Il-Ħamis, 9 ta’ April 2009: Ħsieb ta’ Fr Hayden dwar x’ġara wara li Ġesu’ qam mill-mewt fil-programm ‘Muftieħ tal-Għerf’. Ara t-test tagħha taħt il-vidjos bit-tliet partijiet …
MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN
Illum il-Katakeżi tagħna se tkun dwar l-Għid u għal daqstant nixtieqkom illi tkunu tistgħu ssibu, fil-Evanġelju skont San Luqa, ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws li jinsab f’kapitlu 24 li hu l-aħħar kapitlu tal-Vanġelu skont San Luqa. Ħa naqraw minn vers 13 sa vers 35.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (24: 13-35):
“Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.
U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.”
Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir lilek Kristu.
Dar-rakkont, għeżież tiegħi, tad-dixxipli ta’ Għemmaws. Dawk minnkom li fl-Għid Imqaddes marru l-Quddies il-Ħadd filgħaxija, semgħu dan il-Vanġelu jinqara u forsi fl-Omelija dil-għaxar minuti ta’ riflessjoni ma jkunx hemm iċ-ċans li wieħed jidħol f’ċerti dettalji u profondita’. Għalhekk, xtaqt nieħu din l-opportunita’, kif matul din il-ġimgħa għadna qegħdin niċċelebraw l-Għid Imqaddes fil-ħajja tagħna, biex nifhmu ftit dan ir-rakkont, dan l-episodju, din il-ġrajja; biex nifhmu l-qawwa tagħha u verament x’ għandha tgħidilna lilna Nsara llum.
L-ewwel naraw żewġ dixxipli, wieħed minnhom għandna l-isem tiegħu, imma l-ieħor m’għandniex ismu, propju sabiex kull wieħed u waħda minna jista’ jpoġġi l-isem tiegħu f’dak id-dixxiplu illi ismu ma nafuhx. U s-sbuħija ta’ dan ir-rakkont hi, għeżież tiegħi, li dawn qegħdin f’mixja fil-ħajja tagħhom. L-ewwel mixja li qegħdin jagħmlu hija minn Ġerusalemm lejn Għemmaws. L-ewwel mixja, biex ngħidu hekk, hija mixja fejn qegħdin jitbegħdu minn Ġerusalemm, hija mixja li fil-bidu tagħha hemm ħafna qrusa fil-ħajja. Hija mixja meta hemm ħafna dubji, hemm ħafna mistoqsijiet. Hemm ħafna affarijiet li dawn kienu qed jistennew, ħafna tamiet illi kellhom fi Kristu, f’dan Ġesu’ ta’ Nazaret li issa jidher fallut għal kollox. M’hemm xejn minn dak kollu li aħna konna ttammajna dwaru, u dan propju jkun it-ton, it-tonalita’ tal-bidu tal-mixja tagħhom.
Xi ħaġa, għeżież tiegħi, li anke aħna nistgħu inpoġġuha fil-ħsieb tagħna, fil-mostoqsijiet tagħna, fir-realta’ li aħna ngħaddu minnha. Jista’ jkun li int, f’dan il-mument li qed tisma’ dan il-programm, ħajtek hija miexja ‘l bogħod minn Ġerusalemm. Ġerusalemm huwa:
- l-post fejn il-wegħdiet li Alla li kont temmen li se jwettaqlek, tahseb li ma seħħewx,
- il-post fejn inti taħseb li Alla daħak bik,
- il-post fejn inti taħseb li Alla ttradiek,
- il-post fejn inti taħseb li Alla huwa mejjet,
- il-post fejn inti taħseb li Alla m’għadux relevanti,
- il-post fejn inti taħseb illi l-mard, it-tbatija, il-vjolenza, l-inġustizzja għandhom l-aħħar kelma u li dawn huma li qed jiddominawlek il-ġrajja tal-ħajja tiegħek, bħalma l-mewt ta’ Ġesu’ kienet dik li kienet qed tiddomina l-ġrajja ta’ Ġerusalemm u l-ġrajja privata ta’ dawn iż-żewġ dixxipli.
