Nitwieldu mis-skiet u għas-skiet. (It-Tieni Parti)

It-Tnejn, 31 ta’ Jannar 2022: Riflessjoni dwar is-skiet fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. It-Tieni Parti. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

Għall-Ewwel Parti mur hawn: L-Ewwel Parti.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom, għeżież tiegħi. Minn qalbi nixtieq nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-mument ta’ riflessjoni flimkien fejn inħallu l-qlub tagħna jitkellmu flimkien. Tafu għaliex jien dejjem inħobb insemmi l-qalb? Għaliex Alla jkellem lil qalb tagħna, ta. Alla ma jindirizzax il-moħħ tagħna. Aħna rridu nisimgħu lill-Mulej ikellimna f’qalbna, biex minn qalbna l-Kelma tiegħu toħroġ fuq fommna u biex minn fommna tmur f’qalb ħaddieħor. Alla jkellem dejjem ‘l-qalb tal-bniedem u nittama li f’dawn il-ftit mumenti li jkolli magħkom. verament inħallu ‘l-qlub tagħna jiltaqgħu u jitkellmu flimkien. Permezz ta’ dan, niskopru l-vuċi t’Alla fil-ħajja tagħna.

Nixtieq insellem bil-qalb lil dawk kollha li jsegwuna mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, dawk l’intom morda, intom l-anzjani li tħossukom waħedkom, żgħażagħ li qegħdin fil-mixja tagħkom. Nixtieq insellem bil-qalb lil dawk li jinsabu barra minn Malta, pero’ bil-mezzi differenti tkunu dejjem issegwuna. Nixtieq insellem anke wkoll lil dawk li forsi m’intomx daqshekk tal-Knisja, imma li dan il-programm b’xi mod insegwuh; dawn it-taħdidiet b’xi mod naf li jkunu qegħdin imissu l-qalb tagħkom u ssegwu u napprezza ħafna l-feedback tagħkom għaliex lili personalment tagħmluli ħafna kuraġġ ukoll meta nkun naf li l-Mulej bl-Ispirtu tiegħu xi jkun qed jagħmel, anke permezz ta’ dawn il-ftit affarijiet li aħna naqsmu bejnietna, għax il-qawwa tal-Kelma hija tremenda, eh! Bil-Kelma Alla jfejjaq, bil-Kelma Alla joħloq, bil-Kelma Alla jġedded, bil-Kelma Alla jagħti lilu nnifsu. Dawn huma mumenti fejn m’humiex ta’ dal-Father li qed jitkellem, imma mumenti t’Alla.

Illum nixtieq inkompli fejn ħallejt l-aħħar darba. L-aħħar darba, għal min forsi ma semax ir-riflessjoni li kellna (u jekk ma smajthiex, inħeġġek biex tmur tismagħha) kienet fuq is-skiet, il-bżonn tas-skiet. Semmejt r-raġunijiet differenti għaliex għandna bżonn is-skiet fil-ħajja tagħna, fuq livell uman bħala bnedmin. Rajna li xi drabi qed nispiċċaw illum nixtru s-skiet, tant għandna bżonn dan is-skiet f’ħajjitna. Erġgħu isimgħuha għax nixtieq li verament tidħol fil-qalb tagħna din il-Kelma. (L-Ewwel Parti issibuha hawn: https://l-ewkaristijaus-sacerdozju.home.blog/2022/03/25/kemm-ghandi-bzonn-immur-ximkien-fis-skiet-l-ewwel-parti/)  

