Ħsieb dwar l-Għid Imqaddes. (Muftieħ tal-Għerf)

Il-Ħamis, 9 ta’ April 2009: Ħsieb ta’ Fr Hayden dwar l-Għid Imqaddes fil-programm ‘Muftieħ tal-Għerf’. Ara t-test tagħha taħt il-vidjos bit-tliet partijiet …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Insellimlek u nsellem anka lis-semmiegħa kollha ta’ Radju Marija f’dan il-mument. Illum nistedinkom sabiex inkunu ftit fil-preżenza tal-Mulej biex nirriflettu fuq it-tifsira tal-Għid. Matul dan iż-żmien, u anke minn hawn u ftit ieħor, jekk mhux diġa’ bdejna, ħa nużaw ħafna t-tislima fuq fommna “l-Għid it-Tajjeb!” Buona Pasqua! Happy Easter!  Hija espressjoni li toħroġ spontanja anke f’kultura li tkun qed tiċċelebra xi ftit jew wisq, dan l-avveniment Kristjan. Pero’ mhux dejjem faċli nifhmu t-tifsira vera ta’ dak li aħna nkunu qed ngħidu, u għal daqstant jeħtieġ illi nevitaw li l-Għid it-Tajjeb isir cliche’ ta’ dan iż-żmien. Nevitaw li l-kelma “l-Għid it-Tajjeb” issir kelma fuq fommna għaliex qisna mistennija li nagħtuha lil xulxin f’dan iż-żmien, kemm bħala Nsara, kif ukoll b’mod soċjali, biex ngħid hekk.

Meta qed ngħidu ‘”l-Għid it-Tajjeb”, fil-verita’ x’qegħdin nifhmu bħala Nsara? L-Għid, għeżież tiegħi, it-tifsira tiegħu bħala kelma hi passaġġ. U x’inhu dan il-passaġġ li qed nitkellmu minnu? Nistgħu nifhmuh, għeżież tiegħi, fil-kuntest anke taċ-ċelebrazzjoni li sejrin nagħmlu fil-Viġilja tal-Għid bħala Nsara fil-knejjes tagħna. Hemmhekk, jekk toqgħodu attenti, se naqraw serje ta’ lezzjonijiet. Min jaqrahom kollha d-disgħa lezzjonijiet, min jaqra sebgħa u min jaqra erbgħa. Pero’ il-punt hu li hemmhekk għandek l-istorja tal-poplu Lhudi.

  • Alla joħloq il-bniedem,
  • Il-bniedem jaqa’ fid-dnub,
  • Alla jwegħdu s-Salvatur,
  • Alla jidħol f’patt miegħu ħalli jkun jista’ joħorġu u jeħilsu mill-iskjavitu’ tad-dnub u mill-jasar illi jgħix fih.

U nfatti naraw li waħda mill-lezzjonijiet prinċipali meta niċċelebraw il-Velja tal-Għid hija l-ħruġ tal-poplu t’Iżrael mill-jasar tal-Eġittu. It-tifkira tal-Għid qabel m’hi tifkira Nisranija, kienet tifkira tar-reliġjon Lhudija. Fl-Għid, il-Lhud kienu jiċċelebraw meta Alla, permezz ta’ Mose’, intervjena fl-istorja tagħhom ħalli jeħlishom mill-jasar illi l-Eġizzjani kienu qed iżommhom fih. U llum, għeżież tiegħi, aħna nafu mill-ġrajjiet, mill-ftit katekiżmu tagħna kif il-Mulej inqeda b’Mose’ sabiex ħeles dan il-poplu minn dak il-jasar. Il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu’ qed iseħħu f’dal-kuntest. Waqt li l-poplu Lhudi qed jiċċelebra dan il-ħelsien li tah Alla, il-Mulej ikun qed jagħtina l-ħelsien vera, pero’ din id-darba b’mod definittiv, mhux fuq livell politiku, bħalma kien il-ħelsien mill-jasar tal-Eġittu, imma fuq livell spiritwali — il-ħelsien vera mill-jasar tad-dnub.

