Il-Ħniena Divina – Riflessjoni fuq it-Tieni Ħadd tal-Għid – Ħadd il-Ħniena Divina (Sena Ċ)

Il-Ġimgħa, 26 ta’ April 2019: Riflessjoni fuq Ġwanni 20:19-31. (It-Tieni Ħadd tal-Għid – Ħadd il-Ħniena Divina) (Sena Ċ) Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi,

Minn qalbi nixtieq nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi,’ stedina ħajja li jagħmilna Ġesu’ ta’ kull ġimgħa, u kull ġimgħa hija differenti. Aħna għandna bżonn niġu għand Ġesu’ minn ġimgħa għal oħra għaliex il-jiem tagħna jgerbu, aħna ma nibqgħux l-istess kif konna l-ġimgħa l-oħra. Aħna, biex ngħidu hekk, nies li dejjem qegħdin ninbidlu; nies li dejjem nghaddu minn ċirkustanza għal oħra. Allura għandna bżonn inħallu lil Ġesu’ jidħol fil-ħajja tagħna f’kull ċirkustanza li aħna nidħlu u ngħaddu minnha.

Nixtieq minn qalbi nsellem b’mod partikulari lir-residenti kollha fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, fil-friegħi differenti tagħha, fl-oqsma differenti tagħha, flimkien mal-uffiċjali u l-istaff kollu fid-direzzjoni ta’ din il-Faċilita’. Insellem lill-morda kollha, ‘l-anzjani, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi, lis-saċerdoti anzjani fid-Dar tal-Kleru, illi naf li tkunu qegħdin issegwu, għeżież tiegħi, dan il-programm. Insellem mill-qalb anke liż-żgħażagħ illi żżommu l-impenn tal-mixja tagħhom wara l-Mulej, anke permezz ta’ dawn ir-riflessjonijiet, il-ħsibijiet. Insellem lil dawk kollha li jsegwuna anke minn barra minn Malta bil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.

Illum il-Vanġelu li sejrin nirriflettu fuqu, għeżież tiegħi, jaħbat propju l-Vanġelu li se jinqara fil-knejjes tagħna f’Ħadd il-Ħniena Divina u għalhekk huwa mument illi anke nirriflettu fuq din il-Ħniena infinita’ t’Alla fil-ħajja tagħna. Biex jiggwidana naqraw is-silta mill-Vanġelu ta’ San Ġwann, propju meħuda minn Kapitlu 20, versi 19 sa 31. Isimgħu x’jgħidilna l-Evanġelista:

“Dak in-nhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħin mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesu’ u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesu’ tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

Tumas wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesu’. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesu’ daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesu’: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesu’ għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesu’ hu l-Messija l-Iben t’Alla, u biex it-twemmin tagħkom ikollu il-ħajja f’ismu.

F’dan il-Vanġelu, għeżież tiegħi, naraw din ix-xena sabiħa ta’ Ġesu’, illi l-ewwel ħaġa jidħol mill-bibien magħluqa fil-ħajja tal-appostli mbeżżgħin mil-Lhud. It-tieni, Ġesu’, meta jidħol, l-ewwel ħaġa li jgħidilhom hija: “Is-sliem għalikom!” Ġesu’ jagħtihom id-don tal-paċi.

Dil-preżenza ħajja ta’ Ġesu’, illi f’jum il-Mulej, f’jum il-Ħadd biex ngħidu hekk, jidher lil dil-komunita’ mbeżżgħa, aħna niċċelebrawha bħala Nsara kull nhar ta’ Ħadd fil-Quddies tal-Ħadd. Hija interessanti, għeżież tiegħi, illi meta l-Quddiesa jmexxiha l-Isqof tal-post, it-tislima tiegħu fil-bidu tal-Quddiesa wara r-radd tas-Salib hija: “Il-Paċi magħkom!”

Propju hemmhekk qiegħed, biex ngħidu hekk, jgħidilna, fil-persuna ta’ Ġesu’, illi jidħol fil-qalb, fil-ħajja ta’ din il-komunita’ u jagħtina s-sliem u jagħtina l-paċi. Kemm għandna bżonn, għeżież tiegħi, li aħna kull nhar ta’ Ħadd niltaqgħu ma’ dan Ġesu’ ħaj fil-komunita’, fil-Knisja, fejn jiġi jagħtina l-paċi fil-qalb tagħna.