U propju quddiem din it-toghma morra, quddiem din it-togħma qarsa li dawn esperjenzaw f’Ġerusalemm, dawn id-dixxipli bdew jitbegħdu minn din l-esperjenza ta’ Ġesu’ li kellhom f’Ġerusalemm. U jista’ jkun, għeżież tiegħi, li dan l-Għid, għal uħud minna l-Insara, flok sabna qegħdin hemmhekk nistennew verament li niċċelebraw ‘l Kristu li jqum mill-mewt, dan l-Għid jista’ jkun li lilna sabna persuni illi tbegħdna iktar minn Ġesu’. Persuni li qed ngħixu u qed nimxu f’mixja li twassalna ‘l bogħod mill-ġrajja ta’ Ġesu’ fil-ħajja tagħna.
Pero’, filwaqt li dawn id-dixxipli qed jitbegħdu minn Ġerusalemm, mhux qed jitbegħdu biss mill-ġrajja tal-mewt ta’ Kristu li kienet diżappunt kbir fil-ħajja tagħhom. Qed jitbegħdu wkoll mill-Komunita’ Nisranija. Qed jitbegħdu minn dawk l-Insara illi kienu maqfulin fiċ-Ċenaklu. Iva, kienu mbeżżgħin, pero’ qed jitbegħdu mill-Komunita’, qed jitbegħdu mill-Knisja.
It-tieni mistoqsija li rridu nagħmlu hija din:
- Jista’ jkun illi inti mhux biss tbiegħedt minn Ġesu’, imma anke mill-Knisja tiegħu?
- Li inti qed titbiegħed mill-Komunita’ Nisranija għal raġuni jew oħra?
Forsi qed titbiegħed mill-Komunita’ Nisranija għaliex hemm diżżappunt dwar Kristu fil-ħajja tiegħek, ma tistax tifhem kif għalkemm int kont persuna li tmur il-Knisja, li titqarben kuljum, li tqerr b’mod regolari, u titlob ir-Rużarju — dik il-marda kiefra messet lilek u kif dik il-mewt laqtet il-familja tiegħek? Allura, teħodha kontra Alla u tispiċċa titbiegħed anke mill-Knisja?
Jista’ jkun li tbiegħed mill-Knisja għax inti ddiżżappuntat mill-attitudni ta’ ħutna l-Nsara, irċevejt ġesti li weġġgħuk minn membri tal-Knisja, huma min huma, li forsi int ma kontx qed tistennieha minnhom.
Il-punt hu li trid tistaqsi jekk inti intix titbiegħed, qiegħedx tagħmel mixja ‘l bogħod mill-Knisja, mhux neċessarjament għax inti ma rridx tmur il-Knisja. Tista’ tkun qiegħed fil-qalba tal-Komunita’ Nisranija u qalbek m’hijiex hemm. Allura, inti minn barra tista’ tidher li qiegħed alright, OK mal-Knisja, pero’, fil-verita’, qalbek hija ‘l bogħod mill-Knisja.
Qalbek tkun ‘l bogħod mill-Komunita’ meta inti tieqaf tħobb lill-Insara, lil dawk li l-Mulej tak biex inti tkun tista’ taħslilhom saqajhom kif għamel Ġesu’ fl-aħħar Ċena ġewwa ċ-Ċenaklu. Int tista’ tkun ukoll ‘l bogħod minn din il-Komunita’ jekk inti qiegħed hemm, pero’ inti qed tgħix il-ħajja tal-Komunita’ Nisranija b’mod passiv. Tmur Quddiesa għax bilfors; is-sens ta’ Komunita’ mhux qiegħed fik. Inti just tmur qdejt id-dmirijiet tiegħek personali, individwali tar-reliġjon u daqshekk. Imma, fir-realta’, qalbek hija ‘l bogħod mis-sens li inti tkun f’Komunita’ Nisranija. Allura trid tara eżattament fejn din il-mixja, tinsab fil-ħajja tiegħek.
L-aħbar it-tajba, pero’ hija din: il-Vanġelu jgħid li Ġesu’ nnifsu beda miexi magħhom. Ġesu’ ma qagħadx jistenna, għeżież tiegħi, li dawn imorru jfittxuh huma, imma Ġesu’ rxuxtat mill-mewt jidħol hu f’din il-mixja li huma qegħdin jagħmlu, waqt li qegħdin jitbegħdu minn Ġerusalemm. U kemm nixtieq illi aħna nemmnuha din għeżież tiegħi: li anke persuni li qed jitilqu ‘l Kristu, qed jitilqu ‘l-Knisja, anke fi żminjietna, li l-Mulej se jmur ifittixhom huwa lil dawn. Ifittixhom huwa personalment, bil-grazzja tiegħu, f’ċirkustanzi li hu jlaqqahom u jippermetti. Pero’ jkompli jfittixhom hu anke permezz tal-Knisja.
