It-Tnejn, 20 ta’ Mejju 2019: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar Ġw 14: 23–29. (Sena Ċ) (Is-Sitt Ħadd tal-Għid) Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …
MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN
Il-Paċi magħkom, għeżież tiegħi.
Minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm “Ejjew Għandi”, stedina li Ġesu’ jagħmlilna. “Ejjew għandi”, Ġesu’ qed jgħidilna. Irridu mmorru għand il-Mulej Ġesu’ lkoll kemm aħna, b’mod speċjali anke meta nħossuna li għaxxaqniha bil-kbir fil-ħajja tagħna. Meta tkun għaxxaqtha bil-kbir, xi drabi forsi tistħi. Tgħid: “fejn ħa mmur jien, fejn se nagħti rasi?” Imma Ġesu’ qed jgħidlek: “Ejja għandi.” Ħadd minna m’hu mkeċċi mingħandu, għeżież tiegħi. Ġesu’ qalilna: “Min jiġi għandi, ma nkeċċihx ‘l barra.” Kemm hi sabiħ dal-kliem, hux? “Min jiġi għandi ma nkeċċihx ‘l barra.”
Insellem bil-qalb lil dawk kollha li jsegwuwna mill-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin. Insellem lilkom illi anke li taħdmu hemmhekk, insellem lill-morda fl-isptarijiet kollha, fid-djar tal-anzjani, lill-anzjani u forsi jgħixu fid-djar tagħhom u jħossuhom waħedhom, lil min għaddej minn żmien iebes. Insellem lis-saċerdoti anzjani fid-dar tal-Kleru, nixtieq insellem mill-qalb anke lil dawk kollha li jsegwuna barra minn Malta bil-mezzi ta’ kommunikazzjoni soċjali, u lilkom lkoll li b’fedelta’ sħiħa tfittxu minn ġimgħa għal oħra li tisimgħu anke din il-Kelma tal-Mulej permezz ta’ dan il-programm.
Il-Vanġelu li sejjer naqra llum, għeżież tiegħi, u wara nirriflettu ftit fil-ħajja tagħna xi jfisser meħud mill-Evanġelju skont San Ġwann kapitlu 14 minn vrus minn 23 sa 29:
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.
Għidtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għidtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”.
Hekk, f’dan il-Vanġelu, għeżież tiegħi, Ġesu’ jibda billi jgħidilna: “Jekk tħobbuni, tħarsu l-Kmandamenti tiegħi.” Ħeqq, din hija kelma li hija importanti għaliex xi drabi, għeżież tiegħi, ssib min jgħidlek:
- “Iva, jien lil Ġesu’ nħobbu, ta! “
- “Jiena għandi relazzjoni m’Alla, pero’ jiena ma hemmx għalfejn immur il-Quddies.”
- “Jien għandi relazzjoni m’Alla, imma m’hemmx għalfejn ,fejn naf jiena, immur inqerr”,
- “Jien m’hemmx għalfejn nitqarben, imma jiena nitlob, ta”,
- “Jien m’inhix raġel ħażin, Father: jien lil Alla nħobbu.”
Iva, insibu min jgħidilna dawn l-affarijiet, u biex ngħid hekk, niggosta lil min jgħidhomna. Għaliex ga’ għandu relazzjoni m’Alla, u kemm hi sabiħa. Li forsi xi drabi neħlu ftit, għeżież tiegħi, huwa li aħna naħsbu li l-imħabba tagħna lejn Alla, l-imħabba tagħna lejn Ġesu’, hija sempliċiment kif inħobbu.
Issa ħa ngħiduha kif inhi: dik ukoll hi sabiħa, għaliex f’qalbek hemm ix-xewqa għal Alla. Għaliex f’qalbek b’xi mod diga’ qed tagħraf lil Ġesu’, u allura jiena ninkoraġġixxi, anke lil min forsi minnkom li ma jersaqx lejn il-Knisja, pero’ li f’qalbu hemm din ix-xewqa għal Alla, f’qalbu jitlob filgħodu u filgħaxija, f’qalbu idur lejn il-Mulej Ġesu’ anke jekk m’hux qed jattendi l-Qrar, il-Quddies, il-Knisja. Pero’ l-fatt li f’qalbek hemm din ix-xewqa u qed tieħu ħsiebha bil-mod tiegħek, dik hija ħaġa sabiħa u nħeġġek illi tibqa’ tagħmilha.
Li nixtieqek tagħmel ukoll, pero’, huwa li tipprova tagħmel daqsxejn xi ħaġa: pass iktar ‘il quddiem. Mhux għax jiena nixtieqek tagħmel hekk, ta, imma għax dan l-istess Ġesu’, li inti tħobb u li tixtieq bil-mod tiegħek, nixtieq ngħinnek tifhmu ftit kif jixtieqek tħobbu. Għax fil-ħajja hemm din id-differenza u din f’kollox, ta, mhux biss m’Alla, għeżież tiegħi. Anke bejnietna.
Jiena nista’ ngħid li l-mara tiegħi nħobbha kif naf jien. Mhux sabiħ? Mhux ħaġa tajba? Pero’ mbagħad hemm livell ogħla minn hekk ta’ mħabba illi flok inħobbha kif naf jien, inħobbha kif tixtieqni hi li nħobbha.
Dan huwa livell aktar profond. Dan huwa livell aktar intimu, dan huwa livell fejn l-imħabba hija aktar bis-sens. Għaliex, fejn naf jien, jekk jiena l-mara nixtieq inħobbha billi nixtrilha dinner set tajjeb, imma din lanqas biss tħobb tiekol, inzertat, ħeqq! Jiġifieri jiena, OK ħabbejtha billi xtrajtilha d-dinner set tajjeb, imma jekk dina ma tapprezzahx, x’jiswa? Jekk id-dinner set mhux daqshekk importanti għaliha. Kienet tapprezza aktar kieku, fejn naf jien, xtrajtilha treadmill milli dinner set ħalli togħlob, minflok tiekol aktar, eh? Naħseb tkun tħobbha aktar kieku xtrajtilha t-treadmill għax hekk tħossha maħbuba iktar, għax hija xi ħaġa iktar għal qalbha.
Meta niġi biex nagħti rigal, ma nagħtix rigal biex nużah jiena, imma biex nogħġob lilek. Fejn naf jiena, jekk id-dar jiena l-Missier tal-familja u nħobb il-football u nixtieq nibdel it-TV u nixtri wieħed b’xi screen kbir, imma ma nagħtix rigal lill-mara, fejn naf jien, fil-birthday tagħha, għax naf li dak l-iscreen irrid nużah jiena, inkun qiegħed nagħti rigal lili nnifsi permezz tal-mara, tajjeb? Jiġifieri biex imbagħad ingawdih meta nara l-football. L-imħabba m’hix just kif jiena rrid jew naf inħobbok imma li lilek insir nafek biex jiena nħobbok kif inti tixtieq li tkun maħbub. M’hix sabiħa din?
Issa din, għeżież tiegħi, mhux biss bejnietna, imma anke ma’ Ġesu’, m’Alla l-Imbierek. Hekk irridu nimxu. Inti tgħid,” isma’ jiena ma mmurx il-Knisja, jien sempliċiment nitlob ‘l Alla filgħodu u filgħaxija bil-mod tiegħi.” Jiena ngħidlek dik hija forma ta’ mħabba li int għandek lejn Alla, lejn Sidna Ġesu’ Kristu u ara jfettillek twaqqafha.
Pero’, nixtieq nistiednek għal ħaġ’ oħra. Qatt irrealizzajt illi Ġesu’ jixtieqek tħobbu kif jixtieq hu mhux kif tixtieq int? Qatt irrealizzajt illi Alla jixtieq li aħna nħobbuh mhux biss kif nixtiequ aħna u kif nafu dik diġa’ hija ħafna, pero’ jixtieqna nħobbuh kif hu jixtieq li jkun maħbub minna, fl-aħħar mill-aħħar kif anke aħna nixtiequ bejnietna?
Issa Ġesu’ fil-Vanġelu llum qed jgħidilna din il-ħaġa. Kif jixtieq li jkun maħbub minna. U tafu kif inhi? Fl-ewwel vers Ġesu’ qal: “Min iħobbni jħares kelmti…” Mela Ġesu’ qed jgħidilna: ”Isma’, jekk tixtiequ tħobbuni vera għamlu dak li għedtilkom jien, ħarsu l-kelma tiegħi. Dak li qaltilna Ommna Marija, il-Madonna fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kullma jgħidilkom hu.” F’kelma waħda: qed tgħidilna: “ħobbuh.” Dak li qaltilna l-Madonna fit-tieġ ta’ Kana: “Ħobbuh lil Ibni u meta tħobbuh jagħtikom inbid ġdid.”
Għeżież tiegħi, jekk aħna rridu verament inħobbu lil Alla, rridu nħobbuh kif hu talabna li nħobbuh. Hu qalilna ħarsu l-kelma tiegħu. Mela hawnhekk, għeżież tiegħi, l-imħabba turi lilha nnfisha lejn Sidna Ġesu’ Kristu fl-ubbidjenza. Issa forsi aħna, l-imħabba ma nagħmluhiex dejjem hekk mal-ubbidjenza. Forsi, li jiena nagħmel dak li tixtieq minni inti biex nurik li nħobbok, dina ma narahiex tajba. Forsi naraha li hija abbuż, forsi naraha li hija teħodli l-liberta’ tiegħi, forsi naraha li hija manipulazzjoni. Forsi naraha, imma jien, jekk ma nħosshiex, ma naqbilx maghha, ma nifhimhiex, għalfejn għandi nagħmilha? Għalfejn għandi nagħmel dak li qed tgħidli int, jekk din jien ma nħosshiex? Mhux ipokrita nkun qiegħed inkun? Jekk jien ma nħossx illi għandi nixtrilek it-treadmill ghad li naf li dik se tferrħek, mhux qed nagħtijilek minn qalbi. U forsi hawnhekk li xi drabi rridu nirranġaw ftit il-kunċetti tal-imħabba.
L-imħabba matura m’hijiex dejjem dak li nħoss jien imma dak li se jferraħ lilek. U hawnhekk jidħol is-sagrifiċċju; imma sagrifiċċju mhux tbatija. Is-sagrifiċċju mhux xi ħaġa kerha, is-sagrifiċċju hija sacrum facere, jiġifieri bil-Latin, nagħmel xi ħaġa li hi qaddisa. Ċioe’, jiena nagħmel xi ħaġa li hi qaddisa li anke jekk ma nħosshiex, naf li pero’ lilek ħa tferrħek. Jiena nagħmilha għalik. Jien nagħmel ħaġa qaddisa jekk jiena ma għandhiex aptit immur ix-xogħol u li kien għalija ma mmurx, imma għall-ġid tal-familja mmur naqla’ l-ħobżna ta’ kuljum, allavolja ma nħosshiex. M’hix att ta’ mħabba dik li ma tħosshiex imma qed tagħmilha? Dażgur li hija att ta’ mħabba u jalla tibqa’ tagħmilha. Qed nagħti dawn l-eżempji għaliex aħna xi kultant, għeżież tiegħi, filli nirraġunaw mod u filli nirraġunaw mod ieħor. Jiġifieri, għall-familja jekk ma tħossx li għandek tmur xogħol tmur. Mhux biss għax dover, imma dak hu l-mod kif inti tħobb lill-familja tiegħek. Jiġifieri, xi drabi l-imħabba m’hix dak li nħoss. Xi drabi l-imħabba m’hix dak li għandi aptit, mhux dak li nqum filgħodu u li għandi aptit li nagħmel imma dak li hemm bżonn nagħmel, mhux x’għandi aptit nagħmel.
Għeżież tiegħi, m’Alla l-Imbierek hekk ukoll irridu nimxu. M’Alla, mhux x’għandi aptit nagħmel, imma x’hemm bżonn li nagħmel. L-imħabba m’hix kwistjoni ta’ ħass, imma ta’ x’qed jitlob minni l-Mulej. Issa Ġesu’ qalilna biex tħobbuni ħarsu u isimgħu x’ngħidilkom jien. Mela, kif tista’ tgħid li tħobb lil Alla kif hu jixtieq li jkun maħbub minnek, jekk inti l-Kelma t’Alla ma tafhiex? Jekk inti tirraġuna “għax jien hekk naħsibha, għax jien hekk nifhimha, għax il-maġġoranza hekk tgħid …”
Imma taħsbu li dik hi l-imħabba lejn Alla? Għax jien hekk naħsibha, għax jien hekk nifhimha, għax il-maġġoranza hekk tgħid? Le, għeżież tiegħi!
Aħna rridu nsaqsu:
- Mulej, int x’tgħid?
- Int x’tixtieq?
- X’inhi r-rieda tiegħek?
Din hi l-vera mħabba, għeżież tiegħi, u l-Kelma t’Alla m’hix impożizzjoni fuqna, imma hija propju f’dan il-kuntest tal-imħabba illi toħroġ b’mod sabiħ. Bejn żewġ maħbubin, għeżież tiegħi, jekk nurik xewqa tiegħi qed nimponiha fuqek? Jekk jiena nħobbok irrid naqtalek ix-xewqat tiegħek. Jekk jien ma nħobbokx ħa nimpika. Jekk jien ma nħobbokx, dawk ix-xewqat tiegħek ħa narahom impożizzjoni fuqi. Pero’ jiena llum qed nitkellem dwar nies li lil Alla jridu jħobbuh. Allura l-Kelma tiegħu m’hix impożizzjoni għalihom. Anzi “irrid naqtaghlek xewqtek Mulej, jekk jiena nixtieq inħobbok. Il-Kelma t’Alla turina x’inhuma x-xewqat t’Alla u f’dan is-sens hija ubbidjenza li nobduha, li naqtgħulu xewqtu. Il-kelma tobdi trid timbidel f’naqtgħu x-xewqat t’Alla.
Għeżież tiegħi, Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, qaddisa kbira u figura simpatika mmens mietet fl-eta’ ta’ 24 sena, pero’ skopriet din l-imħabba li tgħid: “Jiena lil Ġesu’ ma nistax nagħmel ħwejjeġ kbar għalih, ma nistax nagħmel ħwejjeġ kbar għal Alla, pero’ jiena nista’ naqtagħlu x-xewqat tiegħu.” Naqtagħlu x-xewqat tiegħu. Din hija l-kelma t’Alla. Il-Kelma t’Alla turina x-xewqat t’Alla x’inhuma u aħna nippruvaw naqtgħulu x-xewqat tiegħu biex inħobbuh.
Issa aħna, għeżież tiegħi, dan ma nagħmluhx bil-qawwa tagħna; Ġesu’ llum wegħedna l-Ispirtu s-Santu. Ċioe’, l-Ispirtu s-Santu ħa jtina l-forza sabiex aħna nistgħu naqtgħu x-xewqat t’Alla. L-Ispirtu s-Santu li jtina l-qawwa, jtina l-memorja, li jfakkarna l-Mulej xi jrid minna, x’inhuma x-xewqat ta’ Ġesu’ għalina. Dak li Alla x’jixtieq minna.
Issa l-Mulej x’jixtieq minna, għeżież tiegħi? Kif se nħobbu lil Alla? Jixtieq minna li aħna:
1. Nisimgħu x’jgħidilna. Allura, għalhekk aħna mmorru l-Knisja biex nisimgħu l-Kelma t’Alla. Għalhekk aħna suppost nitolbu bil-Bibbja, naqraw il-Bibbja, nafu l-Kelma t’Alla. Kif tista’ tħobb ‘l Alla jekk ma tafx il-Kelma tiegħu? Mela, li nħobbuh ifisser li nisimgħu l-Kelma tiegħu biex ngħixuha.
2. Li nħobbuh ifisser ukoll illi nirċevuh. Imma, jekk Ġesu’ lilek irid iħobbok billi tirċevih fit-Tqarbin Imqaddes, fl-Ewkaristija Mqaddsa, kif tista’ inti tgħid li tħobbu, imbagħad ma tridx tirċevieh? Kif tista’ tgħid li tħobb lil martek u ‘l żewġek u ma tridx intimita’ fiżika, sesswali magħha, miegħu? Għax l-imħabba umana, għeżież tiegħi, għandha espressjoni fiżika. It-Tqarbin dak li hu: l-imħabba ta’ Ġesu’ lejna u tagħna lejh li għandha espressjoni fiżika għax dan Alla tagħna sar bniedem. Tista’ forsi tinstema’ ġennata, imma l-imħabba mhux kollha ġennata, għeżież tiegħi? Aħna kapaċi niskopru mill-ġdid? Niskopru mill-ġdid li nħobbu ‘l Alla, anke b’din l-espressjoni fiżika, għeżież tiegħi. Dan huwa t-Tqarbin Imqaddes.
3. Li nisimgħu l-leħen tiegħu u narawh. Inti lil min tħobb trid tisma’ leħnu, mhux hekk? Lil min tħobb trid tisma’ leħnu. Aħna llum nisimgħu l-leħen billi nċemplu, mobile calls, Whatsapp, Skype, Facebook Messenger, Viber, b’kollox tipprova ċċempel illum il-ġurnata, bil-mezzi li għandna kollha, għeżież tiegħi. Anke bil-video call ħalli narah ukoll u nagħmlu sew, għeżież tiegħi. Lil min tħobbu rridu nisimgħuh; jekk inħobbu lil Alla rridu nisimgħu leħnu fil-Kelma tiegħu.
