
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Maħbub Divin tiegħi, nixtieq minn qalbi u b’sentimenti ta’ ħniena u kompassjoni, nitolbok għall-morda kollha kull fejn jinsabu, b’mod speċjali dawk li huma muġugħin, sfigurati u dawk b’nuqqas ta’ saħħa, bħall-anzjani u n-nies vulnerabbli. Nitolbok kemm għal min ibati fiżikament kif ukoll għal dawk li jbatu psikoloġikament.
Agħtihom li jsibu min jifhimhom, min jikkurhom skont ma jeħtieġu, min jgħinnhom u jassistihom, min iżurhom u jfarraġhom u min jigwidhom ukoll fil-ħajja ta’ ruħhom li hi tant prezzjuża għalik Mulej.
Ersaq lejhom Int innifsek għażiż Ġesu’, misshom jew għid kelma waħda u huma jkunu mfejqa. Agħti d-don tal-fejqan lil diversi nies fil-Knisja u ara li jkun hemm ħafna talb għall-bżonnijiet tal-morda, ħalli x-xitan ma jorbotx bit-toqol tal-mard lil wliedek maħbuba. Grazzi talli tagħmel dan. Jien inpoġġi t-tama tal-morda kollha Fik u fil-Qalb ħanina tiegħek.
Lil dawk li fil-għerf tiegħek tara li jeħtiġielhom jgħaddu minn mard u nuqqas ta’ saħħa bla ma jsibu l-fejqan, nitolbok biex tħaddanhom ma’ qalbek u terfaħħhom fuq dirgħajk. Ittratta magħhom bi ħlewwa kbira, filwaqt li turihom lit-tbatija tagħhom mhix għal xejn, li hi sejħa biex ikunu jixbħu lilek fi tbatijietek. Għallimhom li jistgħu jgħaqqdu tbatijiethom ma’ tiegħek fuq is-salib għas-salvazzjoni ta’ ruħhom u ta’ ruħ ħuthom il-bnedmin.
Marija, Saħħa tal-Morda, idħol għalihom int b`talbek setgħan u aqlalhom mingħand Ibnek kull ma jeħtieġu huma u jġorru s-salib tal-mard tagħhom. Grazzi.
Maħbub Ġesu’, jekk nista’ nagħmel dan, jiena noffrilek is-sofferenzi ta’ wliedek kollha, biex f’għaqda ma dawk tiegħek fuq is-salib, jiswew għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.
Grazzi talli lqajtu dan it-talb tiegħi għall-morda. Kollox għall-akbar glorja tiegħek Trinita’ qaddisa u għat-tkabbir tas-Saltna. Ammen. Halleluia!