Għeżież tiegħi, jekk forsi xi ħadd minnkom tbiegħed mill-Quddies tal-Ħadd u qed isegwi dan il-programm, nixtieq nistiednek sabiex il-Ħadd li ġej tiġi. Nixtieq nistiednek biex ma titlifx dan il-mument, din l-opportunita’, fejn Ġesu’ jista’ jagħtik u jrid jagħtik il-paċi tiegħu. Pero’ din il-paċi, Ġesu’ ma jagħtihiex fl-ajru; jagħtiha lil dil-komunita’ miġbura flimkien. Tumas, li mhux qiegħed hemmhekk, din il-paċi ma jistax jirċeviha. Għeżież tiegħi, hemm paċi li Alla jrid jagħtina meta aħna qegħdin flimkien mall-aħwa tagħna Nsara, meta qegħdin fil-Knisja, meta qegħdin fil-komunita’ Nisranija. Il-Knisja hija komunita’ ta’ paċi. Il-Knisja komunita’ ta’ paċi. Meta aħna nitbiegħdu ‘l bogħod mill-Knisja ta’ Ġesu’, aħna nitilfu l-paċi ta’ Ġesu’ li jrid jagħtina. Nibdew insibu l-paċi x’imkien ieħor lil hinn minn dil-komunita’, din il-paċi lil hinn mill-Knisja. Pero’, għeżież tiegħi, lil hinn mill-komunita’ ta’ Kristu, aħna m’aħniex se nsibu l-paċi vera, sħiħa u totali li Ġesu’ jrid jagħtina.

Issa din il-Knisja li Ġesu’ jrid jagħtiha din il-paċi hija Knisja mbeżżgħa, Knisja bil-bibien magħluqa, Knisja ta’ qabel Pentekoste, pre-Pentekostali, Knisja qabel ma rċeviet l-Ispirtu s-Santu. Issa aħna, għeżież tiegħi, minkejja li rċevejna l-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija, fil-Griżma, fl-Ordni Sagri, aħna s-saċerdoti, imma xi drabi qisna l-Knisja ta’ qabel Pentekoste. Qisna għadna Knisja li fiha aħna mbeżżgħin, Knisja li għadha magħluqa. Komunita’ mbeżżgħa, komunita’ magħluqa. Ċioe’, aħna wkoll nistgħu nkunu parti minn dir-realta’, għeżież tiegħi.

  • Magħluqin u mbeżżgħin għaliex iż-żminijiet qed jinbidlu; magħluqin u mbeżżgħin għaliex forsi hemm sitwazzjonijiet fil-ħajja tas-soċjeta’ illi jwaqqgħuna għaċ-ċajt, jirredikolawna, ma jridux jafu bi Kristu, jridu jwarrbu lil Ġesu’.
  • Magħluqin u mbeżżgħin għax forsi fuq ix-xogħol iwaqqgħuk għaċ-ċajt għax inti temmen.
  • Magħluq u mbeżżgħa forsi fl-istess żwieġ u familja tiegħek għax ir-raġel ma jemminx jew il-mara ma temminx jew it-tfal ma jridux jemmnu aktar; u tħossok waħdek li temmen, allura tħossok magħluq u mbeżżgħa fejn tidħol il-fidi fi ħdan l-istess familja tiegħek.
  • Tista’ tkun saċerdot, reliġjuż, patri, soru li inti wkoll tista’ tħossok magħluq u mbeżżgħa għaliex fil-parroċċa tiegħek, fil-komunita’ tiegħek is-sitwazzjoni kif inhi taqta’ l-qalb tiegħek.