Illum nixtieq nieħdu l-istess tema tas-skiet f’ħajjitna, pero’ nixtieq inħares lejha ftit anke mil-lenti tal-mixja Spiritwali tagħna tal-fidi. Ċertament, dak kollu li għidt l-aħħar darba, għeżież tiegħi, hemm għadu; mhux biss fid-dimensjoni umana, imma wkoll fid-dimensjoni spiritwali tieghu. Għaliex l-uman u l-ispiritwal fil-fidi tagħna Kristjana ma nistgħux nifirduh. Billi Alla sar bniedem , m’hemm xejn, għeżież tiegħi, li jmiss mal-uman li qatt jista’ jkun kontra Alla. L-ewwel ħaġa, għax Alla ħalaqna u meta Alla, fl-umilta’ kbira tiegħu, sar wieħed minna fil-persuna ta’ Ġesu’ Kristu, dak kollu li huwa uman qaddsu, u allura dawn ma nistgħu qatt nifirduhom. Nifirduhom xi drabi aħna, biex forsi nitkellmu, niftehmu, nesprimu lilna nfusna, nifhmu l-affarijiet xi ftit aħjar: pero’ r-realta’ hi wisq iktar profonda mill-lingwaġġ u mid-diskors li aħna nużaw.

Il-mixja tagħna ta’ fidi tesprimi lilha nnfisha anke f’relazzjoni m’Alla. Għax il-fidi x’inhija? Hi relazzjoni ħajja ma’ Ġesu’ Kristu. Hi relazzjoni li tiġi minnu u mhux minna, eh. Aħna nwieġbu għaliha għax kollox huwa don, kollox huwa grazzja u ma nieħdu xejn for granted. Għalhekk ma niġġudikaw lil ħadd, għax kollox huwa don u kollox huwa grazzja, għeżież tiegħi. Meta tkun għadek m’intix f’dik il-grazzja mbagħad tidħol fiha, tirrealizza kemm hija grazzja. Meta ma tkunx temmen f’Alla u mbagħad b’xi mod tirċievi d-don tal-Fidi u tilqgħu u taċċettah, allura tirrealizza kemm verament li temmen hija grazzja u tgħid: “imma kif kont qabel, u kif jien issa”? U mhux kulħadd se jifhmuk; imma ma jimpurtax li mhux dejjem jifhmuna. Aħna dejjem nifhmu ‘l ħaddieħor fil-ħajja tagħna? Ma nagħmluhiex bi kbira mela, meta ħaddieħor ma jifhimx lilna, għeżież tiegħi.

F’din ir-relazzjoni tagħna m’Alla, nirrealizzaw li s-skiet għandu valur, ambjent u dimensjoni li hija importanti ħafna. Għaliex? Ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej ħafna drabi tibda f’ambjent ta’ skiet. Issa, l-ambjent ta’ skiet mhux neċċessarjament l-ambjent ta’ silenzju: tmur tingħalaq ġo xi monasteru, tmur x’imkien magħluq waħdek. Le! Alla, ħafna drabi, meta jidħol fil-ħajja tagħna, jidħol fl-istorbju li hemm f’ħajjitna u jsikket, eh! Isikket l-istorbju. Tiftakru mumenti meta Ġesu’, per eżempju kien mal-appostli waqt maltempata? X’ghamel? Isikket il-maltempata. Il-Vanġelu b’mod speċjali ta’ San Mark jgħidilna minn maltempata kbira, waqgħet kalma kbira mega bil-Grieg, eh! Minn maltempata, minn storbju kbir għal kalma totali. Ħafna drabi Alla jidħol fl-istorbju li aħna ngħixu, u dak l-istorbju jikkalmah. U propju hemmhekk huwa l-bidu tas-skiet fir-relazzjoni tagħna m’Alla.

Alla jiġi jsibna fl-istorbju. Iva, għeżież tiegħi, għaliex Alla ma jsibniex fejn jixtieqna, imma fejn inkunu. Fhimtuha dina? Ġesu’ ma jiġix ifittxek fejn jixtieqek. Jekk ifittixni fejn jixtieqni, naħseb qatt m’hu se jsibni. Imma jekk ifittixni fejn jien, ħa jsibni.  Ġesu’ hekk jimxi magħna. Għalhekk sar bniedem. Ma marx ifittixna fis-sema, għax ma kienx se jsibna, imma ġie jfittxna fuq l-art fejn aħna. U Ġesu’ narawh jippassiġġa fejn il-baħar, għax l-appostli hemm kienu jistadu, jieqaf ħdejn il-bir għax is-Samaritana hemmhekk kienet tkun, ħeqq, jieqaf fit-tempju għaliex in-nies hemm imorru jisimgħu, jieqaf quddiem il-mejda tat-taxxi, għax hemm hekk xi ħadd qed jaħdem u n-nies qed imorru jħallsu t-taxxi. Ġesu’ jgħaddi mit-toroq storbjużi tal-ħajja tagħna biex mill-istorbju jittrasformahom f’silenzju biex hemmhekk jurina lilu nnifsu b’mod iktar ġdid u b’mod iktar qawwi. Pero’ l-ewwel ħaġa hija din: Alla jidħol fl-istorbju biex mill-istorbju jagħmel is-skiet, u allura ma nibżgħux, anke jekk hemm ħafna storbju fil-ħajja tagħna.

