Talba għod-don tal-fidi fl-erwieħ

Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI

Għażiż Mulej Ġesu’, li mitt għal kulħadd, nitolbok għad-don tal-Fidi f’kulħadd. Fl-ittra lil-Lhud, il-Kelma tiegħek tgħidilna li:

“Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li Hu jagħti ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.”

(Lhud 11: 6)

Għalhekk, il-fidi hi l-bidu u t-tmiem tal-mod kif aħna ngħixu f’din id-dinja. Mingħajr fidi ma nistgħux nogħġbuk u din il-fidi rridu nieħdu ħsiebha biex tikber u tagħti l-frott mixtieq.

Ibagħat, nitolbok l-Ispirtu s-Santu ħa jħeġġeġ id-don tal-fidi fl-insara kollha li għal xi raġuni jew oħra tgħammdu u rċevew il-fidi imma ma baqgħux jemmnu u/jew jipprattikawha. Erġa’ rewwaħ il-fjamma li kważi ntfiet u qanqalhom biex ma jitilfux opportunita’ fejn fiha jipprattikaw u jkabbru l-fidi tagħhom, anki permezz tal-għemil għax

“il-fidi mingħajr għemil hija fiergħa.”

(Ġakbu 2: 20b)

Agħmel li jagħmlu ħilithom kollha biex iħarsuha, ma jitilfuwix u jieħdu ħsieb jgħadduḥa lil kull min jistgħu, l-aktar bl-eżempju ta’ ħajjithom.

Agħmel li f’ħajjitna naraw muntanji jiċċaqalqu minħabba l-fidi soda tagħna imma fl-istess waqt agħmel li bħaċ-ċenturjun nemmnu bla ma naraw għax nafu f’Min qed nafdaw. Ħa jkun hawn ħafna li jogħġbuk minħabba l-fidi qawwija tagħhom Fik kif għoġbok l-istess ċenturjun.

Kompli għaqqad l-insara kollha li jemmnu Fik f’merħla waħda taħt Ragħaj wieħed kif ridtha Int sa mill-bidu u agħmel li aħna li nemmnu nkunu qalb waħda u ninħabbu kif urejtna Int, ħalli n-nies minn reliġjonijiet oħra jew ateji jintebħu li aħna tiegħek u li Bik magħna għandna l-Verita’ u s-Salvazzjoni. Ħu ħsieb, għażiż Ġesu’, kabbar in-numru ta’ dawk li jħaddnu l-Fidi Kattolika Rumana u wassalhom sal-quċċata tal-qdusija li tixraqlek.

Grazzi mill-qalb talli ħafna drabi Int kellek terġa’ ttina dan id-don tal-Fidi għax bi traskuraġini tagħna aħna tlifnih. Kemm Int ħanin u paċenzjuż magħna. Kompli, nitolbok uri din il-karita’ magħna minkejja li ma jistħoqqilnix. Wassalna Int bil-fidi Fik biex la jasal il-waqt inkunu nistgħu ngħożżu għall-eternita’ dak li issa nittamaw fih permezz tal-fidi. Ammen. Grazzi. Halleluia!

Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s