Is-sabiħ m’hijiex dis-sitwazzjoni; is-sabiħ li Ġesu’ jidħol f’dis-sitwazzjoni, għeżież tiegħi. Ġesu’ llum anke aħna meta niċċelebraw il-Quddies tal-Ħadd bħala Komunita’ Nisranija, aħna niġu b’mod reali forsi bil-bibien magħluqa li m’humiex tad-djar imma l-bibien ta’ qalbna, forsi l-bibien magħluqa u mbeżżgħin minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, pero’ ejjew nkunu flimkien. Ġesu’ ma jidħolx jagħti l-paċi lill-komunita’ li hija perfetta, Ġesu’ ma jidħolx jagħti l-paċi, ma jżurx komunita’ li ma għandha bżonn xejn. Hija komunita’ li għandha bżonnu, komunita’ li għadha friska fil-memorja tagħha ċ-ċaħda ta’ Ġuda, ċ-ċaħda ta’ Pietru, ċ-ċaħda tal-Appostli, illi sparparjaljaw ruħhom, pero’ f’dal-mument qegħdin flimkien. Nafu li qegħdin flimkien, anke ma’ Marija, għeżież tiegħi, u Ġesu’ jiġi jżurhom biex jagħtihom il-paċi. Għaliex kellhom bżonn din il-paċi?

Din il-paċi għeżież tiegħi kellhom bżonnha l-ewwel ħaġa fil-qalb tagħhom. M’hijiex sempliċiment il-paċi; riedu ħelsien mill-biża’ li kellhom mil-Lhud, mill-biża’ li se jippersegwitawhom. L-ewwel turment kienet il-kuxjenza mtaqqla tagħhom li huma kienu warrbu lil Ġesu’, li huma lil Ġesu’ kienu ċaħduh, li huma lil Ġesu’ ħallewh waħdu, li huma ma ridux jafu aktar b’Ġesu’ quddiem it-tbatija, quddiem il-persekuzzjoni — u dan kien toqol fil-kuxjenza tagħhom. Meta Ġesu’ qed jgħidilhom “Il-paċi magħkom”, indirettament Ġesu’ qed jgħidilhom, “jien naħfrilkom.” Hi paċi li hija frott il-maħfra.

Ġesu’, meta jidhrilhom, ma jkellimhomx dwar it-tradiment, iċ-ċaħda, l-abbandun li huma għamlu tiegħu. Ġesu’ jaf x’hemm f’qalbhom u aktar milli jinteressah x’jikkawżaw lilu li ttradewh, li ċaħduh u li ħallewh waħdu, Ġesu’ aktar jinteressah x’qed jiġri fihom, li għax telquh daħlet din il-biża’. Allura jrid jagħtihom il-paċi f’qalbhom: ma jibqax iħallihom imbeżżgħin b’kuxjenza mtaqqla.

Din hi wkoll il-Ħniena t’Alla, għeżież tiegħi, li l-Mulej irid idaħħal fil-ħajja tagħna llum.

  • Int min int,
  • int li forsi int ‘il bogħod minn Ġesu’,
  • forsi ilek ma tqerr,
  • forsi ilek ma titqarben,
  • forsi ilek ma titlob:

fil-qalb tiegħek x’hemm? Nervi, rabja, nuqqas ta’ paċi, taħwid, għira? X’hemm fil-qalb tiegħek? Dwejjaq? Ġesu’ qed jgħidlek: ”isma’, ‘l bogħod minni m’intix ħa jkollok il-paċi. Pero’ jiena rrid nidħol f’dawn iċ-ċirkustanzi, irid nagħtik il-paċi.” Ejjew niftħu qalbna beraħ għal Ġesu’ li jrid jagħtina din il-paċi tiegħu!

Imbagħad, għeżież tiegħi, il-Mulej jagħti din il-missjoni anke lill-appostli: jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, jgħidilhom li  d-dnubiet li huma jaħfru maħfura, id-dnubiet li huma jżommu huma miżmuma. Hawnhekk għandna,  għeżież tiegħi, kif Ġesu’ lil dil-komunita’ li hija l-Knisja, ‘l-Appostli li huma l-isqfijiet u s-suċċessuri tagħhom u s-saċerdoti f’rabta magħhom jagħtiha din l-awtorita’ tal-maħfra tad-dnubiet. Il-Qrar ma vvintatux il-Knisja. L-awtorita’ tiegħi, saċerdot midneb, Hayden, m’hijiex ġejja minni. Din l-awtorita’ hija ta’ Ġesu’ li jinqeda b’persuna midinba biex iwassal l-imħabba u l-ħniena tiegħu u l-maħfra lil persuna oħra. Il-Mulej irid jiġi għandna b’wiċċ uman, għeżież tiegħi, jrid iwaslinna l-maħfra tiegħu b’wiċċ uman, bi Knisja li għandha wiċċ uman. Il-Knisja li hija omm, il-Knisja li hija missier li tirrifletti ‘l Ġesu’. Ġesu’ ma jagħmel xejn mingħajr il-Knisja tiegħu. Dina forsi waħda mill-iżbalji li wħud illum iridu Kristu kif joħolquh huma, Kristu kif jimmaġinawh huma. Jieħdu affarijiet mingħand Ġesu’, mill-Vanġelu, mill-Bibbja, minn dak li forsi li tgħallmu, pero’ mbagħad kif jirraġuna l-moħħ tagħhom.

