
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Spirtu Qaddis, Mgħallem għażiż tiegħi, hawn ħafna xogħol xi jsir imma jien irrid nikkuntenta f’li nagħmel dak li nista’ taħt id-direzzjoni tiegħek, umbagħad kattar Int il-ftit tiegħi, kif kattart il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet u tmajt il-folla.
Minkejja l-limitazzjonijiet tiegħi, it-talb jibqa’ dak li dejjem nista’ nagħmel u għalhekk għandi nipprattikah bil-ferħ u nqisu s-sejħa tiegħi.
- Nitolbok għall-Papa – dawwlu, ipproteġieh u qaddsu.
- Nitolbok għall-Isqfijiet kollha kull fejn jinsabu – qaddishom u wassalhom biex jgħallmu l-Verita` sħiħa b’ubbidjenza lejn il-Papa, biex imexxu bil-għaqal u biex jagħtu ħajjithom għall-merħla.
- Nitolbok għas-saċerdoti kollha kull fejn jinsabu – qaddishom, agħmilhom ragħajja skont qalbek bħal Ġesu’, ubbidjenti u ta’ eżempju tajjeb għall-merħla.
- Nitolbok għar-reliġjużi kollha, għad-djakni, għal-lajċi kkonsagrati u għal dawk kollha li huma l-aktar qrib tal-Knisja u jservuha – agħtihom umilta’ sinċiera, imħabba kbira lejk u lejn kulħadd, għallimhom jgħixu l-Vanġelu u wassalhom għal dik il-qdusija li trid tara fihom.
- Nitolbok għal dawk li qed jikkonsidraw li jsiru saċerdoti u/jew reliġjużi – ibgħatilhom nies biex jgħinuhom fis-sejħa tagħhom. Nitolbok wkoll għal aktar vokazzjonijiet tajba u qaddisa fi ħdan il-Knisja għażiża tiegħek. Kun int o Marija li tieħu ħsieb tinterċedi għal aktar vokazzjonijiet.
- Nitolbok għall-koppji miżżewġa u għall-familji kollha biex tkun Int li tħeġġiġhom biex iħobbu u jservu lil xulxin fuq l-eżempju ta’ Kristu. Agħmel li Kristu jkun iċ-ċentru tal-ħajja tagħhom. Nitolbok għall-qdusija fil-familji u għall-protezzjoni mill-inganni tax-xitan u l-firda li dan jipprova jġib.
- Nitolbok għal min jinsab waħdu, għal min in-nies warbuh għal xi raġuni jew oħra u għal min qed jaffaċja tbatijiet bla għandu ‘I ħadd min jgħinu. Idħol Int fil-ħajja ta’ dawn in-nies u agħtihom dak li jeħtieġu fir-ruħ u l-ġisem.
Grazzi talli Inti tħobb u taħseb f’kulħadd. Agħti lill-bnedmin kollha qalb dejjem iżjed ġeneruża għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd. Ħarisna u żommna ‘l bogħod mid-dnub li hu l-kaġun ta’ kull tbatija, l-aktar dik li nistgħu nevitaw. Sejħilna għall-konverżjoni u wassalna għal indiema sinċiera, rabta ta’ mħabba miegħek u mall-Knisja. Iggwidana biex insiru qaddisin skont il-ħsieb tiegħek.
Grazzi ħafna li lqajt dan it-talb tiegħi minkejja li jien ma jien xejn ħlief midinba. Ħa jkun kollu għall-akbar glorja tiegħek, tal-Missier u tal-Iben u għat-tkabbir ta’ Saltnatek fuq din l-art. Ammen. Mill-ġdid, grazzi u Halleluia!