Ir-4 taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 – Dunamis

Il-Ħadd, 27 ta’ Marzu 2022: Ir-Raba’ taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 mmexxija minn Fr Hayden. It-tema hija Dunamis: Il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tan-nisrani. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Nilqagħkom, għeżież tiegħi, għal din ir-raba’ taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan. Din is-sena qegħdin nirriflettu dwar il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna Nisranija. Ejjew qabel ma nidħlu għar-riflessjoni, għall-Katakeżi tagħna llum, għal darb’oħra nitolbu sabiex il-Mulej jogħġbu jimliena bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, ħalli l-Kelma li sejrin nisimgħu verament tinfed il-qalb tagħna, tinfed il-moħħ tagħna, tittrasformana ħalli nsiru persuni dejjem aktar skont il-qalb t’Alla f’ħajjitna. Għalhekk, ejjew nitolbu flimkien.

Missier ħanin infaħħrek u nirringrazzjak minn qalbi għal dawn ħuti kollha li ġbartna flimkien illum, ħalli nkunu nistgħu nisimgħu u naqsmu din il-Kelma bejnietna. Nitolbuk Pa’, f’isem Ġesu’, ibgħat fuqna lkoll il-qawwa tal-Ispirtu tiegħek, nitolbuk Missier ħanin sabiex l-Ispirtu tiegħek verament jiftħilna qalbna beraħ għall-Kelma ta’ Ġesu’: u nitolbuk Spirtu Qaddis t’Alla biex inti twettaq fina dak li l-Kelma ta’ Ġesu’ llum sejra tgħidilna. Induru lejk għażiża Ommna Marija, int li Ġesu’ qalilna hawn hi Ommkom fuq is-Salib. Nitolbuk sabiex tkun magħna, u titlob għalina hekk kif tlabt mal-Appostli fiċ-Ċenaklu biex jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu.

Sliema għalik Marija, bil-grazzja mimlija, il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesu’. Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen.

Fl-ewwel Katakeżi tagħna, għeżież tiegħi, dwar id-Dunamis li tfisser Qawwa bil-Grieg, għeżież tiegħi, rajna kif Ġesu’ wegħedna din il-qawwa tiegħu meta qabel ma tela’ is-sema qalilna: “Intom tirċievu l-qawwa (Dunamis) meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu.” U qed nirriflettu dwar din il-qawwa tal-Ispirtu x’tagħmel fil-ħajja tagħna. Fl-ewwel Katakeżi ħadna anke bħala mudell lil Ommna Marija, għeżież tiegħi, u rajna l-Ispirtu s-Santu x’għamel ġewwa fiha. Rajna kif l-Ispirtu Qaddis fetħilha l-ħajja tagħha għal Ġesu’; kif l-Ispirtu s-Santu għamilha verament bint il-Missier li tafdah anke fuq il-Golgota, fuq il-Kalvarju, u kif Marija, fil-Knisja tifħilna qalbna biex nitolbu għad-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax kif għidna diversi drabi, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu nesperjenzawha meta nitolbu. Il-ħajja tal-Ispirtu u l-ħajja tat-talb imorru flimkien. Jagħmel esperjenza tal-qawwa tal-Ispirtu min jitlob; u min jitlob jiftaħ qalbu għall-esperjenza tal-qawwa tal-Ispirtu Qaddis.

Fit-tieni Katakeżi ħadna bħala personaġġ illi jispirana dwar x’jagħmel l-Ispirtu s-Santu fina, lil San Pietru, għeżież tiegħi. Fit-tielet Katakeżi ħadna lil San Pawl.

Illum sejrin naraw aspett partikolari tal-Ispirtu s-Santu x’jagħmel fil-ħajja tagħna. Dejjem naraw aspetti differenti u biex nidħlu għar-riflessjoni tagħna nixtieq nitlaq mill-Magħmudija. Għaliex?

Għaliex ir-Randan, għeżież tiegħi, huwa tħejjija għall-Misteru tal-Għid: il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesu’. Pero’ aħna l-Għid ma niċċelebrawhx sempliċiment bħala xi ħaġa li ġrat fil-ħajja ta’ Kristu. Il-passaġġ tiegħu mill-mewt għall-ħajja, minn din il-ħajja għal lura għand il-Missier (il-kelma Għid tfisser mogħdija jew passaġġ), meta aħna niċċelebrawh, niċċelebraw xi ħaġa li mhux biss għandha x’taqsam ma’ Ġesu’, imma għandha x’taqsam magħna. Ma’ x’hiex? Mal-Għid tagħna, mal-passaġġ tagħna. X’passaġġ huwa? Il-Magħmudija.

L-Insara tal-bidu, għeżież tiegħi, ħafna drabi kienu jitgħammdu fl-Għid, kif nagħmlu llum il-ġurnata. Fil-Vġili tal-Għid, fil-lejl tal-Għid, ikollna numru ta’ Magħmudijiet. Għaliex?  Il-Magħmudija tagħna xi tfisser? Tfisser li aħna nidħlu jew, aħjar, inħallu lil Ġesu’ jdaħħalna fil-passaġġ li għamel hu. X’iġifieri? Idaħħalna fil-mewt tiegħu u jdaħħalna fil-qawmien tiegħu u fiH aħna nagħmlu passaġġ mill-mewt għall-ħajja. Dan huwa, għeżież tiegħi, l-qofol tal-Magħmudija — passaġġ mill-mewt għall-ħajja.

Ħalli naraw daqsxejn din il-ħajja ġdida, dan il-passaġġ, illi Alla jagħtina permezz tal-Magħmudija, eżattament x’inhi u xi aspetti partikulari minnha. Ċertament mhux se naraw kollox.

L-ewwelnett, nixtieq nitlaq minn dak li San Pawl jgħidilna fl-Ittra tiegħu lir-Rumani. Huwa jikteb hekk lill-Insara li kienu jgħixu f’Ruma:

“Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permez tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.” (Rum 6:4) 

Meta aħna, għeżież tiegħi, nidħlu fil-Magħmudija xi jkun qed jiġri? Nidħlu fil-mewt ta’ Ġesu’. Il-Magħmudija, b’mod sempliċi, huwa li jgħoddsuk fl-ilma. Jiena nħobb ngħidilhom majnata f’Alla, eh! Qatt għoddsuk fl-ilma? Fl-antik l-Insara kienu jitgħammdu billi jgħoddsuhom letteralment fl-ilma li kien simbolu ta’ wiehed mill-effetti li l-ilma jagħmel — li jeqred, eh! Ara, meta jkollna Tsunami, l-ilma jeqred. Issa l-ilma tal-Magħmudija jwassalna fil-mewt ta’ Ġesu’ u din il-mewt ta’ Ġesu’ trid “toqtlinna” d-dnub, il-ħażen li hemm ġewwa fina biex imbagħad, l-istess ilma, li jissimboleġġja anke l-ħajja, jagħti sewwasew il-ħajja. U x’inhi dil-ħajja li l-ilma l-ilma tal-Magħmudija jrid jaghtina?

Isimgħu l-Katekiżmu tal-Knisja x’jgħidilna. Matul dawn il-Katekeżijiet, diversi drabi kkwotajt ftit mill-Katekiżmu tal-Knisja. Huwa appitizer biex forsi nħajjarkom, xi darba, xi wħud minnkom, taqraw il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Hemm żewġ formati tiegħu: wieħed daqsxejn twil u oħxon, imma hemm ieħor il-vera qasir u sempliċi. Importanti li aħna, għeżież tiegħi, bħala Nsara u Nsara Kattoliċi, mhux biss inkunu nafu l-Kelma t’Alla, imma l-Kelma t’Alla kif imfissra lilna mill-Knisja u l-Katekiżmu li jfissrilna l-Kelma t’Alla fis-sempliċita’ u s-sustanza kollha tagħha.

Meta jitkellem fuq din il-ħajja l-ġdida, isimgħu l-Katekiżmu tal-Knisja kif jispjegaha.

“Bil-Passjoni tiegħu Kristu ħelisna mix-xitan u mid-dnub.” (dak li għidna qabel.) “Immerita għalina l-ħajja ġdida fl-Ispirtu s-Santu.” (KKK 1708)

Araw għaliex jidħol l-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi. Il-Ħajja Ġdida li aħna nirċievu permezz tal-Magħmudija hija l-ħajja tal-Ispirtu t’Alla ġewwa fina. Dina, għeżież tiegħi, ma nixba’ qatt nenfasizzaha. Għaliex dan li jagħmilna b’mod partikolari bħala Nsara. Kważi għidtha f’kull Katekeżi f’dan ir-Randan u nibqa’ ngħidha. Li jagħmilna Nsara, mhux li sempliċiment ngħixu ħajja sewwa. Hawn ħafna nies li m’humiex Insara u jgħixu ħajja sewwa. Li jagħmilna Insara huwa li aħna jkollna fina l-Ħajja l-Ġdida. Il-Ħajja t’Alla, il-Ħajja tal-Ispirtu Qaddis. Din hija rigal partikulari, għeżież tiegħi, li Alla jiġi jgħammar fina u jgħix il-Ħajja tiegħu fina.