Għeżież tiegħi dan huwa żball, imma mhux qed ngħid li dan huwa żball biex inkisser lil xi ħadd, ta, jew biex nikkundannah. Qed ngħid li huwa żball għax il-verita’ hija sabiħa. Meta nkunu fi żball, nitilfu s-sbuħija u aħna ma nistgħux inqasqsu mill-Vanġelu jew ninterpretawh b’mod żbaljat; irridu nieħdu s-sbuħija tiegħu biex nagħrfu l-imħabba t’Alla. Meta l-Vanġelu ma niħduhx b’mod sħiħ, l-imħabba t’Alla ma niħduhiex b’mod sħiħ. Il-Mulej irid jiġi jħobbna permezz tal-Knisja tiegħu.

Ejjew, għeżież tiegħi, ma nitbegħdux mill-Knisja, ma nitbegħdux mis-saċerdoti. Issa forsi tista’ tgħidli,

  • imma jiena saċerdot skandalizzani,
  • tista’ tgħidli, saċerdot lili għajjat miegħi,
  • saċerdot ħatafni,
  • saċerdot ma tanix parir tajjeb,
  • saċerdot kien li kissirni,
  • saċerdot kien li ġabni kif ġabni.

Jekk dan hu vera, għeżież tiegħi, għandek raġun u gwaj għal dak is-saċerdot illi jagħti skandlu u nitolbu għas-saċerdoti li forsi jistgħu jħawduna fil-mixja tagħna. Pero’ ħbieb tiegħi, jiena konvint minnkom, konvint li intkom għandkom il-maturita’ u nemmen li intkom għandkom il-maturita’ li tafu tagħżlu. Nemmen li intom kapaċi tiddistingwu, illi jekk żbalja saċerdot ma żbaljawx is-saċerdoti kollha. Bħalma nemmen li jekk intom taraw tabib li żbalja fid-dijanosi tal-mediċina li tak jew tal-kura li tak, għeżież tiegħi, jew tal-marda tiegħek, ma tgħidx li t-tobba kollha jiżbaljaw. Assolutament li le. Tgħid li dak żbalja, pero’ tmur għand tabib ieħor.

Is-saċerdot hu t-tabib tar-ruħ u l-istess irridu nirraġunaw. Forsi fil-weġgħa u fir-rabja ma nirraġunawhiex mill-ewwel u nifhimha wkoll. Pero’ meta nibdew nirraġunaw ftit, ejjew ma nwarbux l-affarijiet ta’ Ġesu’ u l-grazzji li jrid jagħtina fil-Knisja tiegħu minħabba xi żbalji li jsiru anke fil-Knisja, għeżież tiegħi, minn membri tal-Knisja, sew jekk ikunu saċerdoti, patrijiet, sorijiet, isqfijiet,   kardinali, xi ħadd li hu prominenti fil-Knisja, għeżież tiegħi. Ġesu’ huwa ikbar minn dawn l-iżbalji.

Ovvajment, Ġesu’ kieku ried seta’ għamel Knisja perfetta, seta’ għażel Knisja perfetta; imma Ġesu’ ma għażilx Knisja perfetta. Ġesu’ lil dawn l-Appostli kollha qed jgħidilhom: “id-dnubiet l’intom taħfru jkunu maħfura kemm lil Pietru illi ċaħdu, kemm ‘l-oħrajn li abbandunawh u kemm lil San Ġwann li baqa’ miegħu. Ġesu’ ma jiffurmax Knisja magħmulha biss milli Ġwannijiet, jekk nista’ ngħid hekk, dawk li jibqgħu fidili fuq is-Salib, fuq il-Golgota ma’ Ġesu’. Ġesu’ l-Knisja ma għamilhiex minn dixxipli perfetti. Il-Knisja hija qamħ u sikrana u l-Mulej jagħżilna lkoll, idaħħalna lkoll. Il-Mulej ħa dar-riskju. X’naqbad nagħmel jekk ħa dar-riskju hu? Nistgħu ma niħduhx aħna? Għeżież tiegħi, hu jaħseb aħjar minna, jiddeċiedi aħjar minna kif jagħmel l-affarijiet.

