L-Erbgħa, 10 ta’ April 2019: Riflessjoni dwar Sibt il-Għid. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …
MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN
Il-Paċi magħkom, għeżież tiegħi.
F’Sibt il-Għid Ġesu’ jidher illi donnu spiċċa midfun f’qabar ġdid li kien ġewwa ġnien. Dan il-qabar jilqa’ l-ġisem mejjet ta’ Kristu. Il-ħolqien li jilqa’ lil Ġesu’ mill-ġdid fih ifakkarna fil-ġnien tal-bidu fejn Adam ukoll kien impoġġi ġewwa ġnien flimkien ma’ martu Eva. Kien impoġġi hemmhekk ħaj biex jagħmel dan il-ġnien isbaħ milli Alla tahulu. Il-ġnien għal darb’oħra Ġesu’ jerġa’ jkun fih fil-Ġetsemani kif rajna l-Ħamis li għadda. Dak il-ġnien fl-Ort tal-Ġetsemani mhux qed jara lil Adam sabiħ li qed jagħmel id-dinja isbaħ, pero’ propju qiegħed jilqa’ il-kruha tat-tbatija, il-kruha tad-dnub, is-sofferenza li toħroġ fuq Ġesu’. Il-ġnien li fih Ġesu’ huwa midfun propju jilqa’ dan is-sens meta donnu kollox jispiċċa. Pero’ hekk hi l-verita’: donnu kollox spiċċa?
Dan il-ġnien, għeżież tiegħi, fejn Ġesu’ huwa midfun, kellu jkun ġnien ta’ Rebbiegħa ġdida. Kellu jkun il-ġnien tat-tama. Kieku kelli nagħti isem lill-ġnien fejn Ġesu’ kien midfun, insemmieh “Ġnien it-Tama.”
Il-ġnien jista’ tant jiġi simbolizzat. Jiena u mixi qed nara s-sbuħija ta’ din is-siġra li għandha ftit weraq, kważi xejn weraq, pero’ għandha ftit fjuri li qegħdin jikbru għaliex ir-Rebbiegħa l-ġdida ttina dan is-sens, illi x-Xitwa qed tgħaddi, iż-żminijiet se jitbiddlu, iż-żmien it-tajjeb ġej, għeżież tiegħi. Din is-siġra tfakkarna li f’dan is-Sibt il-Għid. Aħna rridu nkunu nies ta’ tama, nies ta’ Rebbiegħa ġdida, nies ta’ ħolqien ġdid. Ħolqien ġdid, għeżież tiegħi, illi żgur ħa jseħħ u mhux forsi, għax it-tama Nisranija m’hix jekk, m’hix forsi se jiġri xi ħaġa. It-tama Nisranija hija illi żgur se jiġri xi ħaġa. Il-problema tagħna hija illi ma nafux meta. Dik hija t-tama. It-tama Nisranija mhix forsi se jiġri xi ħaġa, imma żgur se jiġri xi ħaġa. Il-meta għadna ma nafux.
Jekk hemm personaġġ li jispirana llum Sibt il-Għid hija l-preżenza tal-Madonna, Marija Omm Ġesu’. Tafu għaliex? Għaliex meta ħa naraw bil-mod il-mod ir-rakkont tal-Qawmien, naraw lin-nisa jmorru ħdejn il-qabar ta’ Ġesu’. Pero’ l-Madonna ma tmurx. Marija omm Ġesu’ ma tmurx. Għaliex? Għax Marija emmnet li Ġesu’ kellu jqum. Ma kellhiex għalfejn tmur tidliklu l-ġisem tiegħu bil-fwejjaħ u bl-affarijiet li kienu jagħmlu fir-Rit Lhudi, għeżież tiegħi, daqs li kieku l-mewt rebħet u spiċċa kollox. Marija mhix preżenti f’dan il-ġnien tat-tama għaliex hija hi stess il-ġnien tat-tama, għeżież tiegħi. Hija hi li ġo fiha qed iġġorr it-tama, forsi l-unika waħda li emmnet b’mod sħiħ li jekk Ġesu’ qal li se jqum mill-mewt, dan kien se jseħħ fil-verita’. Din it-tama Marija tgħixha fis-silenzju. Is-sbuħija ta’ dan il-ġnien huwa s-sbuħija tal-qalb tal-Madonna. Is-sbuħija ta’ dan il-ġnien hija s-sbuħija tal-interjorita’ ta’ Marija, illi filwaqt li l-weraq donnhom m’humiex hemmhekk, is-siġra m’hix ħajja kompletament, pero’ qed iġġorr fiha l-ewwel sinjali ta’ ħajja u ta’ tama ġdida.
Għeżież tiegħi, kemm nixtieq illi lkoll kemm aħna, kieku llum f’Sibt il-Għid niskopru din it-tama ġdida li l-Mulej irid jagħtina.
- Jekk forsi qed tħoss illi kollox spiċċa,
- jekk forsi qed tħoss li m’hemmx tama għal uliedek,
- m’hemmx tama għal żewġek,
- m’hemmx tama għal martek,
- m’hemmx tama għall-familjari tiegħek,
- għax xi ħadd minnhom hu marid,
- għax xi ħadd minnhom qiegħed il-ħabs,
- m’hemmx tama quddiem sitwazzjonijiet iebsa fis-soċjeta’ tagħna,
- quddiem droga,
- quddiem sitwazzjonijiet li huma vizzji,
- quddiem sitwazzjonjiet li huma tat-tbatija.
Jekk tħoss li qtajt nifsek quddiemhom, illum ħares lejn Marija li fis-skiet qed tgħallimna t-tama, li
- żgur il-Mulej se jqum,
- żgur li Ġesu’ se jirxoxta,
- żgur li Alla se jagħmel xi ħaġa ġdida anke jekk ma tafux meta.
Ibqa’ stenna. M’hijiex stennija li ħa teqirdek; hija stennija li ħa tibnik. Hija stennija li bħad-daqq tal-qanpiena ser jfakkrek illi xi ħaġa ġejja. Il-ħin mhux għaddej fil-vojt, imma resqin lejn mument partikulari. Ejja nisktu, biex nisimgħu dan it-tokk li jdaħħalna fit-tama.