Dan huwa l-Għid: il-passaġġ illi l-poplu Lhudi għamel mill-jasar għal-liberta’u l-passaġġ li Ġesu’ għamel mill-mewt għall-ħajja. Pero’, l-Għid għandu ukoll it- tielet tifsira: il-passaġġ illi jiena u int imsejħin biex nagħmlu mill-mewt għall-Ħajja. Mill-mewt jiġifieri dak kollu li huwa dnub fil-ħajja tagħna. Il-Ħajja jiġifieri dak kollu illi huwa grazzja fil-ħajja tagħna. U allura l-mistoqsija li rridu nagħmlu li hija serja, għeżież tiegħi: “F’dan l-Għid, inti x’se tiċċelebra fil-verita’?’

Jekk se tiċċelebra biss il-Qawmien ta’ Ġesu’ mill-mewt, qed tiċċelebra ħafna, pero’ m’intx tiċċelebra kollox. L-Għid tiegħek huwa mqasqas, huwa bin-nieqes. Biex ikun vera Għid dak li sejrin niċċelebraw, trid tgħaddi mill-mewt għall-ħajja. Fil-fatt, ħutna l-Insara tal-bidu, għeżież tiegħi, il-Magħmudija kienu jiċċelebrawha f’din il-Viġilja tal-Għid, parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Għid. Fil-fatt f’kull Quddiesa tal-Għid, kullimkien tista’ ssir il-Magħmudija. Għaliex? Għax il-Magħmudija hija propju dan il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja, fejn inti tgħid le għad-dnub u tgħid iva għall-Mulej Ġesu’ fil-ħajja tiegħek. U għaldaqstant, irridu nagħmlu dawn il-mistoqsijiet, mela.

Spiċċajna r-Randan, ninsabu fil-Ġimgħa Mqaddsa u se niċċelebraw l-Għid.

  • Imma inti, x’se jmut minnek, f’dan l-Għid?
  • X’se jmut fik, dan l-Għid?
  • X’se tħalli warajk, f’dan l-Għid?

Jekk inti maċ-ċelebrazzjoni tal-Għid se tibqa’ l-istess li kont qabel, allura inti l-Għid ma ċċelebrajtux. Tista’ tmur il-Knisja, tista’ tmur tagħmel il-funzjonijiet kollha, imma jekk xi ħaġa mhix se tmut fik, jekk xi ħaġa m’intix se tħalli msallba ma’ Kristu fuq is-Salib, jekk xi ħaġa m’intix se tidfinha fil-qabar tal-Mulej, jekk il-preżenza tal-Irxoxt m’hix verament se tagħti ħajja ġdida lilek billi teħilsek mill-jasar tiegħek, allura inti l-Għid ma tkunx iċċelebrajtu! Tkun attendejt għaċ-ċerimonji tal-Għid tal-Knisja, imma ma tkunx iċċelebrajt l-Għid vera. Tkun ftakart f’dak li għamel Ġesu’ elfejn sena ilu, imma m’għandu l-ebda relevanza: għalik, issa, illum. U dan jiddependi ħafna minna, għeżież tiegħi. Jiddependi b’liema attitudni aħna se ntemmu din il-Ġimgħa Mqaddsa, b’liema attitudni aħna se napprowċjaw dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tant sbieħ li l-Knisja sejra ddaħħalna fihom.

Faċilment li aħna nieqfu fuq il-persuna ta’ Ġesu’: x’ġara elfejn sena ilu. Faċilment li ngħidu jaħasra u miskin il-Mulej kemm ħabbna, li ċertament huma kollha affarijiet veri. Pero’ Ġesu’ ma ħabbniex biex nibqgħu kif aħna. Ġesu’ ħabbna biex aħna nitbiddlu, u din nixtieq nagħmilha b’enfasi qawwija, għaliex jista’ jkun li l-Għid se jiġi għalxejn fil-ħajja tiegħek. Jista’ jkun li se jkollna knejjes mimlija jew nofshom vojta u jkun għalxejn, jekk ma ngħaddux mill-passaġġ mill-mewt għall-ħajja. Niċċelebraw biss ir-ritwali, mingħajr ebda ħajja, mingħajr ebda qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna.

