
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Għażiż Maħbub ta’ ruħi Ġesu’, jien inħobb lil kulħadd! Jien nixtieq nieħu ħsieb ta’ kulħadd għax jinteressani minn kulħadd! Jinteressani mill-ħtiġijiet materjali u l-aktar dawk spiritwali ta’ kulħadd. Għalhekk irrid nitlob għal kulħadd.
Nibda billi nitolbok tbierek, tkenni u tipproteġi lil kull ruħ. B’ħerqa kbira rrid naqlalhom mingħandek dawk il-grazzji li jeħtieġu biex isalvaw u jsiru qaddisin bħalek.
Ġaladarba Inti tajtni l-possibilta’ li ninterċedi b’talbi għal kull min irrid, jien inħossni bħal omm l-erwieħ li għalihom inkun qed nitlob. Għalhekk minn qalbi nagħżel li nkun il-vuċi ħerqana ta’ kull wieħed u waħda minnhom u nwassal għandek l-ilmenti, il-ħtiġijiet u t-talb tagħhom dejjem jekk hu skont ir-rieda tiegħek, biex Int jogħġbok tberikom bil-grazzji tiegħek ta’ kull xorta.
Jien fiduċjuża li Int m’intix se twarrab lil dawn l-ulied li jien qed inġiblek quddiemek biex tberikom. Nitolbok biex tħaddanhom ma’ Qalbek u tgħożżhom, Int li diġa’ tajt ħajtek għalihom. Ħenn għal kulħadd għażiż Mulej! Ammen. Grazzi. Halleluia!
“Jekk tal-ħtijiet Int tagħti kas Mulej, Sidi min jista jżomm sħiħ? Imma għandek hemm il-maħfra biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek.”
(Salm 129)