Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2015: L-Ewwel Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …
Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN
[1] L-Ispirtu s-Santu fil-ħajja ta’ Ġesu’ …
Qari mill-Evanġelu ta’ San Luqa:
Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.”
Ħsieb:
Kif smajna f’din il-Kelma, mill-bidunett tal-Inkarnazzjoni, l-Ispirtu s-Santu nsibuh f’rabta ma’ Ġesu’. Nistgħu ngħidu li l-Ispirtu s-Santu huwa l-Kumpann inseparabbli ta’ Kristu, kif anki darba sejjaħlu San Bażilju. L-Ispirtu s-Santu nqisuh li fforma l-Ġisem ta’ Ġesu’ fil-ġuf ta’ Marija. Iktar ‘l quddiem naraw illi l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq Ġesu’ anke fix-xmara Ġordan fil-mument tal-Magħmudija minn Ġwanni l-Battista.
‘L quddiem insibu mumenti oħjrajn meta naraw lil Ġesu’ jiġi mmexxi mill-Ispirtu s-Santu li jieħdu fid-deżert biex ikun imġarrab mix-xitan. Ġesu’ jiġi lura mid-deżert fil-qawwa tal-Ispirtu. Ġesu’ fis-sinagoga ta’ Nazzaret jgħid illi l-Ispirtu s-Santu huwa I-qawwa tiegħu, huwa l-unzjoni, id-dilka tiegħu. Il-Kelma t’Alla tgħidilna li l-Ispirtu s-Santu, li hu din il-qawwa, ħarġet minn Ġesu’ biex ifejjaq ‘il-morda. Ġesu’ nnifsu jgħid illi kien ikeċċi x-xjaten bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U nsibu lil Ġesu’ ukoll illi jitlob ‘l-Ispirtu s-Santu. Fl-ittra lil-Lhud insibu wkoll illi Ġesu’ offra I-passjoni tiegħu kollha kemm hi ‘l-Ispirtu s-Santu.
L-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi, għalhekk huma magħqud ħaġa waħda mal-Mulej Ġesu’. Il-ħajja ta’ Ġesu’ fuq din l-art hija magħquda mal-Ispirtu s-Santu. Jekk Ġesu’ kien jiddependi daqshekk mill-Ispirtu s-Santu, jekk Ġesu’ kellu din l-intimita’ mal-Ispirtu s-Santu, kemm wisq aktar aħna! Jekk il-ħajja nisranija hija li aħna nsiru bħal Ġesu’, allura bħal Ġesu’, il-ħajja nisranija tagħna kollha kemm hi, trid tiddependi mill-Ispirtu s-Santu, f’kulma nagħmlu, f’kulma naħsbu, f’kulma ngħidu u f’kull m’aħna.
Talba:
Spirtu s-Santu Alla,
il-Kumpann inseparabbli tiegħi,
illum nagħtik ħajti, imħabbti,
il-qima u l-libertà kollha tiegħi.
Nar, Imħabba msawba f’qalbi,
aħtafni u kkonsmani bik innifsek.
Tħalli xejn minni nnifsi, fija nnifsi.
Kun inti l-mewt totali tiegħi nnifsi.
Riħ inkontrollabbli,
Agħmilni doċli u ħafif fik u għalik.
Għinni nintelaq fik bħall-werqa li tittajjar fejn teħodha.
M’hemmx għalfejn turini fejn…
Ħudni fejn trid…
Agħmel bija li trid…
Spirtu li tgħammar fija,
agħmel li l-frott tiegħek jidher fija
għax il-ħajja tiegħi tkun int
u jiena mmut għalija nnifsi.
Qawwa ta’ Alla,
użani kif trid Int bid-dilka tiegħek.
Uri l-qawwa tal-imħabba tiegħek fija
bil-wiri tal-kariżmi kollha tiegħek
biex inkun xhud ta’ Ġesu flimkien miegħek
bl-eżempju, bil-Kelma u bis-sinjali.
Marija, għarusa tal-Ispirtu s-Santu,
proteġini mill-inganni tax-xitan.
Kun miegħi u għinni biex
ma nieqaf qatt,
ma nxekkel qatt,
u ma nnikket qatt
lill-Kumpann inseparabbli tiegħi.
Ammen! Alleluia!
Mur għat-Tieni Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu