
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Għażiż u prezzjuż Ġesu’, li ngħatajt lili kompletament, jien nirringrazzjak minn qalbi talli kull darba li niftaħ qalbi miegħek, Inti, b’xi mod jew b’ieħor tkellimni jew turini li tajt kas ta dak li nkun għidtlek fit-talb. Kemm napprezzah dan!
Nirringrazzjak ukoll ta’ kemm ilek ġurnata waħda wara l-oħra tieħu paċenzja kbira bija, bil-waqgħat, bil-miżerji, bid-difetti, bil-fissazzjonijiet u bil-fantażiji tiegħi kollha. 0 kemm tassew hi kbira l-ħniena, it-tjubija, il-fiduċja u l-lealtà tiegħek lejja. Kemm tassew jixraqlek li nfaħħrek, li nagħtik ġieħ, glorja u kant ta’ ferħ minn issa u għall-eternità. Infatti huwa dan li se nkunu qed nagħmlu għall-eternita’, jiġifieri nfaħħruk għall-ħniena kbira li Int tkun urejt magħna bnedmin dgħajfa u midinba.
Agħtini qalb dejjem iżjed grata lejk għall-benefiċċi li rċevejt u se nkompli nirċievi minn għandek:
- għal dak li tajtni materjali biex ngħix ‘b’dinjita’,
- għall-persuni li permezz tagħhom kont u nibqa’ nirċievi tant ġid għar-ruħi u għal ġismi,
- għall-għotja tiegħek innifsek fl-Ewkaristija ta’ kuljum (u aħfirli meta tliftek ħtija tiegħi),
- għall-grazzja tas-Sagramenti l-oħra u
- għal tant u tant grazzji oħra li bihom fawwart lil ruħi u għamiltni nixbħek xi ftit.
Nixtieq ukoll nirringrazzjak bil-quddiem għal dak li qed tippreparali fis-Sema li Int se ttini b’pajjiżi. Grazzi mill-qalb tal-kuruna tal-ġustizzja u tal-glorja li biha għad iżżejjinni la nasal quddiemek ja Alla ġust. Umbagħad għidli kif nista` qatt nirringrazzjak biżżejjed talli għażiltni biex inkun tiegħek, għażiż Prinċep tas-Sliem, biex nieħu ħsieb tal-merħla tiegħek f’intimita` miegħek?
Fir-realta’, għadni lanqas bdejt nirringrazzjak! Kemm għadni ngrata w egoista, inħares biss lejn it-tazza nofsha vojta! Kemm tassew ma jistħoqqlix li nkun miegħek u tiegħek. Filwaqt li nkompli nagħmel ħilti biex inkun qaddisa bħalek, irrid nintefa’ fl-oċejan tal-Ħniena tiegħek li lanqas l-anġli ma jafu l-profondità tiegħu! Grazzi Mulej u Alla tiegħi ta’ mħabbtek bla tarf lejja midinba msejkna! Glorja lilek! Ammen. Halleluia!