Kemm għandna bżonn nifhmu, għeżież tiegħi, li aħna rridu nkunu Knisja li bħal Ġesu’, li tmur tfittex hi u takkumpanja lil dawk li qegħdin jitbegħdu. Ma nistgħux inkunu Knisja:
- li ningħalqu fina nfusna,
- li nehdew bina nfusna,
- li nehdew bl-istess nies li dejjem jiġu l-Knisja,
- li nehdew dejjem bl-istess programmi li aħna nagħmlu,
- li nehdew dejjem bl-istess pastorali, sena wara l-oħra.
Jista’ jkun li faċli ninqabdu f’ċirku vizzjuż li jibda mill-Milied, tipprepara ruħek bl-Avvent u mbagħad il-ftit jiem tal-Ewwel tas-Sena, nieħdu break żgħir, imbagħad nerġgħu nibdew ir-Randan, imbagħad jasal l-Għid, imbagħad noħorġu bit-tberik, imbagħad nieqfu għall-vaganzi u mbagħad nerġgħu nibdew…
Faċilment, għeżież tiegħi, li aħna nkunu aljenati f’dawn l-affarijiet li nagħmlu ta’ kull sena u nibqgħu maqfulin fina nfusna, meta aħna Knisja li qed takkumpanja dawk il-persuni li qegħdin jitbiegħdu. Ġesu’ ma qgħadx jistenna li jiġu huma, imma mar hu stess ifittixhom. Dawn huma nies li darba kienu fil-Komunita’ ta’ Ġerusalemm.
Kemm Insara, għeżież tiegħi, anke f’Malta u f’Għawdex, telqu ‘l Knisja. Aħna x’qegħdin nagħmlu — mhux għal dawk li jgħidu li ma jemmnux, jew għal dawk ta’ reliġjonijiet oħra, imma għal dawk li fil-fatt huma ħutna, kif jgħid San Pawl:
“Ħuk li Kristu miet għalih.” (1 Korintin 8: 11)
Aħna x’qegħdin nagħmlu għal dawk li qed jitilqu l-Fidi Nisranija?
Importanti, għeżież tiegħi, li ma nitfgħux ir-responsabbilta’ tagħna bħala mgħammdin
- fuq l-isqfijiet tagħna,
- fuq is-saċerdoti,
- fuq min jevanġelizza.
Kull min hu mgħammed huwa responsabbli għal ħuh u li jidħol f’mixja ta’ djalogu miegħu. Kull min hu mgħammed huwa responsabbli li jfittex ‘l ħaddieħor li qed jitlaq il-fidi li rċieva fil-Magħmudija. Hija weġgħa ta’ qalb, għeżież tiegħi, jekk aħna nibdew nirraġunaw b’ħafna raġunamenti u ngħidu: “Mhux huma? Jagħżlu huma. Kulħadd jagħmel li jrid. Alla ma jimponi xejn fuq ħadd u imbagħad kulħadd ibati l-konsegwenzi tiegħu.” F’din hemm ftit tal- verita’, imma anke aħna se nirraġunaw b’dan ‘il mod? Qalbna litteralment ma tħoss xejn għal dawn li qegħdin jinqatgħu mill-Knisja, għeżież tiegħi? Mela l-Mulej imur ifittixhom, jmur jagħmel din l-esperjenza magħhom bil-mod il-mod, ħalli jagħtihom id-dawl sabiex jerġgħu lura, imbagħad aħna nirraġunaw hekk?
F’din il-mixja, għeżież tiegħi, li dawn qegħdin jagħmlu ma’ Ġesu’, naraw illi hu ma jmurx jipprova jbellalhom xi ħaġa. Lanqas il-fatt li huwa qam mill-mewt, lanqas il-fatt li huwa hu li qed jitkellmu dwaru. Imma l-ewwel ħaġa li Ġesu’ jagħmel f’dan id-djalogu magħhom huwa li jidħol fid-diżappunt li huma kienu qegħdin jgħixu. Ġesu’ jitlaq mir-realta’ umana tagħhom kif kienet, ħalli mar-realta’ umana tal-mistoqsijiet, dgħjufija u tbatija li kienu fihom, Ġesu’ seta’ jibda d-djalogu minn hemmhekk u jkompli jmexxihom, itellagħhom u jressaqhom lejh, biex ngħidu hekk, tarġa, tarġa. U naħseb hawnhekk li din il-ġrajja ta’ Kristu mqajjem mill-mewt, kif jidħol fi djalogu mad-dixxipli ta’ Għemmaws, lilna għandha ħafna x’tgħallimna, għeżież tiegħi.
