
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Grazzi Mulej talli Int tmexxini lejn il-Ġenna. Grazzi talli kollox tagħmel b’dan it-tir f’moħħok, li twassalni l-Ġenna u nirċievi dik il-glorja li ppjanajt għalija. Int għalhekk tagħżel li tgħaddini minn dik l-esperjenza u mhux mill-oħra, minn ċertu tiġrib u mhux ieħor, minn diversi provi u mhux minn oħra. Int trid issib dawk il-virtujiet differenti f’kulħadd hekk kif għamilt il-fjuri kollha differenti minn xulxin. Fija trid issib dawn u mhux dawk il-virtujiet li tistenna minn ħaddieħor u vice-versa. Li hu ċert hu, li jien jeħtieġli nimmira dejjem għal mitt frotta, imbagħad iddeċiedi Int xi grazzji trid tagħtini u x’virtujiet tridni nipprattika.
Jum wara jum, episodju wara ieħor, żgur li minn naħa tiegħek tirsisti biex tarana nikbru fil-qdusija. Aktar ma nikber fl-Għerf, aktar nikber fil-qdusija għax l-Għerf ibiddilli l-mod ta’ kif naħsibha, u allura kif naġixxi. Skont San Pawl dan hu l-proċess tal-konverżjoni li trid tara fina kuljum. Konverżjoni tfisser tibdel il-mod ta’ kif taħsibha u tirraġuna skont l-Ispirtu. Mhux ta’ b’xejn li għandi bżonn nitolbok l-Għerf bla waqfien!
L-Għerf, jew aħjar l-Ispirtu s-Santu jinsab ġo fija. Mela jien jeħtieġli niskot hekk li nkun nista’ nfittex fil-ħażna tiegħu li tinsab fija. Mumenti u ħinijiet ta’ skiet huma indispensabbli għar-ruħ u teħtieġhom bħalma l-ġisem jeħtieġ l-ossiġnu. F’dan is-skiet, juri ruħu Hu, l-Ispirtu s-Santu u jikxef lir-ruħi u Lilu nnifsu. Nagħraf jien kif ninsab quddiemu u jħallini nagħraf lilu u ħsibijietu. Hu jħobb jrrivelali l-pjanijiet tiegħu u jien inħobb ninfetaħ għal dak li Hu fil-ferħ tiegħu jkun jixtieq jagħtini.
O kemm hi kbira din l-intimita’, din l-imħabba. Id-dinja ma tifhimiex u ma tipproduċijiex. Hija estranja għad-dinja għax hi opra tad-Divin. Għalhekk, minn qalbi nagħtik glorja O Trinita’ Qaddisa, Imħabba u Teżor tiegħi u nitolbok ma ċċaħħadni qatt mill-hena u mill-benna tat-teżori spiritwali tiegħek għax jien maħluqa għalik u mhux għad-dinja! Grazzi. Ammen. Halleluia!