Ftakru x’għidtilkom: l-isbaħ immaġini għalija tan-Nisrani huwa ta’ mara tqila —  mara li ġġorr ħajja ġdida ġewwa fiha. Jekk inti raġel, ovvjament, aħna ma nistgħux noħorġu pregnant. Immasaqsi mara, forsi martek, li ħarġet pregnant, x’jiġri ġewwa fiha. Kif il-ħajja tagħha tgħixha kważi kważi ghal din it-tarbija li hemm ġewwa fiha. Hi fit-tarbija u t-tarbija fiha jsiru ħaġa waħda: ħajjitha ma tibqax l-istess. Din hi l-esperjenza qawwija li tagħmilna Insara. Hija esperjenza tixbah hafna lil dik tal-intimita’ maghna tat-tarbija fil-ġuf. Isimgħu l-Katekiżmu xi jkompli jgħid dwar din il-Ħajja Ġdida:

Mill-Magħmudija tagħna, l-ewwel Sagrament tal-fidi tiġi l-ħajja, li l-bidu tagħha huwa fil-Missier, tingħata fl-Iben u tiġi mwassla fil-Knisja lil kull wieħed minna, intimament u personalment, mill-Ispirtu s-Santu.” (KKK 683)

Kemm huwa kliem qawwi din l-aħħar frażi li din il-ħajja ġdida tiġi mogħtija lil kull wieħed minna. Mela ma jeżistux Insara tat-tieni klassi u Insara tal-ewwel klassi. Lil kull min hu mgħammed: l-Insara kollha, għeżież tiegħi, ħadd eskluż. ‘Il kull wieħed minna tiġi mgħotija din il-Ħajja Ġdida. Tiġi mogħtija, jgħidilna l-Katekiżmu, intimament: xi ħaġa profondament fil-ħajja tagħna, fil-qalb tagħna, fl-eżistenza tagħna. Din tiġi mogħtija personalment, minkejja li aħna nirċevuha fi ħdan Komunita’. Dan id-don tal-Ħajja l-Ġdida ma jiġix mogħti lilna bħala Komunita’ ġenerali tal-massa. Fil-Komunita’, imma personalment lilek: int, dan id-don t’Alla hu għalik mill-Ispirtu s-Santu.

Għeżież tiegħi, aħna verament qed ngħixu Ħajja Ġdida? Verament aħna Tempji tal-Ispirtu Qaddis? Qegħdin ngħixu ta’ nies li aħna mimlija bl-Ispirtu, kif jgħid it-Testment il-Ġdid, jiġifieri mimlija b’Alla? Waħda mill-affarijiet illi l-Ispirtu t’Alla jagħmel fina (u tinduna li xi ħadd qiegħed jgħix din il-ħajja ġdida) hi għaliex ahna ninbidlu. Araw il-Katekiżmu mill-ġdid x’jgħidilna:

Kif in-nar ibiddel fih kull ma jmiss, hekk l-Ispirtu s-Santu jbiddel f’ħajja t’Alla kull ma jiġi taħt il-qawwa tiegħu.” (KKK 1127)

Kemm hi sabiħa, għeżież tiegħi, dina s-sentenza mill-Katekiżmu. Jiena tant tolqotni. Isimgħuha mill-ġdid:

Kif in-nar ibiddel fih kull ma jmiss, hekk l-Ispirtu s-Santu jbiddel f’ħajja t’Alla kull ma jiġi taħt il-qawwa tiegħu.” (KKK 1127)

Meta, għeżież tiegħi, aħna  verament inħallu l-Ispirtu s-Santu jtina din l-ħajja ġdida, jibdilna. Jibdilna għax jagħtina din il-ħajja t’Alla. Din hija l-forza tal-Kristjaneżmu. Din hija s-sbuħija tal-Kristjaneżmu. Meta aħna niġu Ħadd wara Ħadd il-Knisja u ma ninbidlux, irridu nagħmlu mistoqsija profonda ta’ x’inhu jiġri fil-ħajja tagħna. Għaliex jekk aħna qed immissu mal-Ispirtu t’Alla, l-Ispirtu s-Santu kull ma jmiss jibdlu. Jibdlu!

Innutaw x’jiġri fil-Quddiesa. Meta s-saċerdot jitlob lill-Ispirtu s-Santu jinżel fuq il-ħobż u l-inbid, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu flimkien mal-kelma tas-saċerdot jittrasformaw il-ħobż u inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Pero’, ftit wara, is-saċerdot jerġa’ jitlob ‘l-Ispirtu s-Santu fil-Quddies jinżel fuq il-Komunita’ Kristjana, Nisranija, miġbura tiċċelebra l-Ewkaristija, biex jittrasforma issa, mhux biss ‘il-ħobż u ‘l-inbid, imma jittrasforma ‘l-Komunita’ kollha kemm hi f’Ewkaristija. Il-Komunita’ kollha f’poplu t’Alla, il-Komunita’ kollha fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu, Il-Komunita’ kollha f’Ġesu’. L-Ispirtu s-Santu jiġi jittrasformana lkoll f’Ġesu’, f’qalbu, fis-sentimenti tiegħu, fl-imħabba tiegħu, fil-moħħ tiegħu, fil-kompassjoni tiegħu, fit-tjubija tiegħu, fil-ħniena tiegħu, fil-ġentilezza tiegħu, fil-ħlewwa tiegħu, fil-ġenerożita’ tiegħu. Dan li jagħmilna sbieħ, għeżież tiegħi.

Din hi s-sbuħija tagħna, dan li jagħmilna Insara ma nħallu ‘l ħadd jisirqilna dan it-teżor, għeżież tiegħi, li aħna għandna bħala Insara u nagħtuh lill-oħrajn.

Imma aħna konxji ta’ dan? Aħna qegħdin ngħixu ħajja li hija Ħajja Ġdida? Jew semplicement qed nagħmlu riti reliġjużi, ritwali, devozzjonijiet. Mhux għax dawn huma ħżiena fihom infushom: xejn minn dan. Pero’ jekk dawn m’humiex jiftħuna għall-qalba ta’ kollox, jiġifieri li aħna qed niġu ttrasformati fi Kristu, qed ningħataw din il-Ħajja Ġdida. Jekk le, għandna problema u problema serja, għax qed inżarmaw il-Kristjaneżmu mill-qawwa vera tiegħu.

Aħna niġu l-Knisja, aħna tgħammidna biex ngħixu l- Ħajja Ġdida tal-Ispirtu. Issa, San Pawl, għeżież tiegħi, vers illi aħna rrepetejna diversi drabi fl-Eżerċizzi (Ġħax jien nibqa’ nirrepetti ċerti affarijiet ħalli jidħlu fil-fond ta’ qalbna, u forsi anke niftakruhom.) jgħidilna, isma’,

“L-imħabba t’Alla ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu.” (Rum 5:5)

Mela x’inhi din il- Ħajja Ġdida li jagħtina l-Ispirtu? Hija l-ħajja t’Alla nnifsu. Hija l-ħajja tal-imħabba. Imma mhux tiegħi: l-imħabba t’Alla. Tiftakru, fl-ewwel Katekeżi x’għidilkom, eh? Alla qisu, immaġina Ġesu’, joħroġ qalbu, jpoġġiha f’idu, jiftaħlek qalbek u jpoġġi qalbu fik u jgħidlek :“issa Mur ħobb b’qalbi.” Dik.. Dik hija l- Ħajja Ġdida. Il-Kristu li jgħix fija, inħobb bi mħabbtu, inħares b’għajnejh, nisma’ b’widnejh, inħoss bil-qalb tiegħu, nuri l-ħniena li hija tiegħu u mhux tiegħi, il-ġentilezza li hija tiegħu u mhux tiegħi, il-ħlewwa li hija tiegħu u mhux tiegħi. Kif jgħid San Pawl:

“Mhux jien ngħix imma Kristu huwa dak illi jgħix fija.” (Gal 2:20)

San Ġwann, l-istess, jgħidilna kelma tant qawwija, jgħidilna:

“Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih.” (1 Ġw 4:16)

Meta din il-ħajja t’Alla tidħol fina u nibdew ngħixuha, nħallu ‘l Alla jgħix fina għax Alla huwa mħabba, aħna nsiru mħabba. L-imħabba tiegħu tgħammar fina, aħna ngħammru fiha u tfur minn ġewwa fina għall-oħrajn. Din hi s-sbuħija tal-ħajja Nisranija: mhux x’nagħmlu aħna, imma Alla x’jagħmel fina. Mhux x’nagħmel jien, imma x’nħalli ‘l Ġesu’ jagħmel fija. Mhux x’nagħmel jien, imma x’inħalli l-Qawwa (Dunamis) tal-Ispirtu s-Santu taħdem ġewwa fija.

