L-Għid il-Kbir – Riflessjoni minn Fr Hayden

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2019: Riflessjoni dwar l-Għid il-Kbir. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi, u l-Għid it-tajjeb!

Meta qed ngħidu l-Għid it-Tajjeb lil xulxin x’qegħdin nawguraw? Il-kelma Għid hija passaġġ, għeżież tiegħi. Passaġġ illi għamel il-poplu Lhudi mill-jasar tal-Eġittu għall-ħelsien. Huwa passaġġ illi għamel Sidna Ġesu’ Kristu mill-mewt għall-ħajja pero’ huwa l-passaġġ li anke aħna, flimkien ma’ Ġesu’ — magħqudin miegħu — irridu nagħmlu mill-mewt tad-dnub, mill-mewt tal-egoiżmu, mill-mewt tal-ħażen li hemm fina u madwarna għall-ħajja ġdida li l-Mulej Ġesu’ jrid jagħtina.

Mela meta qed nixtieqlek l-Għid it-tajjeb, jiġifieri qed nawguralek ħajja ġdida. Dan hu li jagħmilna Nsara għeżież tiegħi. Mhux nies devoti ta’ Ġesu’, mhux nies ammiraturi ta’ Ġesu’, mhux nies li nafu lil Ġesu’ u dwar Ġesu’, imma nies illi dħalna fil-mewt ta’ Ġesu’ biex miegħu irxutajna, biex miegħu aħna wkoll ngħixu ħajja ġdida.

Aħna niċċelebraw dan l-Għid fil-Magħmudija tagħna. Tant hu hekk, illi fil-bidu tal-Knisja ħafna mill-Magħmudijiet kienu jsiru jew fl-Għid jew f’Pentekoste, għeżież tiegħi, primarjament fl-Għid, fl-Easter. Għaliex aħna fl-Easter x’nagħmlu? Aħna ninżlu fil-mewt ta’ Ġesu’ biex inqumu mill-ġdid miegħu. Dak li nagħmlu fil-Magħmudija.

Għeżież tiegħi, llum huwa jum tassew ta’ ferħ għax din il-ħajja ġdida ġġibilna l-ferħ fil-ħajja tagħna. Din il-ħajja ġdida turina, li mhux it-tbatija tal-Ġimgħa l-Kbira l-aħħar kelma, mhix it-tama li qegħdin nistennew li qatt m’hi se tiġri, imma li fl-aħħar illum seħħet. Ġesu’ qalilna:

“Jiena ġejt biex nagħtikom il-ħajja, u biex nagħtikom il-ħajja bil-kotra.” (Ġwanni 10:10)

Ġesu’ huwa ġeneruż u abbundanti f’din il-ħajja li jrid jagħtina. Ħadd minnkom, maħbubin tiegħi, m’għandu għax jarrendi lilu nnifsu, iċedi għat-tbatija, għas-sofferenza, għall-qtigħ il-qalb, għall-mumenti iebsa tal-ħajja. Ġesu’, li ħareġ rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub, illum niċċelebraw ir-rebħa tiegħu. Pero’ r-rebħa tagħna fih. U din ir-rebħa, għeżież tiegħi, aħna fejn irridu ngħixuha?

Warajja tistgħu taraw is-sbuħija ta’ belt, warajja aktar ‘l bogħod tistgħu taraw is-sbuħija ta’ baħar, is-sbuħija ta’ pajjiż. Għaliex din il-ħajja ġdida, għeżież tiegħi? Aħna m’aħniex imsejħin biex ngħixuha iżolati, maqtugħin mir-realta’ tad-dinja, maqtugħin mir-realta’ tal-ħajja. Il-Knisja mhix komunita’ maqtugħa mid-dinja. Il-Knisja trid tkun fil-qalba tad-dinja. L-Easter irid iddaħħalna, għeżież tiegħi, fil-qalba tas-soċjeta’. Biex il-ferħ u t-tamiet tas-soċjeta’ jsiru l-ferħ u t-tamiet tagħna.

  • Il-ferħ u t-tamiet tal-miżżewġin iridu jsiru l-ferħ u t-tamiet tal-Knisja.
  • Il-ferħ u t-tamiet tal-morda,
  • il-ferħ u t-tamiet tal-priġunieri,
  • il-ferħ u t-tamiet tar-refuġjati

jridu jsiru l-ferħ u t-tamiet tagħna l-poplu Nisrani. U dan jista’ jkun Għid għal xi wħud minna, jista’ jkun Easter għalina.