U dal-passaġġ mill-mewt għall-ħajja li qed nitkellmu dwaru, rridu naraw xi jfisser. Jista’ jfisser għalik illi inti verament maħkum minn dnub partikulari u allura ħa tagħmel ħiltek kollha sabiex dan id-dnub inti tħallih warajk. Jista’ jkun, jiġifieri, li int qed tgħix f’sitwazzjoni ta’ mewt:

  • mewt fl-imħabba, fir-relazzjoni tiegħek fiż-żwieġ,
  • mewt fik stess, cioe’ li m’għandek l-ebda motivazzjoni għall-ħajja,
  • mewt fis-sens illi m’għandek l-ebda direzzjoni jew sens għaliex qed tgħix,
  • mewt għaliex m’hemmx tama,
  • mewt għaliex għadek tgħix fil-passat tiegħek, għadek imwaħħal/imwaħħla fl-uġigħ tal-ħajja,
  • mewt għaliex inti ma tridx taffaċċja l-futur,
  • mewt għaliex inti tibża’ minn dak li huwa ġdid fil-ħajja,
  • mewt għaliex inti fil-parroċċa tiegħek staġnajt, fil-parroċċa kollox staġna, m’hemmx togħma ta’ ħajja ġdida, nagħmlu dejjem l-istess affarijiet minn sena għal oħra mingħajr bidla, mingħajr effett, mingħajr frott ta’ xejn. Qed ngħixu fil-mewt, minkejja tant ċerimonji li nistgħu nagħmlu anke fil-Knisja, għeżież tiegħi.

Nistgħu ngħixu u nduqu l-mewt kontinwament u nkunu kuntenti ngħixu fil-mewt, basta nżommu kollox għaddej kif inhu. Allura, parroċċa tista’ tagħmel il-funzjoni tal-Għid bir-ritwal kollu, imma ma tkunx qed tiċċelebra l-Ħajja Ġdida illi l-Mulej irid jagħti anke lill-ħajja tal-komunita’ parrokkjali, lill-ħajja tal-komunitajiet reliġjużi tagħna, lill-ħajja tad-djoċesi tagħna, lill-ħajja tas-saċerdoti u l-lajċi mpenjati kollha, lill-ħajja taż-żwieġ u l-familja.

Hemm bżonn, għeżież tiegħi, li nersqu għal din iċ-ċelebrazzjoni billi nħallu l-preżenza tal-Kelma t’Alla tisfidana bis-serjeta’, biex naraw x’il-Mulej irid joqtol fina, x’inhi dik il-ħaġa li jrid li aħna mmewtu għalih. U din l-isfida int jeħtieġ li tweġibha, jekk trid li tassew tiċċelebra l-Għid. Trid tieħu deċiżjoni fuq dak li fil-verita’ hemm bżonn li jsir, u mhux tilgħab ma’ dan, mhux sieq ‘l hemm u sieq ‘l hawn. Dak m’hux Għid, dak m’huwiex passaġġ.

 L-Għid huwa passaġġ mill-mewt għall-ħajja. M’huwiex li tieqaf fin-nofs. Kieku l-poplu Lhudi baqa’ fil-Baħar l-Aħmar meta Mose’ fired il-baħar u dan weħel hemmhekk, kieku l-baħar kien jerġa’ joqtolhom. Imma l-baħar infetaħ sabiex huma setgħu jimxu minn ġewwa fih — u dak hu l-Għid. Il-Mulej se jiftaħ litteralment il-bibien magħluqa tagħna sabiex aħna noħorġu minnhom. Mhux biex nagħmlu kompromess magħhom, mhux biex inkunu kuntenti li għamilna xi ħaġa żgħira tajba, imma biex naqbżu lejn in-naħa l-oħra.

  • Jista’ jkun li l-biża’ qed iżommok.
  • Jista’ jkun il-biża’ ta’ dak li se titlef.
  • Jista’ jkun il-biża’ ta’ dak li inti ma tafx fiex tista’ ssib ruħek.
  • Jista’ jkun il-biża’ li inti verament ma tafx il-Mulej hux se jżomm kelmtu miegħek jew le fil-ħajja.

Pero’ aħna, għeżież tiegħi, għandna din il-qawwa tal-Ispirtu Qaddis li jagħtina l-kuraġġ sabiex din il-bidla kollha li aħna hemm bżonn nagħmlu, nagħmluha bis-serjeta’. U naħseb li l-Għid veru fil-ħajja tagħna, għeżież tiegħi, nifhmuh fil-kuntest ta’ ftit dettalji li l-Evanġelista Ġwanni, l-awtur tar-raba’ Vanġelu, jgħidilna meta Ġesu’ ċċelebra l-Għid. F’San Ġwann, kapitlu 13, l-ewwel vers propju jiftaħ billi jgħid:

“Hu li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.”