Issa, għeżież tiegħi, l-Ispirtu s-Santu, meta jiġi jagħtina din il- Ħajja Ġdida, din il-ħajja tal-imħabba, aħna nafu illi l-imħabba aħna msejħin biex nuruha f’żewġ Kmandamenti partikulari. L-ewwel l-imħabba lejn Alla u mbagħad l-imħabba lejn il-proxxmu. Illum propju nixtieq li nirriflettu ftit fuq din l-imħabba lejn Ġesu’, għaliex meta aħna tgħammidna rċevejna l-Ispirtu s-Santu, irċevejna l-Ħajja Ġdida, irċevejna din il-ħajja tal-imħabba, aħna msejħin, għeżież tiegħi, l-Ispirtu t’Alla jiftħilna qalbna biex aħna lil Sidna Ġesu’ Kristu nħobbuh. Forsi l-iktar ħaġa li qed tiftaqar id-dinja minnha hija l-imħabba lejn Ġesu’, lejn Ġesu’. Ħeqq, xi drabi anke fil-Knisja, għeżież tiegħi, iktar nippridkaw l-imħabba lejn xulxin (u ċertament din se narawha f’Katekeżi oħra, għeżież tiegħi), imma fuq l-imħabba lejn Ġesu’, l-imħabba personali lejn Ġesu’ xi drabi aħna fqar, anke fil-predikazzjoni tagħna, anke fil-kelma tagħna, anke fit-tħeġġiġ tagħna dwar dan. Iktar nitkellmu dwar l-imħabba lejn xulxin milli fuq l-imħabba lejn Alla. Waħda mhix kontra l-oħra: jingħaqdu flimkien. Pero’ fuq din, inħoss il-bżonn li għandna nisimgħu aktar, nitħeġġu aktar, ngħassu aktar fuq il-qalb tagħna. Isimgħu San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani, propju fil-bidu tal-ittra, x’jgħidilhom, kif jindirizzahom ir-Rumani:

“Imsejjħin biex tkunu ta’ Ġesu’ Kristu.” (Rum 1:6)

Inti tħares lejk bħala persuna mgħammda hekk? Int imsejjaħ biex tkun ta’ Ġesu’. Din mhix qed jgħidha lill-qassisin, patrijiet u sorijiet, eh, biex nagħmluha ċara. L-imgħammed, int, bid-don tal-Magħmudija, int imsejjaħ li tkun tappartjeni lil Ġesu’ Kristu, moħħok, qalbek, ruħek, ġismek. Jien m’inix tiegħi nnifsi; jien ta’ Kristu. Araw id-differenza bejn min hu mgħammed u bejn min mhuwiex. Bejn min suppost qed jgħix din il-grazzja bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu, mhux bil-qawwa tiegħu, tal-Magħmudija u min m’hux.

Min qed jgħix il-Ħajja Ġdida fl-Ispirtu s-Santu jħares lejh innifsu mhux jien tiegħi nnifsi u nagħmel bija li rrid jien, le. Illum nisimgħuhom dawk l-argumenti, per eżempju: Ġismi tiegħi — nagħmel bih li rrid jien. Għeżież tiegħi, aħna li aċċettajna l-imħabba t’Alla għalina u li għarafna kemm il-Mulej iħobbna u li lqajna l-istedina sabiex nagħtu qalbna kompletament lilu, ħajjitna lilu, ngħixu din il- Ħajja Ġdida, aħna m’aħniex tagħna nfusna. Aħna ta’ Ġesu’: ma nagħmlux bina, b’qalbna, b’moħħna, b’ruħna, b’ġisimna dak li rridu. Aħna nappartjenu lilu, kważi, kważi bħaż-Żwieġ. Meta int tiżżewweġ, int qed tagħti ‘l ġismek ‘l-persuna l’inti tħobb, qed tagħti ‘l qalbek. Ma tistax tgħid: ”jiena miżżewweġ u ngħix qisni għadni Single, ngħix kif irrid!”, le! Jekk inti ngħatajt, ingħatajt. Xi drabi ma togħġobnix l-għotja: inħossuha sikkatura. Meta jiġri hekk, għax tkun qed tonqos l-imħabba, għeżież tiegħi. Għax l-imħabba, billi hija libera, tingħata għal ħaddieħor b’mod ħieles, għeżież tiegħi.

Il-Katekiżmu fuq din l-għotja tagħna għal Ġesu’ jgħidilna hekk:

L-Ispirtu s-Santu jwassal lill-fidili u lill-ministri biex ikollhom relazzjoni ħajja ma’ Kristu nnifsu.” (KKK 1101)

Mela din il- Ħajja Ġdida tal-Ispirtu t’Alla fina twassalna biex aħna jkollna relazzjoni ħajja ma’ Kristu nnifsu. Hija relazzjoni, għeżież tiegħi, jiġifieri tagħna miegħu u tiegħu magħna. U r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesu’ fiha dak kollu li kull relazzjoni oħra jkollha: iġifieri nkellmuh u rridu nisimgħuh ikellimna; irridu nħobbuh u rridu nħalluh iħobbna; irid jaqdina u rridu naqduh. Insiru ħaġa waħda miegħu. Hi relazzjoni ħajja. Għaliex? Hija ħajja, l-ewwel ħaġa, għax Ġesu’ huwa Ħaj. Ġesu’ huwa Ħaj, Ġesu’ qam mill-mewt. Ġesu’ huwa Ħaj, Ġesu’ jeżisti, Ġesu’ huwa Verita’, maħbubin tiegħi.

Aħna l-Insara qegħdin f’relazzjoni ħajja mal-Mulej, mas-Sid tal-ħajja tagħna. Hija ħajja għaliex aħna rċevejna l-Ħajja Ġdida fl-Ispirtu s-Santu. Hija ħajja għaliex il-kuntatt tagħna mal-Mulej huwa ħaj fil-verita’, għeżież tiegħi, ma’ Kristu nnifsu miegħu, miegħu. Inti tħossha, tgħixha din ir-realta’? Tista’ tgħix hekk? Jien għandi relazzjoni ħajja ma’ Kristu nnifsu?

Dan mhux qed ngħidu jien, ta. Dan jgħidu l-Katekiżmu tal-Knisja, għeżież tiegħi. Din m’hix kelma tiegħi: din hija l-kelma tal-Verita’; il-Kelma t’Alla mwassla mill-Knisja. Imsejħin għal din ir-relazzjoni ħajja ma’ Kristu nnifsu. Tant hija qawwija din ir-relazzjoni li għandu jkollna ma’ Ġesu’, li San Pawl ħin minnhom jazzarda jgħid:

“Għalija l-ħajja hi Kristu.” (Fil 1:21)

Jiġifieri, isma’ jien ħajti tant hija assorbita kompletament minn Ġesu’, li Ġesu’  jien sar ħajti, sar ħajti. Xi kultant forsi dan narawh idejali wisq għoljin, jew lingwaġġ illi ma nużawhx, jew diskors li jistona, għaliex xi drabi aħna rridu, għeżież tiegħi, (semmejnieha diġa’ din) lil Ġesu’ biex joqgħod jaqdina fil-problemi tagħna u l-Mulej jagħmilha fl-imħabba tiegħu, ifejjaqna, igħinna, jfarraġna, jikkunslana, jaħfrilna dnubietna, iħenn għalina.

Imma dina m’hijiex l-uniku aspett tal-ħajja Nisranija tagħna. Għidtilkom, fil-bidu tal-Eżerċizzi li hemm bżonn li mmorru deep fil-ħajja Spiritwali tagħna, u d-depth huwa dana: illi mhux dejjem Kristu għall-bżonnijiet tiegħi, imma nagħraf jien min jien bħala Nisrani. Imsejjaħ li nkun ta’ Ġesu’.  Ġesu’ m’huwiex biss f’ħajti, imma Ġesu’ jsir ħajti.