Jiena nixtieq ngħidilkom li l-imħabba t’Alla hija ikbar. Hija ikbar mill-iżbalji tagħna l-qassisin u nixtieq nitlob maħfra f’isem il-Knisja għax aħna lkoll parti minn dil-komunita’. Nixtieq nitlob maħfra f’isem ħuti s-saċerdoti, jekk xi ħadd minnkom iħossu mweġġa’ minn xi ħadd minn ħuti s-saċerdoti, forsi minni stess ukoll, forsi mill-Knisja b’mod ġenerali, mill-komunita’ Nisranija. Nitlobkom maħfra mill-qalb. Aħna ministri tal-maħfra biex nagħtu l-maħfra t’Alla, pero’ aħna suġġetti għall-iżball u għandna bżonn il-maħfra, mhux biss t’Alla. Għandna bżonn il-maħfra tagħkom. Il-Knisja, il-komunita’ fejn naħfru u niġu maħfura għaliex iċ-ċentru huwa Ġesu’ Kristu. Ħadd m’hu ‘l fuq mill-Mulej. Ilkoll nistgħu nagħmlu l-iżbalji tagħna.

Tumas m’huwiex preżenti f’dan il-mument, għeżież tiegħi, meta Ġesu’ jidher għall-ewwel darba. Pero’ Tumas ikun preżenti meta Ġesu’ jidher it-tieni darba. U Ġesu’ donnu jiġi għal Tumas apposta. Tumas, li meta l-appostli jgħidulu,” isma’ rajna lill-Mulej”, jgħidilhom “jekk jiena ma npoġġix idejja fuq il-marki u mmisshom, jiena ma nemminx.” Ċioe’ Tumas, għeżież tiegħi, xi drabi hu aħna, illi qegħdin fi ħdan il-Knisja pero’ l-affarijiet ma naqbadx u nemminhom mill-ewwel irid il-modo mio, irrid nesperjenza jien, irrid ngħaddi mill-esperjenza jien biex nemmen.

Li nixtieq ngħid huwa li Ġesu’ ma qatax qalbu minn Tumas, għeżież tiegħi, u Ġesu’ ġera tmien t’ijiem wara Tumas. Minn jaf f’dawk it-tmint ijiem, x’konflitt kellhom bejniethom u Ġesu’ ma jsolvilhomx din il-ħaġa. Pero’ ma jaqtax qalbu minn Tumas. Il-Ħadd ta’ wara, fl-Ewkaristija ta’ wara, f’jum il-Mulej ta’ wara, Ġesu’ jerġa’ jiġi u din id-darba jkellem lil Tumas.

Għeżież tiegħi, ejjew aħna ma naqtgħu qalbna minn ħadd. Ejjew, ħadd minna ma jaqta’ qalbu minn Ġesu’.

  • Int min int,
  • għamilt x’għamilt,
  • kont x’kont,
  • kien x’kien il-passat tiegħek,
  • ħawwadt kemm ħawwadt,
  • tista’ tkun l’int l-iktar persuna midgħi,
  • inti sraqt,
  • int korrott,
  • inti qtilt,
  • int ħawwadt fil-ħajja,
  • int iġġakbinajt,
  • int għamilt affarijiet gravi,
  • int wettaqt l-abort,
  • int kissirt iż-żwieġ tiegħek,
  • int ħassart il-ħajja tal-oħrajn,
  • int tajt skandli,
  • int min int

Ġesu’ mhux se jaqta’ qalbu minnek QATT! U ejjew aħna ma naqtgħu qalbna minn ħadd. Ħuti s-saċerdoti, ma naqtgħu qalbna minn ħadd; ġenituri taqtgħu qalbkom minn ħadd minn uliedkom li jista’ jkun qed jgħaffeġ u qed jiżbalja.

