Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Maħbub Divin tiegħi Ġesu’, grazzi talli għażiltni fost ħafna biex inkun tiegħek u biex naqdik billi ngħix qribek. Minbarra li nqerr b’mod regolari u nirċevik kuljum fit-Tqarbin Imqaddes, jien irrid nerfa’ qalbi lejk ta’ spiss permezz ta’ talb ħerqan għall-bżonnijiet materjali u l-aktar dawk spiritwali tal-umanita’.

Bħal Ommna Marija, jien irrid nikkommetti ruħi f’ħajja kwieta u moħbija, f’għaqda l-ħin kollu miegħek għall-ġid tal-erwieħ taż-żmien t’issa u ta’ li ġej sal-aħħar tad-dinja, li għadhom fiċ-ċans li jsalvaw ruħhom, kif ukoll għal dawk li qegħdin u għad ikunu fil-Purgatorju.
Noffri ma talbi, kull sofferenza li ngħaddi minnha f’għaqda miegħek Ġesu’ msallab u kull att ta’ mħabba għalik. Irrid nintelaq dejjem iżjed f’idejn l-Ispirtu s-Santu ħalli nħallih jgħallimni, jigwidani, jużani u jqaddisni.
Ġesu’, peress li Inti stess għidtilna li “jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħenhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri jagħtihielhom, għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’Ismi, hemm inkun Jien f’nofshom” (Mt 18: 19-20), jien irrid ngħix is-sejħa tiegħi f’għaqda ma’ membri oħra li wkoll qegħdin jitolbu dan it-talb. Mhux importanti li nkun naf min huma u niltaqa’ magħhom personalment. Huwa biżżejjed li ninsabu lkoll magħqudin spiritwalment f’talb ħerqan.
Maħbub Divin, filwaqt li nżommulek kumpanija b’talbna, nitolbuk tiġi f’nofsna u tamministra Inti stess lill-poplu tiegħek li fdejt b’demmek. Grazzi tal-offerta tiegħek innifsek għalina. Grazzi talli magħha tgħaqqad l-offerta tagħna. Kull glorja lilek Santissima Trinita’ minn issa u għal dejjem. Ammen. Halleluia!