Fil-Knisja għandna vokazzjonijiet differenti. U hemm vokazzjoni partikulari, illi meta nħarsu lejha tfakkarna din il-vokazzjoni, lilna lkoll fil-Knisja, kemm Ġesu’ jrid isir ħajjitna, u kemm il-ħajja ta’ relazzjoni personali ma’ Ġesu’ ssir verament biex ngħidu hekk il-qofol ta’ ħajjitna. Tafu x’vokazzjoni hi din? Tal-eremiti. Isimgħu l-Katekiżmu x’jgħid dwar l-eremiti:

L-eremiti juru lil kulħadd dan l-aspett intimu tal-misteru tal-Knisja li jikkonsisti f’intimita’ personali ma’ Kristu.” (KKK 921)

F’sentenza waħda darbtejn tissemma’ l-kelma intimita’. L-aspett intimu tal-misteru tal-Knisja, intimita’ personali ma’ Kristu. Tgħiduli allura, “mela rrid mmur eremita biex ngħix dan”. Le. L-eremita qiegħed hemmhekk mhux biex jgħixha hu biss din l-intimita’, imma biex ifakkar lill-bqija tal-Knisja, jien l-ewwel wieħed, f’din l-intimita’ tagħna m’Alla. Il-vokazzjonijiet fil-Knisja kollha juru aspett sabiħ dwar Ġesu’, għeżież tiegħi. Per eżempju, l-miżżewġin intom tfakkruna f’din l-imħabba taż-Żwieġ li Kristu għandu lejna. Aħna s-saċerdoti nfakkrukom f’din l-imħabba ta’ Kristu li jaqdina, jservina, billi jagħtina lilu nnifsu fl-Ewkaristija, billi jaħfrilna lilna nnfusna fil-Qrar, billi jagħtina ħajja ġdida fil-Magħmudija, għeżież tiegħi. Aħna r-reliġjużi — l-patrijiet u s-sorijiet — intom tfakkruna f’din l-imħabba t’Alla għalina; aħna nfakkrukom fil-lifestyle ta’ Ġesu’: illi ma kellu xejn tiegħu – il-Faqar; illi kien ifittex ir-rieda tal-Missier – l-Ubbidjenza; u ma kienx miżżewweġ biex qalbu tkun miftuħa għal kulħadd – il-Kastita’. It-tlett wegħdiet li aħna nagħmlu, għeżież tiegħi.

Ara kemm aħna sbieħ meta npoġġu flimkien: saċerdoti, reliġjużi, lajċi. Il-vokazzjonijiet differenti f’daqqa. Ħadd m’hu aħjar minn ieħor.  Flimkien. Illum dan ngħidulu li nimxu flimkien bħala Knisja:  Sinodalita’, mixja waħda, mixja flimkien. Flimkien nirriflettu l-misteru ta’ Ġesu’: flimkien, imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.

Issa ma’ dawn it-tlieta hemm l-aspett tal-eremita. L-eremita l-persuna li ħajtu ddur esklużivament madwar din l-intimita’ ma’ Ġesu’, illi toħroġ fit-talb ta’ tifħir ‘l Alla.  U hemmhekk toħroġ l-imħabba tiegħu lejn Alla u toħroġ fit-talb t’interċessjoni għalina l-bnedmin. L-eremita b’hekk jgħix il-Kmandament tal-imħabba lejn xulxin billi jitlob għad-dinja. Għalkemm donnu maqtugħ mid-dinja, hu magħqud magħha b’mod iktar qawwi permezz tat-talb: għax ħadd ma jista’ jinqata’ mid-dinja. Il-Mulej bgħatna fid-dinja biex inħobbu, għeżież tiegħi. Imma taraw? Għandna vokazzjoni fil-Knisja illi turina din l-intimita’ personali ma’ Kristu.

Kemm nixtieq nħallu l-Ispirtu t’Alla għeżież tiegħi fil-verita’ jnissel fina din l-imħabba lejn Ġesu’. Kemm għandna bżonnha! Kemm għandna bżonnha! Insibu l-qalb tagħna tintela meta aħna ‘l Ġesu’ Kristu nħobbuh f’ħajjitna, meta nilqgħu l-imħabba tiegħu.

L-Ewwel Kmandament illi aħna nsibu fil-Kelma t’Alla fil-fatt huwa dan. Imma dal-Kmandament li nħobbu ‘l Alla, ma nixtiqx illi nħarsu lejh bħala xi ħaġa li aħna għandna nagħmlu, imma bħala xewqa li Kristu għandu. Qatt irrealizzajt li Ġesu’ jixtieq imħabbtek? Fit-Testment il-Ġdid insibu l-akbar Kmandament li Ġesu’ nnifsu jikkwotah fil-Vanġelu ta’ San Mark meta staqsewh liema hu l-akbar Kmandament:

“L-Ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej Alla tagħna, Mulej wieħed hu u int għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.” (Mk 12: 29-30)

Hawnhekk, meta Alla qed jagħti dal-Kmandament lill-bniedem, mhux qed jgħidlu: ”Isma’, int għandek tagħmel hekk, jien irrid imħabbtek, int għandek tħobbni!” Alla mhux qed jimponi fuqna li nħobbuh. Lanqas xejn! Kieku dik m’hix imħabba. Il-Mulej, meta qed jagħtina dan l-Ewwel Kmandament, “ħobb lil Alla b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha”, qed jurina li Hu jixtieq imħabbitna, bħal namrat. Min iħobb, meta jinnamra, jixtieq li l-persuna l-oħra tħobbu. Jekk iġġiegħlha tħobbok bilfors, issir ossessjoni, qalbi, u titkisser dik ir-relazzjoni. Imma, meta inti tħobb persuna, ssir vulnerabbli, issir dgħajjef. Meta inti tħobb persuna, tgħidilha: “Jiena għandi bżonn l-imħabba tiegħek; jiena nixtieq l-imħabba tiegħek.” Tafu li Ġesu’ għandu did-dimensjoni magħna? Jixtieq imħabbitna.

U Ġesu’ din urihielna f’mument partikolari – fuq is-salib. Forsi fil-Ġimgħa l-Kbira nagħmlu tajjeb li nirriflettu ftit fuqha, għax ħafna drabi faċilment nirriflettu fuq id-dmija, il-passjoni, it-tbatija li Ġesu’ għadda minnha; imma ftit nidħlu x’jiġri verament fil-qalb, fil-moħħ, fir-ruħ, fl-ispirtu, fl-interjorita’ ta’ Ġesu’ matul il-passjoni. Fuq is-salib Ġesu’ jgħid f’mument minnhom:

“Għandi l-għatx!” (Ġw 19:28)

Nafuha. Waħda mis-seba’ kelmiet ta’ Ġesu’. Imma l-Kelma “għandi l-għatx” xi tfisser, għeżież tiegħi? Mhux sempliċiment “għandi l-għatx” għall-ilma li f’mument ta’ tbatija hu komprensibbli; imma għandi l-għatx, Ġesu’ bil-għatx għall-imħabba tagħna. Dak hu l-għatx vera ta’ Kristu. Bil-għatx għal imħabbitna.

 Il-Mulej fi żminijietna qajjem waħda mara li lkoll nafuha żgur, illi taha dawl profond li tifhem dan l-għatx ta’ Ġesu’ li hu għandu għalina. U din hija Madre Tereża. Jekk qatt xi darba dħaltu f’xi kappella tas-sorijiet ta’ Madre Tereża, Missjunarji tal-Karita’, taraw li dejjem fil-kappella (tkun sempliċi)  fin-nofs ikun hemm kurċifiss. Hdejn il-kurċifiss ikun hemm il-kliem: “I thirst” (Għandi l-għatx) Għax Madre Tereża, il-Mulej fehmha din il-ħaġa – l-għatx tiegħu li jkun maħbub. Imbagħad hija taqtaghlu dan l-għatx li jkun maħbub fil-foqra. Imma l-qalba hija li taqta’ l-għatx għal Ġesu’ li hu maħbub, li jkun maħbub, li jixtieq imħabbitna. Ħa naqralkom parti minn ittra li Madre Tereża kitbet lejn l-aħħar tal-ħajja tagħha lis-sorijiet. Insew li huma sorijiet għall-mument u ejja npoġġu lilna, qisha qed tiktibha lilna din il-qaddisa ta’ żminijietna. Tikteb hekk:

“Ġesu’ jridni nerġa’ ngħidilkom kemm hi kbira l-imħabba li għandu għal kull wieħed u waħda minnkom. Lil hinn minn dak kollu li tistgħu timmaġinaw. Ninkwieta li xi wħud minnkom għadhom ma ltaqgħux ma’ Ġesu’ one-to-one, int u Ġesu’ biss. Forsi nqattgħu ħin fil-kappella, imma rajt b’għajnejn ruħek, kif ħares lejk b’imħabba? Taf tassew lil Ġesu’ ħaj, mhux mill-kotba, imma billi tkun miegħu f’qalbek? Smajt il-kliem ta’ mħabba li jgħidlek: “Itlob għal din il-grazzja.” Huwa jixxennaq illi jagħtiha. Qatt taqta’ dan il-kuntatt intimu ta’ kuljum ma’ Ġesu’ bħala persuna ħajja, reali, mhux biss idea. Mhux biss iħobbok. Saħansittra hemm aktar minn hekk. Huwa jixxennaq għalik. Huwa jħoss in-nuqqas tiegħek meta ma tersaqx viċin lejh. Huwa għatxan għalik!