Ġesu’ ma qatax qalbu minn Tumas. Taqtgħux qalbkom minn dawk li forsi ma għadhomx jemmnu. L-aħħar kelma hi l-Mulej li jiġi jżurna u bil-pjagi tiegħu jfejjaq il-pjaga tan-nuqqas ta’ fidi, illi aħna għandna. Ġesu’ ma ddejjaqx minn Tumas. Ġesu’ ħadha l-isfida ta’ Tumas. Qallu: “ejja missni”, għeżież tiegħi, għax il-Mulej jaf ‘il-qalb tagħna, jaf id-dgħjufija tagħna u jrid jiġi hu jiltaqa’ magħna fid-dgħjufija, fin-nuqqas ta’ twemmin li aħna jkollna.

Ġesu’ rrxutat x’jagħmel? Ifittex ‘il dak li ma jemmnux. L-appostli m’emmnux — imur ifittixhom, id-dixxipli ta’ Għemmaws m’emmnux — imur ifittixhom, ‘il Tumas m’emmnix — jiġi jfittxu. Ġesu’ jiġi jfittex lil dawk li ma jemmnux bħala l-irxuxtat, għeżież tiegħi, u forsi anke aħna llum ma nemmux xi wħud minna fl-Irxoxt. Ma nemmnux li Ġesu’ huwa Ħaj, imma Ġesu’ xorta ħa jfittixkom, ta, għaliex l-imħabba tiegħu ma tiddependix minna. Ġesu’ mhux take it or leave it, Ġesu’ mhux jekk int ma tridx, jien ma rridx. Le! Ġesu’ ffissat fuqek u anke jekk int ma tridx, hu iffissat fuqek se jibqa’, u minn hemm jew minn hawn se jibqa’ jiġri warajk b’mod illi int mhux se tifhem u forsi anqas jien, pero’ ġej ifittxek.

L-ewwel post fejn qed ifittixna huwa fil-komunita’, fil-Knisja. Hu jistenniena pero’ anke jekk nitbegħdu mill-Knisja, ta. Id-dixxipli ta’ Għemmaws tbegħdu mill-Knisja u mar iffittixhom hemmhekk, għax Ġesu’ Rxuxtat, ħaj, ifittixna ġewwa u jfittixna barra sakemm isibna. Din hija l-Ħniena t’Alla.

  • Ejjew induru lejh,
  • ejjew inħalluh jidħol f’ħajjitna,
  • ejjew nersqu lejn il-Qrar,
  • ejjew nirċievu l-maħfra totali,

ejjew niċċelebraw il-Ħniena t’Alla anke kif Ġesu’ wrieha lil Santa Fawstina, għeżież tiegħi. U jekk xi darba jkollkom ċans, inħeġġiġkom taqraw id-Djarju ta’ Santa Fawstina miktub bil-Malti. Huwa l-esperjenza tagħha. Il-Knisja, biex ngħidu hekk approvatu, għamlitu parti mill-esperjenza tal-komunita’, mhux għax għandu xi ħaġa ġdida. Kollox qiegħed fil-Kelma t’Alla u l-Liturġija tal-Knisja, pero’ huwa esperjenza, huwa għajnuna li ħafna nies sabuh li jgħinhom biex jiskopru mill-ġdid lil Ġesu’ u l-Ħniena infinta’ tiegħu kif hu għażel din l-appostlu u s-segretarja tal-Ħniena Divina, Santa Fawstina, li tkompli turina din ir-realta’.

Jiena nħeġġiġkom mill-qalb, għeżież tiegħi, ejjew aħna niftħu qalbna beraħ għal dan Ġesu’ li qed ifittixna biex jaħfer id-dnubiet tagħna, biex jagħtina l-paċi, biex iġeddidna fil-fidi, biex jagħmilna kuntenti u ferħana. Jiena nwegħdkom minn qalbi t-talb għalikom, nitlobkom titolbu għalija, segwu l-Facebook page tiegħi Fr Hayden jew Instagram, għeżież tiegħi u hemmhekk ikollkom anke l-affarijiet kollha li jkollkom bżonn isegwu għal dan il-programm u l-attivitajiet kollha li nkunu qegħdin norganizzaw.

Il-Paċi magħkom! Kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s