Xi drabi lilna s-saċerdoti n-nies jikkritikawna li l-omeliji tagħna huma boring, huma irrelevanti. Jista’ jkun dan, għaliex xi drabi forsi nkunu qegħdin nitkellmu fuq affarijiet illi fil-fatti ma jolqtux ‘l-bniedem tal-lum. Xi drabi jista’ jiġrilna anke li aħna bħala Knisja nibdew nitkellmu fuq il-Bibbja, fuq il-veritajiet t’Alla, pero’ nkunu maqtugħin mill-bżonn veru tan-nies, il-bżonn li n-nies qed jgħixu llum il-ġurnata.
Irridu noqgħodu attenti mill-estremiżmu li nitkellmu dwar il-Kelma t’Alla sempliċiment bħala realta’ storika, bħala xi ħaġa tal-passat u noqgħodu nispjegaw eżattament x’ġara elfejn sena ilu u nieqfu hemmhekk. Ċertament li din hi ħaġa tajba, imma li nieqfu hemm biss hija ħażina. Mhux l-iskop tagħna, għeżież tiegħi, li noqgħodu nagħmlu lezzjonijiet tal-arkeoloġija fit-Teoloġija, pero’ lanqas ma nistgħu mmorru fl-estrem l-ieħor illi nitkellmu sempliċiment fuq il-problemi tal-lum, bla ma dawn ikunu mdawwlin mir-realta’ li l-Kelma t’Alla tipprovdilna. Inkella nsiru social workers.
Dak li Ġesu’ jagħmel, propju jgħaqqad dawn iż-żewġ realtajiet flimkien. Jitlaq minn din l-esperjenza iebsa li għaddejjin minnha u jdawwalha bil-mod il-mod bil-Kelma. Ġesu’ jagħmel riferenza għall-Antik Testment u jgħinnhom jifhmu, fid-diżappunt tagħhom, x’għandha x’tgħidilhom il-Kelma t’Alla. U din naħseb li hija attitudni li aħna għandna bżonn nieħdu u nitgħallmu mingħand il-Mulej Ġesu’, illi anke meta aħna niltaqgħu one-to-one ma’ persuni li għaddejjin minn mumenti iebsa, u għalhekk forsi telqu lil Ġesu’ u l-Knisja, għandna nibdew billi nifhmu sewwa u nidħlu fiċ-ċirkustanzi li huma jkunu qegħdin jgħixu. Ħalli mbagħad naraw kif il-Mulej irid idawwal dik ir-realta’, dik iċ-ċirkustanza bil-Kelma tiegħu u nimxu pass pass, bla ma naqbżu stages. Ma niġrux, ma nippruvawx inbellgħu lil Kristu lil ħaddieħor, imma nimxu tarġa tarġa kif il-Mulej Ġesu’ stess jagħmel ma’ dawn id-dixxipli illi tbegħdu.
Dan ifisser, għeżież tiegħi, li aħna bħala Nsara llum irid ikollna qalbna miftuħa għall-problemi tar-realta’ li l-bniedem tal-lum, mhux t’elfejn sena ilu qiegħed jgħix. Xi drabi faċilment noqgħodu nitkażaw u ngħidu għax fi żmiena ma konniex hekk, għax ma konniex nagħmlu hekk u ara llum id-dinja fiex waslet! Inutli noqgħodu nqabblu għax m’hu se nagħmlu xejn ħlief naħlu l-ħin. Irridu nirrealizzaw li d-dinja tbiddlet u hemm bżonn li niftħu għajnejna, għax xi wħud fil-Knisja għadna ngħixu fil-passat u nixtiequ nerġgħu mmorru lura għall-passat, u mhux naffrontaw il-preżent ħa naraw kif se nibnu futur aħjar. Niftħu għajnejna għaċ-ċirkustanzi kif inhuma, naraw x’inhuma fil-verita’ l-problemi soċjali, spiritwali u materjali tal-bniedem tal-lum u naraw kif il-Kelma t’Alla verament tagħti dawl fuq ir-realta’ li aħna qegħdin ngħixu fiha llum. Inkella nkunu aħna stess — in-nies tal-Knisja — li l-Kelma t’Alla nagħmluha mhux relevanti għall-bniedem tal-lum il-ġurnata, għeżież tiegħi. Dan jitlob impenn minn kull wieħed u waħda minna skont il-kariżmi, il-ministeru u l-vokazzjoni li aħna għandna fi ħdan il-Knisja. Pero’ żgur li aħna tempji ta’ Sidna Ġesu’ Kristu u rridu naraw kif din il-Kelma sabiħa li aħna għandna fil-qalb tagħna ddawwal l-ewwel u qabel kollox ir-realta’ umana, iċ-ċirkustanzi konkreti li persuni qegħdin jgħixu fihom.
