Il-Ġimgħa l-Kbira – Riflessjoni minn Fr Hayden

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2019: Riflessjoni dwar il-Ġimgħa l-Kbira. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi,

Il-Ġimgħa l-Kbira, il-mument meta Ġesu’ jgħaddi mill-process tiegħu, jgħaddi mill-mument tal-ġudizzju tiegħu quddiem Pilatu, quddiem dawk kollha li kienu qegħdin jimxu kontrih. Dan hu l-mument meta Ġesu’ jiġi ddikjarat innoċenti. Pilatu diversi drabi jgħid: “Jien lil dan ma nsibx fih ħtija,” pero’ Ġesu’ xorta waħda jiġi kkundannat għall-mewt umanament.

Il-ħarsa tagħna lejn Ġesu’ msallab teħodna, għeżież tiegħi, fuq din ir-realta’ ta’ tant tbatija ta’ nies innoċenti:

  • nies li huma ġġudikati b’mod innoċenti,
  • nies li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta’ żbalji t’oħrajn waqt li huma nies innoċenti,
  • nies li forsi huma kkalunjati,
  • nies li forsi inkitbu dwarhom ittri anonimi,
  • nies li forsi perriċnihom fuq il-midja u fuq il-gazzetti u huma nies innoċenti.

Kemm hu faċli tħammeġ persuna, pero’ kemm hu diffiċli illi tiġbidha lura għall-fama tajba tagħha. Illum, meta nħarsu lejn Ġesu’ msallab ma nistgħux ma niftħux qalbna għat-tbatija ta’ tant nies innoċenti, għeżież tiegħi. Irridu naraw jekk aħniex aħna li qed nikkawżaw tbatija lil min hu innoċenti.

Min-naħa l-oħra, jekk aħna qegħdin ngħaddu minn din is-sofferenza, aħna innoċenti u xorta qegħdin inbatu t-tbatija, forsi nistgħu nagħmlu l-mistoqsijiet:

  • Imma fejn hu Alla?
  • Fejn huwa Ġesu’ f’dawn il-mumenti?

Dan Alla li jista’ kollox fejn hu qiegħed quddiem it-tbatija ta’ tant nies li qegħdin ibatu?

Mistoqsija f’postha, għeżież tiegħi. Forsi dan hu l-vantaġġ u s-sbuħija tagħna l-Insara illi għandna tweġiba għaliha. Fejn hu dan Alla quddiem it-tbatija tal-innoċenti? Ir-risposta nsibuha f’Ġesu’ msallab. Ġesu’ qed ibati ma’ dawn il-persuni innoċenti. Ġesu’ jidħol f’din is-solidarjeta’. Pero’ forsi din ir-risposta tħawwadna u tiskandalizzana, għax forsi fil-moħħ tagħna għandha nistaqsu:

  • Imma, jekk Alla li jista’ kollox, għaliex ma jeqridx il-ħażen?
  • Għaliex ma jwarrabx  ‘il min jagħmel il-ħażen? Għax ma jeqridx il-ħażin?

Imma Ġesu’ jħawwadna u bir-raġun nitħawwdu għax il-loġika tas-Salib mhix il-loġika tiegħi u tiegħek, għeżież tiegħi. Ġesu’ jurina li ma jerbaħx il-ħażen billi jeqred il-ħażen. Ġesu’ jirbaħ il-ħażen billi jsofrih. Din hija t-triq t’Alla, għeżież tiegħi, li huwa jidħol fil-miżerja umana, fis-sofferenza umana u jsofriha huwa l-ewwel wieħed. U Ġesu’ msallab, għeżież tiegħi, anke fil-kliem li huwa jgħid fuq is-Salib jagħtina dawl kif aħna, maqgħudin miegħu, nistgħu ngħixu l-mument ta’ tbatija fil-ħajja tagħna. Waħda mill-kliemiet li Ġesu’ jgħid hija din:

 “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mark 15: 34)

Ċioe’ Ġesu’ jesprimi din ir-realta’ li, għax qed jitgħabba bil-ħażen u bid-dnub, iħoss lil Alla l-Missier donnu ‘l bogħod minnu, bħal meta aħna ngħaddu mill-ħażen u mid-dnub, ngħaddu mis-sofferenza, għax aħna innoċenti u nħossu li l-Mulej donnu telaqna. Ġesu’ ma jibżax jesprimiha dil-verita’, għeżież tiegħi, pero’ mhijiex l-aħħar kelma.

Ġesu’ dil-kelma “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!” jibdilha f’talba oħra li jgħid: “Missier nerħi ruħi f’idejk.” Ċioe’, aħna rridu, ma’ Ġesu’, nafdaw f’idejn Alla quddiem it-tbatija, anke jekk xi drabi nħossu ‘l Alla ‘l bogħod minna. Hija l-fiduċja tagħna totali fih, maħbubin tiegħi. Ġesu’ jafda lill-Missier mhux meta jqum mill-mewt imma meta għadu fuq is-Salib.