Qawwija, għeżież tiegħi. Jimmisjak, qed tgħidilna Madre Tereża. Għatxan għalik. Itlobha dil-grazzja matul dan ir-Randan. Anki fil-misteru tal-Għid li ser niċċelebraw. Itlob lill-Ispirtu s-Santu jtik dan l-għarfien profond: kemm Ġesu’ huwa għatxan għall-imħabba tiegħek.

Xi tfisser li aħna nħobbu lil Ġesu’? Xi tfisser li aħna nħobbu lil Alla, għeżież tiegħi? Xi drabi ssib nies għandhom l-idejat tagħhom x’jiġifieri lil Alla tħobbu. Qabel ma naqsam magħkom il-Kelma t’Alla x’turina kif aħna msejħin li nħobb ‘l Alla, kif ser naqtgħu l-għatx lil Alla, ghall-imħabba li hu jixtieq mingħandna. Kieku kelli nsaqsik issa, weġibha f’qalbek, imbagħad ara x’se ngħid jiena wara. Int, x’jiġifieri għalik personali “tħobb lil Ġesu’”? Ara x’jiġi f’moħħok u f’qalbek… Nixtieq naqsam magħkom seba’ aspetti, seba’ sfumaturi, għeżież tiegħi, ta’ x’jiġifieri aħna nħobbu lil Ġesu’.

1. Att ta’ fidi

L-ewwel ħaġa li hi essenzjali hi li l-imħabba tagħna lejn Kristu hija att ta’ fidi. Isimgħu San Pietru, għeżież tiegħi, x’jikteb fl-Ewwel Ittra tiegħu:

“Lilu (qed jirreferi għal Ġesu’), għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’inthomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu f’ferħ glorjuż li ma jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom li hu s-salvazzjoni ta’ ruħkom.” (1Piet 1:8-9)

Hawnhekk jagħmilha ċara San Pietru: “għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh”. Mela, għeżież tiegħi, aħna biex il-Mulej inħobbuh, m’hemmx għalfejn jidhrilna, m’hemmx għalfejn ikollna xi esperjenza sopranaturali tiegħu, li Kristu jidhrilna kif ġieli għamel lil xi qaddisin, jew f’xi mumenti oħra fl-istorja ‘l xi ħadd. Le, Pietru hawnhekk qed jikteb lill-insara sempliċi u jgħidilhom, “isma’ intom lil Ġesu’ ma rajtuhx, imma tħobbuh.”

Min fejn tiġi din l-imħabba lejn Kristu, li minkejja ma narawhx, aħna konvinti fil-qalb tagħna? Din il-konvinzjoni, din il-persważżjoni (“il-fidi hija persważjoni” kien jgħid San Dun Ġorġ Preca) tal-qalb tagħna li twassalna biex inħobbu ‘l Ġesu’ b’Att ta’ Fidi, minfejn tiġi? San Pawl jagħtina ċ-ċavetta:

“Ħadd ma jista’ jgħid ‘Ġesu’ hu l-Mulej’ jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu.” (1Kor 12:3)

Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħtina din il-konvinzjoni dwar Ġesu’, li nemmnu fih. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jwassalna li ngħidu li Ġesu’ verament huwa ħaj. Ġesu’ huwa verament il-Mulej. Huwa s-Sid tal-ħajja tiegħi. Ġesu’ verament qam mill-mewt, rebaħ il-ħażen tiegħi, rebaħ id-dnub tiegħi, Ġesu’ jħobbni tassew. Huwa l-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi, li jagħtina din il-fidi fi Kristu li jwassalna li nħobbu lil Ġesu’ minkejja li aħna ma rajnihx. Għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh.

Il-Katekiżmu jgħidilna hekk:

“L-għarfien tal-fidi hu possibli biss fl-Ispirtu s-Santu.” (KKK 683)

Il-fidi hija don tal-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi. Ma nistgħux noqgħodu nħossu l-fidi. Il-fidi hija rigal tal-Ispirtu. Itolbuha. Biex inħobbu ‘l Kristu jrid ikollna l-fidi. Spirtu s-Santu, tini l-fidi f’Ġesu’. Itlobhielu minn qalbek. U hemm xi ħaġa, għeżież tiegħi, li semmejniha diversi drabi matul dawn l-eżerċizzi u nibqa’ nsemmiha sal-aħħar — li l-Ispirtu s-Santu jużaha ħafna biex ikabbar il-fidi tagħna fi Kristu. San Pawl għal darb’oħra jgħidilna hekk:

“Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-Kelma ta’ Kristu.” (Rum 10:17)

L-Ispirtu s-Santu li huwa hu li jagħtina d-don tal-fidi, wieħed mill-istrumenti kbar li huwa juża’ hi l-Kelma t’Alla, l-Iskrittura, il-Vanġelu, il-predikazzjoni, għeżież tiegħi. Meta aħna l-fidi tagħna għandha bżonn li tikber, mhux nippruvaw inħossu, imma naqraw il-Kelma, niġu f’kuntatt mal-Kelma t’Alla, mal-Vanġelu. Il-Kelma t’Alla, b’mod speċjali l-Vanġeli, aktar ma naqrawhom, ma nitolbu bihom, jekk hemm bżonn nistudjahom, nidħlu fil-fond tagħhom, anke m’hemmx għalfejn nagħmlu affarijiet ta’ barra minn hawn. Jekk naqraw silta żgħira kuljum, nagħtu aktar attenzjoni ‘l-Kelma meta mmorru l-quddies ta’ kuljum jew tal-Ħadd u nisimgħuha dejjem aktar. Inħallu l-Kelma t’Alla tidħol f’qalbna. Meta aħna nisimgħu l-Kelma, hemmhekk tinżera l-fidi fina u minn hemmhekk tikber l-imħabba, għeżież tiegħi. Mela hija att ta’ fidi l-ewwel ħaġa li aħna nħobbu ‘l Ġesu’.

2. Ngħixu fil-preżenza tiegħu

It-tieni mod kif aħna l-Mulej inħobbuh huwa li ngħixu fil-preżenza tiegħu. Inti meta persuna tħobbha, tkun fil-ħsibijiet tiegħek, tkun fl-awareness tiegħek, tkun fl-attenzjoni tiegħek. Iċ-ċurkett tat-tieġ li jkollok fuqek inti mhux tiegħek, huwa ta’ martek, huwa ta’ żewġek, biex meta martek jew żewġek fiżikament m’humiex miegħek, dak iċ-ċurkett ifakkrek (mhux f’kemm inti tħobbhom — għax iċ-ċurkett huwa tagħhom) f’kemm hu jħobbok / kemm hi tħobbok. “Ħu dan iċ-ċurkett bħala sinjal tal-imħabba u l-fedelta’ tiegħi lejk.” Hekk qallek ir-raġel meta tak iċ-ċurkett. Hekk qaltlek il-mara meta tatek iċ-ċurkett. Meta inti m’intix preżenti, meta martek m’hix preżenti, meta żewġek mhux preżenti, dak iċ-ċurkett ifakkrek.