U Ġesu’ jakkumpanja, għeżież tiegħi, matul din il-mixja, itihom iċ-ċans li jifhmu, jispjegalhom bil-mod il-mod. Aħna wkoll għandna jkollna dan is-sens t’akkumpanjament. F’moħħi qed jiġuni l-ġenituri għeżież tiegħi b’mod speċjali fl-eta’ kritika tat-teens, meta persuna, it-tfal tagħkom, l-adoloxxenti jibdew isiru żgħażagħ
- tħossukom li tliftu l-kontroll fuq uliedkom,
- tħossukom li l-kelma tagħkom m’għadhiex stmata,
- tħossukom li qiskom ma tistgħux tikkontrollawhom aktar.
Ħeqq, ċertament li huwa mument li fih tridu tbiddlu l-mod kif intom trabbu ‘l uliedkom. Ir-rwol tal-ġenitur ma jistax jibqa’ aktar ta’ xi ħadd li qiegħed jimponi xi ħaġa “għax meta tkun żgħir ma tistax tara, allura bilfors irrid ngħidlek x’għandek tagħmel”. Ir-rwol issa jsir iktar bħalma hu dak ta’ Ġesu’ mad-dixxipli ta’ Għemmaws li jakkumpanja: jidħol f’din l-esperjenza tal-persuna u hemmhekk idawwalha bil-mod il-mod. Jiġifieri, anke l-ġenituri u l-edukaturi taż-żgħażagħ iridu jidħlu fl-esperjenza li ż-żagħżugħ ikun qed jgħaddi minnha. Mhux tippretendu li ma jgħaddix minn xi esperjenza. Tridu tidħlu fiha, mhux titkażaw biha u timxu miegħu fiha pass, pass, mhux taqtgħuh ‘l barra. Tridu tagħtuha d-dawl bil-mod il-mod, id-dawl tal-fidi, u timxu fuq l-eżempju li tana Ġesu’ meta kien ma’ dawn id-dixxipli.
Imma jekk noqgħodu lil hinn għax ma rridux niċċapsu mal-esperjenza, anke jekk tkun negattiva, ta’ persuna żagħżugħa li għadha qed tesperimenta l-ħajja, jekk noqgħodu sempliċiment ‘l bogħod minnha u nikkundannaw dak li jkun qed jiġri, allura ċertament li mhux ħa nkunu bħal Mulej Ġesu’ u mhux ħa nħallu frott. Dan japplika kemm għal sitwazzjoni li bejn ġenituri u bejn l-ulied imma japplika wkoll ghall-Knisja fir-relazzjonijiet tagħna mad-dinja. Inutli nieħdu attitudnijiet u noqgħodu nikkundannaw il-ħażen li hemm fid-dinja (ċertament ma għandniex napprovaw dak li hu ħażin!) imma r-rwol tagħna għandu jkun aktar li nagħmlu mixja flimkien mal-bqija tal-ġens uman u mal-mixja li qed tagħmel id-dinja. Ħalli nkunu nistgħu ndawwlu r-realta’ li d-dinja tkun għaddejja minnha bid-dawl tal-Kelma, bid-dawl ta’ Kristu Rxoxt.
