
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Alla tiegħi, Imħabba tiegħi, li ma tidhirx, tul il-mixja ta’ ħajti, Int għarraftni lilek innifsek, il-ħlewwa tal-preżenza tiegħek u dewwaqtni ftit mill-ġenna bil-paċi tiegħek. B’dan kollu li għamilt, li tiegħu nirringrazzjak minn qalbi, Int xennaqtni ħafna għalik, hekk li ħdejk, din id-dinja tidher dlam, dwejjaq u jasar kontinwu, iktar u iktar minħabba t-tbatijiet li għaddejt u għadni għaddejja minnhom.
Imma Int li naf li tħobbni tant, jistħoqqlok li jiena npoġġi l-milja tal-fiduċja tiegħi Fik u fil-pjan tiegħek għalina. Jien ċerta li kollox tippermetti għall-ġid ta’ ruħi u nemmen li fl-ebda mument ma Inti ser tħallini nieqsa mill-bżonnijiet neċessarji hekk kif titma l-għasafar tal-bejt. Lanqas mhu se tħallini nitkisser jew nitfixkel. L-għajnuna u l-prodivenza tiegħek se nsibha dejjem. Grazzi!
Imma kif se nkompli ngħix b’dan il-għatx kbir li jien għandi għalik? Nipprova ninjorah? Ma jkun qatt u lanqas nista’! Noffrih għalhekk b`talba għas-salvazzjoni tal-għeżież erwieħ.
Li Inti miegħi u ma titlaqni qatt waħdi, nemmen u naf. Li għandi nitlob u nsofri għall-erwieħ, konvinta wkoll. Jekk jogħġbok, minn żmien għal żmien, agħtini kelma mingħandek biex tgħarrafni li ħajti f’din I-art għandha skop preċiż u li dan iż-żmien għad jgħaddi u mbagħad sa fl-aħħar ikun il-waqt li Int toħodni miegħek ħa ngawdu lil xulxin fil-ġenna għall-eternità. Grazzi mmens ta’ kollox Mulej! Ammen. Halleluia!