Min iħobb, anki meta fiżikament mhux preżenti mal-maħbub / mal-maħbuba tiegħu, iġorr il-maħbub / il-maħbuba tiegħu f’moħħu u f’qalbu – jgħix fil-preżenza. X’iġifieri? Jiġifieri isma’ ħa nagħmel għażla, ħa nieħu deċiżjoni, jiġifieri jekk ġietni tentazzjoni ta’ infedelta’, ta’ impurita’ sesswali, jien ngħix dan kollu fil-kuntest, fil-preżenza tal-maħbub / il-maħbuba tiegħi. Issa jekk għax il-mara / għax ir-raġel mhux preżenti fiżikament, jiena nħawwad, dik tgħidilha mħabba? L-imħabba vera toħroġ meta int waħdek fil-ħajja. Inti tħobb lil martek daqskemm tħobbha meta inti waħdek, u mhux qegħda ħdejk. Int tħobb lil żewġek daqs kemm tħobbu meta inti waħdek u mhux qiegħed ħdejk. Dak huwa t-test u tkun taf x’hemm f’qalbek u f’moħħok għall-persuna li inti tħobb, għax min iħobb jgħix fil-preżenza tal-maħbub.

Issa hekk aħna, għeżież tiegħi, b’differenza mill-ħajja miżżewġa li Ġesu’ huwa dejjem preżenti magħna. Qatt m’hemm mument li nistgħu ngħidu aħna hemm xi mument li Kristu mhux preżenti magħna. Imma rridu ngħixu l-ħajja tagħna kontinwament fil-preżenza tiegħu. Kollox, jekk qegħdin ngħumu, jekk qegħdin il-gym, jekk qegħdin l-isports, jekk qegħdin nixtru, jekk qieghed għand il-hairdresser, jekk qiegħed is-supermarket, jekk qed tilgħab il-playstation, jekk qed tiċċettja ma’ xi ħadd, jekk qiegħed fuq Skype, jekk qiegħed fuq Zoom, jekk qed tibgħat messaġġ Whatsup, jekk qed tara Facebook, qiegħed fuq Instagram, qiegħed fuq Snapchat, jekk qed tara t-TikTok, jekk qed tara xi DVD, jekk qiegħed tixxemmex, jekk qiegħed vaganza, jekk mort cruise, jekk qiegħed il-knisja, jekk qiegħed ix-xogħol, jekk qiegħed id-dar, jekk qiegħed tiekol, jekk qiegħed tirrilassa, jekk qiegħed mal-ħbieb. Tgħix ma’ Ġesu’ f’kollox, għax min hu maħbub huwa full-time. Jekk int miżżewweġ, qiegħed full-time, le? M’intix part-time. Nittama ghallinqas! L-imħabba tagħna lejn Ġesu’ hekk – ngħixu fil-preżenza tiegħu.

Darba minnhom, isimgħu Ġesu’ x’qalilna:

“Ibqgħu fija, u jien nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jek ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih dan jagħmel ħafna frott għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.” (Ġw 15: 4-5)

Innutaw kemm-il darba smajna l-kelma “jibqa’ fija u jien fih”, “ibqgħu fija u jien nibqa’ fikom”’. Hija preżenza kontinwa, għeżież tiegħi, imwaħħlin mal-Mulej. Ifisser li nagħmlu l-effort tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li matul il-ġurnata aħna niftakru f’Ġesu’; inkunu konxji fil-preżenza tiegħu. Hekk xi drabi nistgħu anka naqbdu affarijiet materjali tal-ħajja ta’ kuljum u nħalluhom ifakkruna ftit f’Ġesu’.  Affarijiet żgħar ta, per eżempju, fejn naf jien, jekk qiegħed fit-triq, tiftakar li Ġesu’ qalilna: “Jien huwa t-Triq, jien hu l-Verita’, jien hu l-Ħajja.” Jekk qed tgħaddi mill-bieb, Ġesu’ qalilna: “Jien huwa l-bieb.” Jekk qed tiekol il-ħobż, Ġesu’ qalilna: “Jien hu l-ħobż tal-Ħajja.” Jekk mort għand it-tabib Ġesu’ qalilna: “Min hu marid it-tabib għandu bżonnu.” It-tabib jiġi għal min hu marid, Ġesu’ jqabbel lilu innifsu mat-tabib. Nistgħu insibu tant fil-ħajja ta’ kuljum.

Jekk inħarsu lejn il-ħolqien niftakru li dan huwa don t’Alla għalina. Mhux biss il-ħolqien naturali, anke t-tekonoloġija li hija l-ħolqien avvanzat permezz tal-bniedem. Kien Alla li qalilna biex inkomplu nkabbru dan il-ħolqien. Tant affarijiet. Dwar il-persuni l-oħrajn Ġesu’ qalilna: “li tagħmlu mal-oħrajn qed tagħmluh miegħi.”

Aħna mgħaddsin f’Alla, imma xi drabi ma nindunawx. He’s so close and yet sometimes it seems so a far. Ġesu’ huwa tant qrib, imma xi drabi forsi għal wħud minna huwa ħafna ‘l bogħod. Aħna ngħixu fih u hu jgħix fina. Dun Ġorġ Preca bħal qaddisin oħrajn kien iħobb iġib l-eżempju tal-ħuta fl-ilma. Il-ħuta tgħix fl-ilma u l-ilma fil-ħuta.

Din it-tip ta’ preżenza, anke issa, Ġesu’ huwa magħna. Ġesu’ miegħek issa, f’dak li qed tagħmel. Kemm huwa sabiħ illi meta nqumu nippruvaw illi ħsibijietna jmorru fuqu: “Grazzi Mulej ta’ jum ġdid”; qabel ma norqod: “Grazzi ta’ dak li  għaddejt minnu, anke jekk ma nifhmekx; agħtini lejl tajjeb.” Meta l-affarijiet jiġu tajbin: “Grazzi Mulej”; meta l-affarijiet jiġu ħżiena: “Grazzi Mulej, anke jekk ma nifhmekx”. Meta nieklu, t-talba ta’ qabel l-ikel, għandna dil-gratitudni lejn Alla li din hija providenza tiegħu, anke jekk hija frott tal-ħidma tagħna? Għax hu tana l-grazzja li naħdmu, hu tana s-saħħa.

Imma xi drabi, għeżież tiegħi, araw kemm ma ngħixux daqshekk fil-preżenza t’Alla. Qisu għandna l-compartments, eh, dik it-tikka ‘l hemm dik it-tikka’ l hawn, ftit filgħodu u filgħaxija u l-bqija tal-ġurnata qisni ma ngħixx mal-Mulej. Immaġina kieku inti tgħix ir-relazzjoni tiegħek ta’ mħabba miżżewġa bil-kompartimenti: għandek ħames minuti filgħodu u ħames minuti filgħaxija u tgħid illi qegħdin f’relazzjoni. Sfortunatament issib min huwa hekk, imma nafu li dik hija relazzjoni taħt saqaf wieħed daqs li kieku separati. Aħna mal-Mulej intimi miegħu? Nixtiquha din? Qegħdin ngħixuha?

Ma nibżgħux insemmu l-qaddisin, għax aħna msejjħin insiru qaddisin. Ftakru x’għidna fil-bidu lil kull wieħed, personalment u intimament, din il-ħajja ġdida tal-imħabba tal-Ispirtu tiġi mgħotija lilna. Il-qaddisin juruna din l-intimita’ ma’ Ġesu’. Araw San Franġisk, il-fundatur tal-Komunita’ tiegħi bħala Patri Franġiskan Kappuċċin, x’jgħidilna. Meta jirrakkontaw il-ħajja tiegħu, jgħidu hekk dwaru:

“Kien dejjem ma’ Ġesu’: Ġesu’ f’qalbu, Ġesu’ f’fommu, Ġesu’ f’widnejh, Ġesu’ f’għajnejh, Ġesu’ f’idejh. Hu dejjem ġarr lil Ġesu’ f’ġismu… B’imħabba ta’ l-għaġeb hu żamm f’qalbu u ffissa ħarstu fuq Kristu u dan imsallab.” (1 Cel 115)

Kien jgħix maqgħud ma’ Ġesu’. Issa, aħna għandna l-limitazzjonijiet tagħna, għeżież tiegħi, mhux problema. Moħħna jrid ikun fuq il-borma li qed issajjar; moħħok irid ikun fuq l-accounts li trid taħdem; moħħok irid ikun fuq il-kompjuter meta qed tittajpja; moħħok irid ikun fuq vidjo li qed taħdem fuqu; moħħok irid ikun fuq ix-xagħar tan-nies jekk inti hairdresser; moħħok irid ikun fuq il-ballun jekk qed tilgħab il-futbol. Għeżież tiegħi, aħna għandna moħħ wieħed, pero’ kemm hu sabiħ illi aħna nittrenjaw il-qalb u l-moħħ tagħna illi dejjem nafu illi qegħdin nagħmlu x’qegħdin nagħmlu, aħna dejjem qed nagħmluh miegħu u hu fina.