Dan hu l-Għid ta’ Ġesu’ li jaf li sejjer għand il-Missier. Imma Ġesu’ dan jagħmlu f’kuntest ta’ mħabba kbira lejna, u allura dak li l-Mulej qed jurina u jagħtina fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għid huwa li aħna nagħmlu l-ikbar passaġġ:

  • li jiena noħroġ minni nnifsi,
  • li jiena ma nkunx skjav tiegħi nnifsi,
  • li jien ma nkunx egoist.

 F’kelma waħda biex inkun nista’ nħobb fil-verita’ kif il-Mulej iridni nħobb.

“Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” (Ġwanni 13: 34)

L-istandard tal-imħabba tagħna m’hux int sakemm int kapaċi tħobb, imma sakemm Alla kapaċi jħobb fik bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu. U dan hu, naħseb, l-akbar passaġġ li rridu nagħmlu. Il-passaġġ:

  • minn persuni magħluqin fina nfusna,
  • minn persuni li moħħna dwarna nfusna,
  • minn persuni li jiġu biss sodisfatti l-bżonnijiet tagħna

għal persuni:

  • li nibdew nagħtu kas ħaddieħor,
  • għal persuni li nibdew inħobbu bis-serjeta’ lill-proxxmu tagħna,
  • għal persuni li nibdew inħobbu bis-serjeta’ lill-għadu tagħna,
  • għal persuni li ma nibqghux magħluqin fid-diżappunt tal-imħabba f’ħajjitna li hija l-mewt tal-imħabba,
  • għal persuni li aħna, irxutati ma’ Kristu, għandna t-tama ġdida li l-imħabba tassew hija possibli.

Jien nixtieq ninsisti tassew li l-Għid idur madwar din il-ħaġa, għeżież tiegħi. Fl-aħħar mill-aħħar dak li l-Mulej għamel magħna u li ħariġna mid-dnub, li hu nuqqas ta’ mħabba f’ħajjitna, biex jagħtina l-ħajja ġdida li hi l-imħabba vera permezz tal-Ispirtu tiegħu, frott ta’ Kristu Rxoxt. L-Ispirtu li hu l-imħabba t’Alla msawwba fi qlubna, kif jgħidilna San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani kapitlu 5, vers 5.

Illum, għeżież tiegħi, għandna bżonn ħafna li niċċelebraw dan l-Għid bin-nuqqas ta’ mħabba għall-imħabba vera fil-Knisja, fil-komunita’ Nisranija tagħna. Xi kultant, l-imħabba hi ħaġa li l-Papa Benedittu XVI, fil-bidu tal-Pontifikal tiegħu, fl-ewwel Enċiklika li ħareġ Deus Caritas Est ifakkarna f’dak li hu bażiku fil-ħajja Nisranija tagħna: li Alla huwa mħabba. Dan il-Kmandament, din ir-relazzjoni, dan id-don tal-Imħabba fil-ħajja Nisranija tagħna, ħafna drabi huwa l-iktar ħaġa li qegħdin nagħtuha bis-sieq. Qegħdin nagħtuha bis-sieq, inġibu fix-xejn il-Kmandament tal-Imħabba b’diversi modi u dan mhux qed ngħid minna l-Insara, minna n-nies tal-Knisja.