Għaliex? Għax jista’ jkun li xi wħud għandna viżjoni ta’ Knisja li hija magħluqa għad-dinja, li hija magħluqa għas-soċjeta’. Għandna bżonn nagħmlu dan il-passaġġ mhux biss mill-mewt għall-ħajja, imma rridu nagħmlu l-Għid tal-Knisja li huwa passaġġ mill-Knisja għad-dinja, għeżież tiegħi, biex inkunu Knisja bi Kristu rxuxtat fil-qalba tad-dinja, għeżież tiegħi. Huwa forsi Għid li fih għandna bżonn noħorġu mill-erbgħa ħitan tal-Knisja, li noħorġu mill-comfort zones tal-kunventi tagħna, li noħorġu mill-comfort zones tal-Komunitajiet Kristjani tagħna. Sabiex tabilhaqq insiru Knisja li qed tirxoxta fid-dinja, Insara li qed nirxuxtaw qalb l-umanita’, għeżież tiegħi. Għax din il-ħajja ġdida mhix biss ħajja li aħna msejħin ghaliha biex ingawdu.

Il-ħajja ġdida x’inhija? Hija l-ħajja tal-imħabba, hija l-ħajja meta aħna mimlija bl-imħabba t’Alla. Aħna rridu nsiru sinjal ta’ ferħ bħalma huma l-qniepen fl-Irxoxt. Il-qanpiena li ddoqq hija sinjal ta’ ferħ f’dan il-mument, imma jien irrid insir din il-qanpiena tas-sejħa ġdida fi ħdan id-dinja u s-soċjeta’

  • Li ġġib l-imħabba kif tahielna Alla,
  • li ġġib l-paċi,
  • li ġġib il-ġustizzja,
  • li ġġib il-verita’ fis-soċjeta’ ta’ madwarna.

Pero’ meta Ġesu’ rxoxta, għeżież tiegħi, aħna nafu li ma ġiex emmnut minn kulħadd, inkluż mill-iktar nies qrib ta’ madwaru. Jekk dan l-Għid Ġesu’ lilek qed ifittxek, anke waqt li inti f’mument meta għandek id-dubji tiegħek, Ġesu’ ħaj mhux ħa jibża’ mid-dubji tiegħek. Ġesu’ rxuxtat se jiġi quddiemek u jgħidlek: “Ejja miss il-pjagi tiegħi, ejja missni, ejja għamel din l-esperjenza,” kif kellu bżonn jagħmel Tumas.

Jekk inti tħossok bħaż-żewġ dixxipli li ngħidulhom t’ Għemmaws illi meta Ġesu’ rxoxta, dawn, flok baqgħu fil-belt ta’ Ġerusalemm ħa jagħmlu l-esperjenza tiegħu rrxuxtat, għax kienu qatgħu qalbhom, għażlu minflok li jimxu ‘l hinn minn Ġerusalemm. Ġesu’ x’għamel meta rxoxta? Mar ifittixhom huwa stess.

Ġesu’ ħaj irxuxtat illum qed ifittex lilek li forsi b’kumbinazzjoni qed issegwi din il-clip. Pero’ m’hu kumbinazzjoni xejn dan. Ġesu’ qed jgħidlek: “Inti prezzjuż għalija. Jiena nħobbok, jiena ħaj. Irrid nagħmlek ħaj, irid noħorġok mill-mewt tiegħek, irid infittxek jien. Jiena stess qed niġri warajk, irrid indaħħlek lura fi ħdan dil-Komunita’, fi ħdan din il-Knisja.”

  • dan Ġesu’ ħaj, għeżież tiegħi, aħna nistgħu niltaqgħu miegħu,
  • dan Ġesu’ ħaj, aħna nistgħu niċċelebrawh,
  • dan Ġesu’ ħaj, nistgħu nagħmlu esperjenza tiegħu fl-Ewkaristija Mqaddsa.

Inħeġġiġkom, maħbubin tiegħi, biex jekk forsi intom ‘l bogħod minn Ġesu’ fl-Ewkaristija, ersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar, ersqu lejn it-Tqarbin. Illum niċċelebraw lil Ġesu’ li huwa ħaj fil-qalb tagħkom. Illum kunu intom sinjal ħaj tal-persuna ta’ Ġesu’. Illum Tibżgħux, magħqudin ma’ Ġesu’, toħorġu mill-qabar tagħkom, toħorġu mill-uġigħ, toħorġu mit-tbatija tagħkom, ħalli flimkien tagħtu tama lid-dinja li l-aħħar kelma hija ta’ Ġesu’ Rxuxtat. F’dan id-dawl nawguralkom ilkoll, maħbubin tiegħi.

L-Għid it-tajjeb! Il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

One thought on “L-Għid il-Kbir – Riflessjoni minn Fr Hayden

  1. Pingback: - TheMummichogBlogDotCom

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s