4. Jekk inħobbu, lil min tħobb trid tkun fil-preżenza tiegħu u ta’ dawk li jħobb. Fl-Ewkaristija, għeżież tiegħi, tgħannqu u tbusu lil min tħobb. L-Ewkristija dik li hija: li aħna niltaqgħu mal-Mulej fiżikament. Lil min tħobb, issir tħobb anke lil dawk li jħobb huwa, għeżież tiegħi; u din hija l-Knisja. Jekk int għandek ħabib jew ħabiba li tħobb, tieħu pjaċir fil-kumpanija tal-ħbieb tagħha, tal-ħbieb tiegħu, u din hija l-aħwa tal-Komunita’ Nisranija, għeżież tiegħi. Aħna li nħobbu lil Ġesu’, kif nistgħu ma nħobbux lil dawk li Ġesu’ jħobb? Għalhekk immorru l-Quddiesa: biex niltaqgħu bejnietna wkoll. Aħna lkoll maħbubin minn Alla.
5. Li nħobbu lil Ġesu’ allura jfisser ukoll li aħna nħobbu l-foqra għax dawn Ġesu’ jħobbhom ħafna b’mod speċjali:
- Kont il-ħabs u ġejtu tarawni,
- kont għeri u libbistuni,
- kont marid u ġejtu żżuruni,
- kont barrani u lqajtuni.
Kif tista’ tħobb lil Ġesu’ u fl-istess ħin ma tħobbx lil dawk li Ġesu’ jħobb?
Għeżież tiegħi, għalhekk qed ngħidilkom, dan mela. Tajjeb illi inti tħobb lil Ġesu’, tħobb lil Alla kif int taf tħobbu. Pero’ llum nixtieq ninkoraġġik li tagħmel pass ieħor ‘l quddiem. Ikkonsidra li tibda tħobb lill-Mulej kif hu jixtieq li jkun maħbub minnek:
- Billi tisma’ l-Kelma tiegħu.
- Billi tirċevih fl-Ewkaristija.
- Billi tħobb lill-proxxmu tiegħek.
- Billi tħobb lill-foqra, tħobb lill-Insara.
- Tħobb lil dawk li qegħdin ibatu.
U dan kollu mhux bil-qawwa tagħna: Ġesu’ tana l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Kuraġġ, maħbubin tiegħi! Ejjew inħallu l-imħabba tagħna lejn Alla tikber, tkun fil-verita’. Aħna li ngħidu nemmnu f’Alla, ejjew tabilħaqq inħobbuh.
U inti, għażiż ħija, li forsi għandek id-dubji tiegħek fuq Alla, għandek id-dubji fuq Ġesu’, nixtieq ngħidlek li dan Ġesu’ m’għandux l-ebda dubju fuqek. Dan Ġesu’, tant hu konvint minnek li miet għalik fuq is-Salib għax iħobbok u biex forsi xi darba, mqar fuq is-sodda tal-mewt tiegħek, tiftaħ qalbek għalih u tirrealizza kemm iħobbok.
Minn qalbi nilqagħkom għal-laqgħa ta’ talb “Ejjew Għandi”, mhux biss għall-programm “Ejjew Għandi” imma għall-laqgħat ta’ talb “Ejjew Għandi”, li nagħmluhom darba fix-xahar. Dan ikun mument fejn aħna nistgħu niftħu qalbna beraħ għal Ġesu’, nisimgħu l-Kelma tiegħu, inħalluh ifejjaqna, inħalluh imissna, nadurawh u infaħħruh. Fl-aħħar tal-laqgħa jkun hemm ċans nitolbu ma’ kull persuna li tiġi, għeżież tiegħi, b’mod speċjali mal-morda u ma’ dawk kollha li jkollhom bżonn xi talb ta’ fejqan, paċi fil-qalb tagħhom, faraġ u ħelsien. Ejjew u ġibu lil ħaddieħor magħkom. Idħlu fil-Facebook tiegħi, Fr Hayden, u ssibu hemmhekk l-avviżi ta’ kull laqgħa “Ejjew Għandi” u l-avviżi tal-programmi “Ejjew Għandi.”
Ejjew intom u ġibu lil ħaddieħor magħkom, jiena nitlob għalikom mill-qalb. Sadanitant intom ukoll itolbu għalija.
Il-Paċi magħkom u kunu mberkin.