Ħafna drabi, kemm faċilment, għeżież tiegħi, ninħlew fuq il-liġijiet. Mhux qed ngħid liġijiet tajbin, ta, liġijiet li nivvintaw aħna għal diversi raġunijiet. Ninħlew fuq kulturi li aħna nrabbu fil-parroċċi tagħna, kulturi marbutin ma’ festa, ma’ partit, ma’ każin u ma’ dak u mal-ieħor. Kulturi li jinħolqu xi kultant anke fuq affarijiet żgħar illi jorbtu anke l-idejn tas-saċerdoti u l-kappillani min-nies li jaħdmu kif jixtiequ jaħdmu u nġibu fix-xejn l-imħabba. Indaħħlu l-pika li m’hix ġejja minn Alla, li ġejja mix-xitan u mid-dnub tal-bniedem, u nġibu fix-xejn il-Kmandament tal-Imħabba. Kemm faċilment anke, għeżież tiegħi, aħna fil-Knisja ningħataw għal ħafna xogħol u l-persuni jsiru numru u ma jibqgħux aktar persuni li nirrelataw magħhom bħala wlied il-Missier etern. Allura l-imħabba verament trid tgħammar bejnietna Nsara. L-imħabba li aħna niċċelebraw fl-Ewkaristija. Dan huwa Għid ukoll, huwa wkoll passaġġ li aħna noħorġu mill-mewt li hi nuqqas ta’ mħabba fil-komunita’ Nisranija, għall-imħabba li tiġi frott  Kristu Rxoxt fil-ħajja tagħna li mbagħad tinbidel u ssir tama għad-dinja fi żminijietna.

Ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nieħdu din bis-serjeta’. Fejn jien m’inix inħobb: mhux fejn jien m’inix qed nagħmel xejn ħażin. Imma fejn jien m’inix nħobb. Għax m’hu qed nagħmel xejn ħażin, b’daqshekk ma jfissirx li qed nagħmel it-tajjeb. Jista’ jkun li jien m’inix nobgħod, pero’ dan ma jfissirx li qiegħed inħobb. Ħafna drabi qed inserrħu moħħna billi nagħżlu li nkunu Nsara bl-inqas livell possibli ta’ mpenji radikali verament Insara. Imma

  • m’aħniex inkunu Insara radikali,
  • m’aħniex inkunu Insara sfidati mill-Kelma t’Alla,
  • m’aħniex inkunu Insara mmotivati mill-preżenza ta’ Kristu Rxoxt fil-ħajja tagħna.

 Minflok, qed inkunu Nsara li tal-kompromessi, ta’ sakemm ma nagħmel xejn ħażin, allura  kollox OK għax u mingħalina li ngħaddu mill-eżami ta’ jekk aħna jew m’aħniex Insara tajbin.

Kemm verament inħossha tweġġgħani jien meta jiġulek persuni li jgħidulek: “Fr jiena la noqtol, la nisraq, la nidgħi, ma nagħmel xejn ħażin.” Imma x’inhu t-tajjeb li qed tagħmel? Ma tobgħodx; imma fejn qiegħed tħobb? Il-Mulej ma qalilniex: “tobgħodux”; il-Mulej qalilna “ħobbu” u hemm differenza kbira bejn dawn iż-żewġ kelmiet. Nistgħu nkunu Nsara li kuntenti, ma nagħmlu xejn tajjeb, u anqas nagħmlu ħażin. Insara bierda. Taf xi jfisser? Li Alla se jobżqok ‘il barra lilek. Dak li jfisser! Din il-Kelma tiegħu fl-Apokalissi, fil-Ktieb tar-Rivelazzjonijiet:

“Mhux li kont kiesaħ jew sħun’ jgħidilna, ‘imma għax inti biered, jien nobżqok ‘l barra.” (Apokalissi 3: 15-16)

Hija sentenza li fiha kundanna iebsa. Int tobżoq ‘il barra dak li inti ma ġġerraħx. Alla ma jġerraħniex jekk inkunu berdin, għeżież tiegħi. Ma jġerraħniex berdin, u din mhix ċajta! Huwa dan il-passaġġ li rridu nagħmlu. Forsi l-passaġġ tagħna huwa

  • mill-mewt li tfisser bruda fil-ħajja tiegħek,
  • mill-mewt li tfisser li int ma tridx tagħmel pass ‘l quddiem fil-ħajja Nisranija,
  • mill-mewt li tfisser li int staġnajt,
  • li int taħseb li int tajjeb,
  • li int taħseb li sirt xi ħaġa, anke fil-Knisja, u tirrealizza li int m’int xejn.

Imma:

  • li int qaddej,
  • li int qiegħed hemm biex taqdi,
  • li int trid tassew tmut għalik innifsek.

