakkar lill-għadu li l-midinbin m’humiex tiegħu; imma tiegħek, li huma l-għeżież tiegħek għax aktar kemm wieħed ikun midneb aktar għandu jhedd għall-ħniena tiegħek kif Int stess għedt lil Santa Fawstina.
Sinjur Ġesu’, jien nimposta f’qalbek lil dawn l-erwieħ imsejkna li mingħajrek nistħajjilhom bħal ‘zombies’ għax verament qed jeżistu u mhux jgħixu, għax il-milja tal-ħajja tinsab biss fik. Irrid inkun il-kumpann li b’ talbi ngħin biex jiftħu qalbhom għal kull taħbita li Int qed tagħmillhom kull ħin. Irrid li nkun il-faraġ tiegħek, kif Int tixtieq u tistedini li nkun.
Irrid inkun bħal Marija oħt Marta li npoġġi f’riġlejk biex nisma’ kelmtek waqt li nħallik turini u tħeġġiġni fi mħabbti lejk. Iva; irrid li nġiblek miegħi fl-Ispirtu bosta erwieħ sabiex ma jkun qatt li nħalluk waħdek maqful bħal priġunier fit-Tabernaklu u qabel ma nitlaq minn quddiemek inħalli qalbi u qalbhom jadurawk fl-Ispirtu bi tpattija għal tant qlub li abbandunawk u rreġettawk minn ħajjithom. Agħmel minn qalbi u minn dawn il-qlub ta’ rieda tajba, kappelli t’adorazzjoni u ta’ tifħir għall-glorja t’Ismek. Ammen.