3. Nagħmlu dak li jixtieq Hu

It-tielet ħaġa. Mela, rajna l-ewwel ħaġa: li tħobb lil Ġesu’ huwa att ta’ fidi; it-tieni hija li ngħixu fil-preżenza tiegħu; it-tielet li nħobbu ‘l Kristu jfisser illi nagħmlu dak li jixtieq hu. Kelma oħra li nużaw fil-Kelma t’Alla hija li nobduh. Ubbidjenza li xi drabi hi kelma li tistona, mhux kelma li tant inħobbu nużawha eċċ… imma, li nisimgħu minn dak li hu jixtieq minna. Bħal meta l-ġenitur jgħidlu, “Ibni ismagħni”, ma jkunx qed jimponi fuqu. Meta ommok u missierek jgħidulek hekk. Għax nixtieqlek il-ġid. “Ismagħni..”, u ismagħni mhux, just ismagħni, imma “agħmel li qed ngħidlek, għall-ġid tiegħek stess qed ngħidulek dan.” Din hi t-tip t’ubbidjenza li Ġesu’ jixtieq minna. Jixtieq illi nagħmlu li jgħidilna hu għax li jgħidilna hu huwa għall-ġid tagħna. Alla mhux kontrina u din hi att ta’ mħabba lejh. Mhux jien qed ngħidha: qalhielna hu. Isimgħu x’qalilna:

“Min iżomm il-Kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni.” (Ġw 14: 21)

U bil-maqlub tiswa wkoll. Ġesu’ stess qalilna:

“Min ma jħobbnix, ma jħarisx kliemi.” (Ġw 14: 24)

Darb’oħra qalilna:

“Intom ħbieb tiegħi, jekk tagħmlu dak li jien nikkmandakom.” (Ġw 15: 14)

San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu jgħidilna hekk:

“Għax din hi l-imħabba t’Alla, li nżommu l-Kmandamenti tiegħu u l-Kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġw 5:3)

Għaliex? Għax ngħixuhom bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, mhux bil-qawwa tagħna.

Mela, f’kelma waħda, għeżież tiegħi, aħna msejjħin li t-tweġiba tagħna lejn Kristu ma tkunx li nħobbu lil Alla kif aħna jidhrilna li għandna nħobbuh. Xi kultant niltaqa’ ma’ xi ħadd jgħidli: “U inti taħseb li Alla…” “Qalbi”, ngħidlu “,mhux x’naħseb jiena, il-Mulej wriena lilu nnifsu”. Inti tista’ tgħid: “U inti taħseb li marti u żewġi…” “Le, qalbi, mhux x’taħseb int dwar martek jew żewġek; ħalli lil martek jew żewġek jgħidulek huma x’hemm f’qalbhom”. Tiddeċidix inti, għax meta niddeċiedu, insiru suppervi fuq ħaddieħor. Waqt li l-umli jisma’; is-supperv jiddeċiedi għall-oħrajn. L-umli jisma’ mill-oħrajn u jaqtagħlhom ix-xewqat ta’ qalbhom. Għeżież tiegħi, f’kelma waħda li aħna ngħixu l-għaxar Kmandamenti li għadhom validi. Huma espressjoni ta’ mħabba. M’humiex impożizzjoni fuqna. Meta ngħixu dak kollu li Ġesu’ qalilna fil-Vanġelu, kull kelma li toħroġ minn fomm Kristu aħna ngħixuha out of love. Li jien inħobb lil Ġesu’ jfisser li jiena nixtieq nghid f’qalbi, “Mulej, xi trid minni? Xi trid minni? X’nista’ nagħmel biex inħobbok?” U għalhekk, għal darb’oħra niġi biex nerga’ nghid li sabiex inħobbu ‘l Kristu, għandna bżonn inkunu nafu l-Vanġelu.

San Ġilormu jgħidilna: “Min ma jafx il-Kotba Imqaddsa ma jafx lil Kristu”, għeżież tiegħi, u l-Ispirtu s-Santu jfakkarna f’dak li Ġesu’ jrid minna, f’dak li Ġesu’ qalilna biex inħobbuh. Ġesu’ stess qalilna:

“Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.” (Ġw 14: 26)

L-Ispirtu s-Santu jiġi jfakkarna Ġesu’ xi jrid minna. Dak kollu li Alla jrid minna — li b’mod sempliċi nsibuhom fil-Kmandamenti — huwa espressjoni ta’ mħabba. Li nħobbu lill-Mulej, li nagħmlu dak li Alla jrid minna jfisser “Mulej inħobbok.”

4. Titlef ħajtek għaliH

Ir-raba’ mod kif aħna inħobbu lil Ġesu’ fil-ħajja tagħna hija dak li Ġesu’ stess jgħidilna “titlef ħajtek għalih”. Jiġifieri, tħobb lil Ġesu’ iktar milli tħobb lilek innifsek. Mhux faċli dina, mhux faċli. Ħeqq, Ġesu’ darba qalilna:

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju isalvaha.” (Mk 8: 34-35)

Min jitlef ħajtu, għeżież tiegħi, għall-imħabba tiegħi. X’iġifieri Ġesu’ qed jgħid li “titlef ħajtek”? Bilfors int trid tmut martri? Le, mhux qed jitkellem neċċessarjament fuq din il-ħaġa. Uħud minna jista’ jkollhom din il-grazzja tal-martirju, pero’ hemm ħajja oħra li aħna rridu nitilfu. Tafu x’inhi? Din il-ħajja li aħna ġieli ngħixu minn ġewwa li tinklinana għad-dnub. Tiftakru, meta konna żgħar, kienu jkellmuna fuq is-seba’ rjus tad-dnubiet il-mejta? Ħa tfakkarhomkom dil-lista li kien għamel San Ġwann Kassjanu u Grigorju l-Kbir.

  • Is-suppervja,
  • ix-xeħħa,
  • l-għira,
  • l-għadab,
  • iż-żina,
  • l-ikel u x-xorb żejjed,
  • l-għażż fil-ħwejjeġ t’Alla.

Din hija l-ħajja li aħna għandna fina li trid tmut. Il-ħajja tas-suppervja, biex jiena nħobb lil Kristu, irrid nitlef il-ħajja tas-suppervja. Irrid nitlef il-ħajja tax-xeħħa; il-ħajja tan-nuqqas ta’ ġenerożita’. Irrid nitlef il-ħajja tal-għira; irrid nitlef il-ħajja taż-żina. Għeżież tiegħi, fid-dinja tal-lum, iż-żina, jiġifieri l-pjaċir sesswali bla ebda kontroll mhux fil-kuntest tal-għotja tal-ħajja miżżewġa fiż-Żwieġ, kif jixtieq Alla, hija xi ħaġa galore. Hija tentazzjoni kbira din il-ħajja taż-żina, għeżież tiegħi. Il-ħajja ta’ nuqqas ta’ kontroll fuq l-ikel u x-xorb — u ma dawn nistgħu nżidu affarijiet oħra, għeżież tiegħi. Il-ħajja tal-għażż, li inti tintelaq fl-affarijiet t’Alla. Dawn huma s-sebgħa rjus tad-dnubiet il-mejta ta’ din il-ħajja li qiegħda fina imma li trid tmut sabiex inkunu nistgħu inħobbu lil Ġesu’. Dawn huma s-seba’ rjus tad-dnubiet il-mejta, għax minnhom joħorġu dnubiet oħra. (Pero’ mhux il-mument li nagħtu Katekeżi fuq hekk.) Fil-qosor, irridu mmutu għalina nfusna: biex tħobb ‘il Ġesu’, trid tmut għalik innifsek.

U l-ikbar waħda, li tiġbor kważi kollox fiha, hija li mmutu għas-suppervja tagħna. Is-Suppervja li għandha għeruq differenti, għeżież tiegħi. Is-suppervja li teħodha kontra Alla, is-suppervja li teħodha kontra l-bniedem. Is-suppervja ma tħallikx tħobb, u nħossuha titla’ ġewwa fina, għeżież tiegħi. Irrid immut għalija nnifsi, immut għas-suppervja tiegħi, immut għax-xeħħa tiegħi, immut għall-għira tiegħi, immut għar-rabja u għall-korla tiegħi, immut għaż-żina tiegħi, immut għan-nuqqas ta’ kontroll fuq l-ikel u x-xorb, u mmut għall-għażż.