Għeżież tiegħi, ejjew nidħlu verament fina nfusna, f’qoxritna, ħalli naraw x’inhi s-sitwazzjoni tagħna tassew quddiem Alla, mhux quddiem il-bnedmin. Ma nqabblux lilna nnfusna ma’ bnedmin oħra, imma naraw il-Mulej kif iridna. Inkunu tassew dak li jgħid is-Salm:

“Fid-Dawl tiegħek o Alla; aħna naraw id-dawl.” (Salm 36: 10)

Trid tara d-dawl vera ta’ ħajtek mhux x’jgħid ħaddieħor, mhux x’jgħidu l-bnedmin, imma x’jgħid Alla f’ħajtek. Dak li jgħidu l-appostli, anke wara l-qawmien ta’ Ġesu’ mill-mewt. Meta jiġu ppersegwitati jagħmluha ċara li:

“Jeħtieġ li aħna nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin.” (Atti 5: 29)

“Jeħtieġ illi nobdu iktar lill-Alla milli ‘l-bnedmin.” U dan jista’ jkun passaġġ li trid tagħmel inti li int persuna li tagħti kas aktar x’jgħidu l-bnedmin milli x’jgħid Alla fuqek. Dan jista’ jkun l-Għid tiegħek: li tmut għal dik ‘il ħaġa, ħalli tirxxoxta verament u kif jgħid San Pawl:

“Ngħixu għall-Mulej Ġesu’.” (Rumani 14: 8)

U dan huwa passaġġ ieħor, għeżież tiegħi li aħna rridu nagħmlu, bħala Insara. Irridu niskopru li aħna ma ngħixux għalina nnfusna, imma aħna ngħixu għalih li hu s-Sultan tal-Glorja, kif jgħid San Pawl. Aħna msejħin biex inkunu ta’ Ġesu’ Kristu, kif jgħidilna San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani, fl-Ewwel Kapitlu.

“Imsejħin biex inkunu ta’ Ġesu’ Kristu.” (Rumani 1: 6)

Kemm hu faċilment li aħna anke l-Fidi Nisranija tagħna ngħixuha biss għall- kumdita’ tagħna biss! Il-Fidi Nisranija jiena nżommha sakemm lili tagħtini l-paċi, sakemm lili tagħmilni kuntent, sakemm lili ttini dak li jaqbilli. Hekk, imma, jiena nkun qed ninqeda bil-fidi, jiena nkun qed ninqeda bir-reliġjon, jien nkun qed ninqeda b’Ġesu’ Kristu, jien ninqeda bil-Knisja tiegħu a skapitu tal-oħrajn u għall-beneficcju tiegħi biss, għal mod kif jiena nħossni. B’hekk m’inix inħalli din il-preżenza ħajja tal-Mulej tibdilni, toħroġni minn din il-mewt, minn dan l-egoiżmu, anke fil-ħajja spiritwali, ħalli ngħix tassew għall-Mulej, ħalli jiena ngħix tassew għalih, li jiena nkun tassew tiegħu.

Dan l-Għid irid iċċaqlaqna mill-qiegħ, irid iġib din il-bidla fina, irid jagħmel din il-konverżjoni fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Gwaj għalina jekk l-Għid jiġi u jħallina kif inkunu, għax ifisser li aħna nkunu bżaqna f’wiċċ Alla, jfisser li aħna nkunu ġejna naqgħu u nqumu mill-grazzji li l-Mulej irid jagħtina. Ifisser li aħna niġu ma jinteressaniex minn dak li Alla jrid jagħmel magħna u jkollna l-gazz, saħansitra, li mmorru nagħmlu ċerimonja fil-Knisja li ma tkun xejn ħlief ħafna kliem vojt għaliex m’hemmx din il-bidla fil-qalb li qiegħda sseħħ profondament fik.

Ma jistax ikun, għeżież tiegħi, li sena wara oħra aħna nibqgħu b’dawn l-istess mentalitajiet. Mhux qed ngħid għan-nies li ma jmorrux il-Knisja, iżda għalija l-ewwel wieħed li ħa niċċelebra l-Għid, li bħala saċċerdot se mmexxi din il-funzjoni tal-Għid. Ma jistax ikun, għeżież tiegħi, li aħna ħa niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ ma’ dan il-misteru ta’ Kristu mqajjem mill-mewt, u nibqgħu noffru r-resistenzi tagħna:

  • li ma rridux inħalluh jibdilna,
  • li ma nħalluhx jeħlisna mill-ktajjen li hemm ġo fina,
  • li ma nħalluhx ineħħilna l-qxur tal-għama li hemm fina,
  • li ma nħalluhx imiss is-suppervja tagħna,
  • li ma nħalluhx imiss l-egoiżmu tagħna,
  • li ma nħalluhx imiss il-bruda tagħna,
  • li ma nħalluhx imiss l-inganni ta’ Satana fil-ħajja tagħna.