Ġesu’ fuq is-Salib, fit-tbatija jurina mod ieħor kif aħna ngħixu dan. Il-fatt li Ġesu’ jitkellem mal-ħalliel it-tajjeb. Ġesu’ jitkellem ma’ kriminal li qiegħed miegħu meta jgħidlu: ”Ftakar fija meta tkun fis-saltna tiegħek.” U Ġesu’ jwiegħedu: “Illum stess tkun il-Ġenna miegħi.” Ċioe’ Ġesu’ qed jurina li t-tbatija ma tagħlqux fih innifsu: minflok, it-tbatija tiftaħ il-qalb tiegħu fi djalogu ma’ min qiegħed ibati l-istess bħalu fuq is-Salib. It-tbatija ma tridx tagħlqilna qalbna, imma trid tiftaħha għal nies oħrajn li forsi qegħdin ibatu magħna.Forsi qegħdin ibatu bħalna, forsi inqas jew iktar minna.

Ġesu’ fuq is-Salib ukoll jurina kif ngħixu s-sofferenza bil-kelma li jgħid:

“Għandi l-għatx!” (Ġwanni 19: 28)

Ġesu’ jurina li s-sofferenza tiegħu ma tagħlqux fih innifsu. M’huwiex l-għatx għall-ħala, mhuwiex l-għatx għal xi mediċina biex ittaffilu t-tbatija tas-Salib. Huwa l-għatx għall-erwieħ, huwa l-għatx għalija, l-għatx għalik, l-għatx għall-imħabba tagħna, għeżież tiegħi. Fit-tbatija aħna rridu nibqgħu miftuħa li nħobbu u li nkunu maħbuba. Dan li jurina Ġesu’. Tħallix it-tbatija fiż-żwieġ tiegħek tagħlqek għall-imħabba, imma ħalliha tiftħek għall-imħabba maqgħuda ma’ Ġesu’.

Ġesu’, għeżież tiegħi, nsibuh ukoll fuq is-Salib idur lejn il-Madonna u jgħidilha:

“Hawn huwa Ibnek.” (Ġwanni 19: 26)

Ċioe’, Ġesu’ fuq is-Salib, għax jaf li aħna qegħdin inbatu, jrid lilna lkoll joffrilna lil ommna Marija. Irid li aħna nkunu bħalu, li jkollna din l-istess Omm tagħna, għeżież tiegħi. Irid li, bħalu, aħna nkunu wlied li fis-sofferenza aħna m’aħniex waħedna, imma Alla jagħtina l-preżenza ta’ Marija sabiex tkun:

  • il-faraġ tagħna,
  • is-saħħa tal-morda,
  • il-kenn tal-midinbin, u
  • l-għajnuna tal-Insara.

B’mod speċjali, fl-aktar mumenti iebsa ta’ persekuzzjoni, ejjew nirrikorru kif jgħallimna Ġesu’ fuq is-Salib lejn Ommna Marija. U l-aħħar mod ukoll li Ġesu’ jurina, għeżież tiegħi, ukoll rabta mall-Madonna meta lilha jgħidilha:

“Hawn hu Ibnek.” (Ġwanni 19: 26)

u lilna jgħidilna:

“Hawn hi ommok.” (Ġwanni 19: 27)

Il-Madonna fuq is-Salib turina li meta hi qed tbati hija stess tinfetaħ għall-missjoni ġdida. Issir Omm il-Knisja, Omm l-Umanita’. Is-sofferenza l-Madonna ma tagħlaqhiex fiha nnfisha, imma ddaħħalha f’missjoni ġdida. Aħna wkoll fit-tbatija ma rridux ningħalqu, imma rridu nsibu missjoni ġdida fil-ħajja tagħna.

U l-aħħar ħaġa li nistgħu nikkontemplaw ma’ Ġesu’ msallab hi meta jdur lejn il-Missier u jgħidlu:

“Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” (Luqa 23: 34)

Ċioe’, Ġesu’ fuq is-Salib jaħfrilna. Ġesu’ ma jaħfrilniex meta t-tbatija tgħaddi, imma jaħfrilna waqt it-tbatija u hawnhekk forsi hija l-sfida għalina llum: li aħna llum imsejħin li naħfru, għeżież tiegħi. Il-maħfra, kif jurina Ġesu’, m’hix il-maħfra tal-emozzjoni, tal-ħass. Ġesu’ jiddeċiedi, jagħżel li jaħfer waqt li għadu fuq is-Salib mhux meta s-Salib jgħaddi. Għeżież tiegħi, ejjew bil-qawwa ta’ Ġesu’ mhux bil-qawwa tagħna, bil-qawwa tiegħu fina, nilqgħu din l-isfida li l-Mulej qed jagħmilna. Li aħna llum naħfru ‘l dawk li weġġgħuna. Mhux għax inħossu li għandna nagħmluha, imma għax nagħżlu li għandna nagħmluha. Mhux bil-qawwa tagħna, imma bil-qawwa ta’ Ġesu’ fina. Ġesu’ jmut jaħfer, għalhekk iċ-ċenturjun jiskanta u jgħid: “Dan l-iben t’Alla.” Għaliex? Għax fit-tbatija la jmut jidgħi u lanqas ma jmur jeħodha kontra min qed joqtlu, għaliex Ġesu’ kellu l-paċi fil-qalb tiegħu.

Jekk rridu l-paċi, għeżież tiegħi, ejjew nintelqu f’idejn Alla fit-tbatija tagħna. Ejjew naħfru ‘l min għamlilna l-ħsara. Jekk nagħmlu dan, il-Mulej jagħtina s-Sliem.

Mur għal Sibt il-Għid

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s