San Pawl jgħidilna kif għandna mmutu. Fl-Ittra tiegħu lir-Rumani jgħidilna:

“Bil-qawwa tal-Ispirtu mewtu ġewwa fikom…” (Rum 8: 13-14)

Din il-qawwa biex aħna mmutu għalina nnfusna, għal dawn il-ġibdiet lejn il-ħażen, lejn id-dnub ta’ ġewwa fina, hija bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Hija bil-qawwa tal-imħabba t’Alla nnifsu li aħna nistgħu negħlbu, għeżież tiegħi, dawn il-feriti tad-dnub, dan il-mard Spiritwali, din il-ħajja marida li lkoll kemm aħna nġorru ġewwa fina.

Il-Magħmudija taħfer id-dnubiet tagħna, imma dawn il-feriti jibqgħu hemm u dawn il-feriti, il-ħajja tagħna kollha fl-Ispirtu trid tgħinna u trid tfejjaqna minnhom. Allura, għeżież tiegħi, iva rridu mmutu għalina nfusna biex inħobbu lil Ġesu’. M’hix faċli eh, imma bil-qawwa tal-Ispirtu, possibli. Isimgħu lil San Pawl, f’din l-esperjenza tiegħu li jmut għalih innifsu.

“Imma dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Sidi, minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu u nkun ninsab fih… Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxieli nikseb il-qawmien mill-imwiet. M’inix ngħid li jien ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross ‘il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li jien dan diġà’ ilħaqtu, imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ‘l ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ‘l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejjħilna hemm fuq fi Kristu Ġesu.” (Fil 3: 7-14)

Kemm hu sabiħ San Pawl! Din l-imħabba tal-Ispirtu s-Santu f’qalbu għal Ġesu’ kienet taħraq, għeżież tiegħi. Għalih, kien lest li jitlef kollox. Tal-inqas aħna lesti li nitilfu dan il-bniedem il-qadim, dan ‘l Adam, dawn il-feriti tad-dnub, dan il-ħażen li hemm ġewwa fina, biex inħobbu l-Mulej fil-ħajja tagħna, għax hu tant iħobbna. Inħobbuh b’qalbu stess, bil-qawwa tal-Ispirtu. Qatt tinsew dan!

5. Ipoġġu lil Ġesu’ fil-pedament ta’ mħabbitna u tal-familja

Il-ħames mod, għeżież tiegħi, kif Ġesu’ jitlobna sabiex aħna nħobbuh lura huwa dan. Meta huwa qalilna:

“Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jisħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iktar minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi.” (Mt 10: 37)

Ġesu’ qed jimpika mal-imħabba l-iktar għażiża tagħna martek, żewġek, uliedek, ħutek. Le, Alla mhuwiex għajjur u jimpika b’dan il-mod, għeżież tiegħi. X’inhu jgħidilna? Qed jgħidilna: isma’, l-isbaħ mod kif intom tħobbu ‘l-familja tagħkom huwa billi tpoġġu lili fil-pedament ta’ mħabbitkom u tal-familja.

Darba kien hemm raġel illi nħoss li vera fehem dan. Ġie għandi jkellimna, nkwetat fuq il-mara tiegħu. U tafu x’kien l-inkwiet? Qalli: “Il-mara tiegħi qed naraha titlob inqas mis-soltu.” Qatt ma ġie raġel ikellimni fuq hekk. Għidtlu: “Għalfejn qed tinkwieta daqshekk?” Qalli: “Għax jiena naf li meta l-mara tiegħi talbet, hija għaqdet il-familja, ġabitna aktar qrib xulxin, daħlet fil-ħajja tagħna iktar intimita’ m’Alla l-imbierek”. Qalli: “Nibża’ li jekk il-mara tieqaf titlob, aħna ħa tonqos l-Ispiritwalita’ fil-familja taghna”. Ara dar-raġel fehem, fehem li l-bażi taż-Żwieġ u tal-familja tiegħu huwa t-talb, mhux ta’ martu biss, iżda tiegħu wkoll, u fehem ukoll li Kristu jgħaqqad il-familja, mhux jifred il-familja.

Għeżież tiegħi, għandna bżonn li nħobbu lill-Mulej u meta nħobbu lilu fiċ-ċentru verament, billi tmur il-Quddies il-Ħadd m’hu qed iċaħħad xejn lill-familja tiegħek. Jekk il-Quddies, l-Ewkaristija ssarrafha f’qadi fil-familja tiegħek, il-Quddies isir il-bażi tal-imħabba tal-familja tiegħek.

6. Nirgħu l-ħrief u n-ngħaġ tiegħU

Is-sitt mod kif aħna msejħin li nħobbu ‘l Ġesu’. Darba lil Pietru qallu:

“Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?” “Iva, Mulej”, wieġbu Pietru u Ġesu’ qallu: “Irgħa, il-ħrief tiegħi.” (Ġw 21: 15)

Biex aħna nħobbu lil Ġesu’, irridu nirgħu l-ħrief u n-ngħaġ tiegħu. Tgħidli imma jien m’hinix qassis, patri, Papa, Isqof. Ma jimpurtax, imma inti, bħala lajk dixxiplu ta’ Ġesu’ wkoll imsejjaħ biex taqdi, biex inti tirgħa.

Kemm għandna bżonn min jirgħa t-tfal bil-Katekiżmu, iż-żgħażagħ, l-addoloxxenti tagħna, l-għarajjes bi tħejjija għaż-Żwieġ, meta jiżżewġu, meta jiġu biex jgħammdu. Kemm għandna bżonn nieħdu ħsieb lill-foqra! Inkunu rgħajja b’dan il-mod. Mur għand il-kappillan tiegħek, għand l-arċipriet tieghek. Għidlu: “isma’, jien kif nista’ ngħinek taqdi din il-missjoni f’din il-parroċċa?” M’aħniex fil-Knisja biex nirċievu biss: ilkoll imsejħin biex b’xi mod inkunu rgħajja u li nservu fil-Komunita’ tagħna. B’hekk inkunu qed inħobbu lil Ġesu’.

7. Inħobbu lil xulxin

Is-seba’ u l-aħħar mod li nixtieq nippreżentalkom kif inħobbu lill-Mulej, għeżież tiegħi, huwa billi nħobbu lil xulxin. Il-Knisja hija Komunita’ t’aħwa li jinħabbu bejniethom, u aħna nħobbu għaliex Alla jħobbna. Ġesu’ qalilna, ftakru:

“Nagħtikom Kmandament ġdid li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.” (Ġw 13: 34)

Ma qalilniex ħobbu lil xulxin kif tafu, ma qalx ħobbu ‘l xulxin daqskemm tifilħu, ma qalx ħobbu ‘l xulxin daqskemm iħobbukom lura u kif iħobbukom. Le. Daqskemm ħabbejtkom jien. Aħna, għax nesperjenzaw u nemmnu bil-qawwa tal-Ispirtu li Kristu jħobbna, inħobbu lil Ġesu’ lura, kif? Billi nħobbu ‘l proxxmu. Dun Ġorġ kien jgħid: “Jekk trid tibgħat xi ħaġa lil Alla, ibgħathielu mal-proxxmu.”

J’Alla, għeżież tiegħi, f’dawn il-modi aħna nħallu verament din il-Ħajja Ġdida tal-Ispirtu fina, ittina l-qawwa li ngħixu l-ewwel u l-ikbar Kmandament li nħobbu lil Alla. Darb’oħra naraw l-imħabba tagħna anke lejn il-foqra, għeżież tiegħi, bħala ħidma tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fina. Ejjew nitolbu d-don tal-Ispirtu li jinżel fuqna, jagħtina l-qawwa tiegħu, illum b’mod partikulari biex inħobbu lil Ġesu’, kif jgħid San Pawl, b’imħabba li ma tmut qatt. Nitolbu l-Veni Creator.

Ħallieq ta’ kollox, ejja,
o Spirtu, żur lil ruħna:
bil-grazzja tiegħek fawwar
il-qlub maħluqa minnek.

Int Difensur u Faraġ,
id-don ta’ Alla l-Għoli,
għajn ħajja, nar, imħabba,
u qawwa tar-ruħ tagħna.

Int turi l-qawwa t’Alla
bis-seba’ doni tiegħek:
int mill-Missier imwiegħed
biex tagħti l-kliem lil fommna.

Mexxina fid-dawl tiegħek,
bi mħabbtek imla qalbna,
bil-qawwa tiegħek wettaq
il-ġisem dgħajjef tagħna.

Biegħed minn fostna l-għadu,
fis-sliem għal dejjem żommna;
jekk int quddiemna timxi,
neħilsu minn kull deni.

Kun fina, w bid-don tiegħek
nagħrfu l-Missier u l-Iben
u nemmnu b’fidi sħiħa
li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

Mur għall-5 Taħdita

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s