Hemm bżonn li verament nesperjenzaw din il-ħajja. U, għeżież tiegħi, meta dan il-passaġġ nagħmluh mill-mewt għall-ħajja, allura hemmhekk hemm grazzji kbar jistennewna, hemmhekk qegħdin nagħrfu li dak li l-Mulej għamel għalina fuq is-Salib, aħna ma nġibuhx fix-xejn.

San Pawl ħin minnhom jitkellem dwar li ma nġibux il-grazzja ta’ Kristu fix-xejn. Kemm faċilment inġibuha fix-xejn, fil-veru sens tal-kelma, meta l-qawwa tiegħu ma nħalluhiex taħdem fina. Din hija dawgħa, tafux? Din hija mod kif inti ssabbat il-bieb ta’ qalbek f’wiċċ Alla u ma tħalliehx jidħol, jippenetra fik.

Min-naħa l-oħra, dawk li jagħmlu din l-esperjenza,

  • jistgħu jiskopru l-liberta’ li jħobbu;
  • jistgħu jiskopru s-sbuħija li tkun tal-Mulej;
  • jistgħu jiskopru s-sbuħija li int tmur tevanġelizza;
  • jistgħu jiskopru s-sbuħija li taqsam l-imħabba tiegħek ma’ ħaddieħor, anke meta mhux dejjem din hija milqugħa;
  • jistgħu jiskopru l-liberta’ li xxandar il-verita’, anke meta din jippruvaw jgħidu li hija gidba;
  • jistgħu jiskopru l-liberta’ li xxandar li Ġesu’ qam mill-mewt, anke jekk ħaddieħor lanqas biss irid jagħti kasu — billi inti, għax doqt l-Għid, m’intix mmexxi aktar mill-biża’, imma mit-tjubija tal-Mulej fil-ħajja tiegħek;
  • Tibda tesperjenza din il-liberta’ li inti tista’ tgħix fiż-żwieġ tiegħek, minkejja l-mumenti iebsa li inti jista’ jkun li tkun qed tgħaddi minnhom;
  • tista’ tkompli tgħix il-vokazzjoni saċerdotali tiegħek, anke jekk sħabek saċerdoti, anke jekk sħabek fil-komunita’ parrokkjali ma jkunux qed jifhmu dejjem il-ħidma tal-Mulej fil-qalb tiegħek jew fil-komunita’ li inti tkun qed tgħix fiha.

Hija din il-liberta’ li, għax inkunu verament esperjenzajna l-Ħajja Ġdida, tagħtina l-qawwa li nkomplu nesperjenzaw ‘il-Mulej, inkomplu nxandruh u  tagħmilna persuni li għandna l-vera paċi.

Ġesu’, meta jqum mill-mewt isellem kontinwament, “Il-Paċi magħkom! Il-Paċi magħkom! Il-Paċi magħkom!” Din hija l-paċi li d-dinja għandha bżonn. Din hija l-paċi illi Marija, l-ewwel waħda li kienet għaddiet mill-mewt għall-ħajja għaliex kienet l-Immakulata, kienet qed tgħix kontinwament u ma kellhiex bżonn tgħaddi mill-mewt,  għax il-Mulej ta dal-privileġġ partikulari.

Għalhekk hija l-Omm tagħna tas-Sema li hi tant qrib tagħna, illi tista’ turina verament it-Triq tal-Paċi. Għalhekk, il-Madonna f’diversi dehriet, anke fi żminijietna, turi lilha nnfisha bħala s-Sultana tal-Paċi, għax il-paċi tiġi frott ta’ Binha Ġesu’ mqajjem mill-mewt, frott ta’ din il-Ħajja Ġdida li Kristu jrid jagħtina.

Jalla, għeżież tiegħi, dan l-Għid ifisser tassew għalik bidla radikali mill-qiegħ nett. Jekk tagħmel dan, il-Mulej jagħtik il-Vera Sliem.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s