1. Il-Mulej juri lilu nnifsu permezz tal-Kelma
U Ġesu’, għeżież tiegħi, ma joqgħodx joħloq ħafna argumenti u raġunamenti. Ġesu’ jippreżenta l-Kelma u jfissrielhom lil dawn iż-żewġ dixxipli. U dina importanti. Aħna l-Insara Kattoliċi għandna bżonn niskopru ħafna aktar il-qawwa ta’ din il-Kelma li l-Bibbja, il-Vanġelu, il-Kelma t’Alla ssir punt ta’ riferenzaqawwija fil-ħajja tagħna. Xi drabi, l-punt ta’ riferenza fid-diffikultajiet, fil-mistoqsijiet kbar tagħna tal-ħajja faċilment ikunu persuni li, għax huma esperti f’ħaġa jew f’oħra, naħsbu li dawn għandhom is-soluzzjonijiet kollha tal-ħajja tagħna. Bħala Nsara, ċertament li ma nwarrbu l-ebda għajnuna umana, pero’ reference point qawwi fil-ħajja tagħna trid tkun il-Kelma. Jiena rrid nara kif din il-Kelma tal-Mulej iddawwal il-ħajja tiegħi.
- Bil-Kelma tiegħu, il-Mulej x’qed x’jgħidli?
- Bil-Kelma t’Alla jien kif nista’ nifhem, ninterpreta u ngħix iċ-ċirkustanzi li qed ngħix fihom?
Ġesu’ propju juża l-Kelma; ir-referenza tiegħu hi din il-Kelma. Kemm aħna, għeżież tiegħi, midħla ta’ din il-Kelma t’Alla? Fid-djar tagħna, fil-familji tagħna, qed insibu ħin biex kuljum naqraw ftit mill-Kelma t’Alla bejnietna? Qed nesponu l-Bibbja f’post prominenti? Il-Bibbja m’hix postha f’librerija, għeżież tiegħi. Il-Bibbja m’hix ktieb bħall-oħrajn: hija l-Kelma tal-Mulej u allura jixirqilha post ta’ qima, post fejn aħna nistgħu nuru rispett lejn din il-preżenza t’Alla, għax Alla jorbot lilu nnifsu mal-Kelma tiegħu.
Irridu nistaqsu wkoll: kemm aħna l-Kelma t’Alla fil-Quddies qed nisimgħuha b’attenzjoni? Kemm qed tismagħha tassew bil-qalbna? Kemm aħna attenti għal dak li l-Mulej qiegħed jgħidilna permezz tal-Kelma? Għax inkella jfisser, għeżież tiegħi, li aħna nistgħu nibqgħu nagħmlu l-mixja tagħna, nibqgħu nitbegħdu ‘l bogħod minn Ġerusalemm, nitbegħdu ‘l bogħod minn Kristu, ‘l bogħod mill-Knisja għax ma nħallux il-qawwa tal-Kelma li vera terġa’ treġġgħana lura.
F’din il-mixja, għeżież tiegħi, naraw li sseħħ bidla fiż-żewg dixxipli. Wara li Ġesu’ kellimhom fuq il-Kelma ħalli jkun jista’ jdawwal id-diżappunt li huma kellhom, issa ġie minn naħa tagħhom li jagħmlu ġest ta’ karita’. Dan meta aċċettaw lil Kristu fil-ħajja tagħhom għalkemm ma kinux konxji li qed jaċċettaw lil Kristu Rxoxt. Indunaw wara. Lil dan ir-raġel barrani, billi kien daħal il-lejl u ma tantx jaqbel li jkompli jagħmel il-mixja tiegħu fid-dlam, jagħmlu att ta’ karita’ miegħu. Stednuh jibqa’ għandhom. Allura naraw it-tieni mod, għeżież tiegħi, kif il-Mulej irid juri lilu nnifsu lil dawn il-persuni. L-ewwel mod hu permezz tal-Kelma. It-tieni mod hu permezz tal-għemejjel ta’ karita’.
2. Il-Mulej juri lilu nnifsu permezz ta’ għemejjel ta’ karita’
Ġesu’ qalilna: “Kulma tagħmlu mall-iżgħar fost dawn ħuti tkunu qegħdin tagħmluh miegħi.” (Mattew 25: 40)
Meta aħna nagħmlu għemejjel ta’ karita’, mingħajr ma nafu nkunu qegħdin niftħu qalbna għal Alla. Meta aħna nagħlqu qalbna għall-persuni li huma fil-bżonn, mingħajr ma nafu nkunu qed nagħlqu qalbna wkoll għal Alla fil-ħajja tagħna. Kemm hi esperjenza sabiħa għal dawn id-dixxipli li bl-att ta’ karita’ li huma għamlu, laqgħu lil Alla nnifsu, lil Kristu nnifsu fid-dar tagħhom. U propju Ġesu’ jidħol magħhom f’mument t’ikla. L-ikla hija qaddisa fil-mentalita’ Lhudija. Hija xi ħaġa sagra li tmur tiekol ma’ ħaddiehor. Għalhekk Ġesu’ kien jiekol mal-midinbin: biex juri din il-ħaġa qaddisa li hu qed jagħmel ma’ dawk meqjusa li huma ‘l bogħod mis-Saltna t’Alla. U propju fil-Qsim tal-Ħobż, Ġesu’ jgħib minn quddiemhom u wara dan għajnejhom jinfetħulhom u jirrealizzaw tassew min kien dan fl-Ewkaristija, għeżież tiegħi.
3. Il-Mulej juri lilu nnifsu permezz tal-Ewkaristija
Fl-Ewkaristija għandna dan it-tielet mod kif aħna nistgħu niskopru tassew lill-Mulej Ġesu’. Mela rajna l-Kelma, rajna l-karita’, rajna l-Ewkaristija u issa se naraw, minn hawn u ftit ieħor, li dawn sejrin jerġgħu jmorru lura fil-Komunita’ ta’ Ġerusalemm, jinsew li lil Ġesu’ qalulu: “Ibqa magħna għax sar bil-lejl”, insew il-mili li kienu mxew u jerġgħu jeħduha lura b’ġirja u jmorru fil-Komunita’ u hemmhekk issa se jiskopru l-preżenza ta’ Kristu Rxoxt, ħa jaqsmu bejniethom l-esperjenza ħajja ta’ Ġesu’. Il-Komunita’ ssir dan ir-raba’ mod kif aħna nistgħu niskopru l-preżenza ta’ Kristu Ħaj fil-ħajja tagħna.
4. Il-Mulej juri lilu nnifsu permezz tal-Komunita’
U naħseb din l-esperjenza għad-dixxipli ta’ Għemmaws, għeżież tiegħi, hija relevanti ħafna għaċ-ċirkustanzi storiċi li qed ngħixu fihom illum il-ġurnata. Meta għandna tant nies, nofs il-popolazzjoni, li jgħidu li huma maqtugħin mill-Knisja. Kif se jerġgħu jiġu lura? Il-Mulej jagħtina dawn l-erbgħa esperjenzi, dawn l-erbgħa modi għeżież tiegħi fil-Vanġelu u kull wieħed minna għandna rwol x’nagħmlu.
Kemm hi ħaġa sabiha din. Kemm għandna bżonn nies li jiġu lura fil-Knisja għaliex ikunu ltaqgħu personalment ma’ Ġesu’ ħaj. Din hija realta’ li anke l-Knisja f’Malta llum il-ġurnata qed tgħaddi minnha. Min qed jiġi lura fil-Knisja, min qed iħaddan mill-ġdid il-fidi huma persuni li b’xi mod għamlu esperjenza qawwija ta’ Ġesu’ li, sfortunatament ngħid, wħud milli baqgħu fil-Knisja, din l-esperjenza m’għamluhiex. B’xi mod hija anke l-parabbola tal-Iben il-Ħali.
L-iben il-kbir li baqa’ fid-dar tal-Missier, qatt m’għamel esperjenza vera tal-Missier tiegħu. L-iben iż-żgħir li telaq għamel l-esperjenza tal-imħabba tal-Missier li tilqgħu lura. Ma jfissirx li aħna għandna nitilqu lil Kristu, nitilqu l-Knisja biex nagħmlu esperjenza tiegħu. Pero’ jfisser li nistgħu nagħmlu din l-esperjenza fi ħdan il-Komunita’. Fl-aħħar mill-aħħar anke lil dawk li baqgħu Ġerusalemm Ġesu’ dehrilhom, pero’ anke deher lil dawk li tbegħdu minn hemm. Hija l-esperjenza ħajja tiegħu li llum il-ġurnata tagħmilna Knisja ħajja.
Jekk il-Knisja għandha bżonn u trid tbiddel mill-qiegħ nett, irridu lkoll nagħmlu esperjenza konkreta u radikali ta’ Kristu Rxoxt fil-ħajja tagħna. Jekk nagħmlu dan il-Mulej jagħtina s-sliem.