Issa dan l-istorbju mhux bilfors l-istorbju ta’ madwarna. Ċertament jista’ jkun il-ġenn li aħna ngħixu fih. Jiġifieri, qalbi, jekk inti mara tad-dar u tgħix fil-ġenn u fl-istorbju, għadek qed trabbi per eżempju, eh, u jista’ jkun missier tad-dar għax illum hekk għandu jkun: il-mara u r-raġel irabbu flimkien. Jiena naf irġiel li baqgħu d-dar irabbu u l-mara marret taħdem, jiġifieri jekk inti qed tgħix fil-ġenn tad-dar, fl-istorbju, dak huwa storbju ta’ mħabba, fl-aħħar mill-aħħar, tat-trobbija. Taħsibx li dak huwa storbju li se jbiegħedek minn Alla.

 Pero’, jista’ jkollna storbju ieħor illi forsi mhux daqshekk sabiħ. Mhux storbju ta’ mħabba, fejn naf jien, l-istorbju tal-mibgħeda ta’ ġewwa fina, l-istorbju tal-għira, l-istorbju ta’ meta aħna nidħlu f’xi klikka li ma tantx hi tajba, l-istorbju meta nidħlu f’konfoffa ta’ reati kriminali, l-istorbju ta’ meta rrid ngħatti l-iżbalji li għamilt jien u allura noħloq ħafna storbju biex l-iżball li għamilt jien ma ninqbadx fih, noħloq ħafna paniku, ħafna gideb, ħafna shows u mitt elf ħaġ’oħra.

Kemm għandna bżonn, għeżież tiegħi, li nirrealizzaw li f’dan l-istorbju, il-Mulej jidħol fih ħa jiġi jikkalmah, ħalli jurina lilu nnifsu. Mela ma nibżgħux jekk hemm l-istorbju f’ħajjitna. Mhux dejjem forsi kapaċi nikkalmawh aħna dan l-istorbju, pero’ nafu lil dak li jista’ jikkalmah, huwa Ġesu’. Allura li nitolbok li tagħmel huwa dan: li titlob lil Ġesu’ minn qalbek, għidlu: “Ġesu’ idħol fl-istorbju tiegħi, idħol fil-chaos tiegħi, idħol fit-taħwid tiegħi, idħol f’dan l-istorbju li jiena ħlaqt biex naħrab minn kollox, għax ma rridx naffronta l-verita’ u r-realta’, u ejja ttrasformah inti f’kalma u f’paċi u serenita’. Ejja Ġesu’!” Itlobiehlu għax il-Mulej ħa ssibu hemmhekk diġa’, għaliex hekk irid jidħol fil-ħajja tagħna.

Imbagħad dan l-istorbju li jsir skiet, fil-mixja tagħna, fir-relazzjoni tagħna m’Alla, dan it-tip ta’ skiet għandna bżonnu biex inkunu konxji aktar tal-preżenza tiegħu. Meta aħna nitgħallmu bil-mod il-mod, anke meta mmorru nitolbu, l-ewwel ħaġa ma tkunx li naqbdu, fejn naf jien, inkantaw. Naqbdu naqraw il-Bibbja, naqbdu l-kuruna tar-Rużarju, naqbdu nfaħħru lil Alla, naqbdu ngħidu talba. Kemm hu sabiħ li l-ewwel ħaġa meta nitolbu nisktu u nkunu konxji tal-preżenza t’Alla. Inkunu konxji meta jiena niskot u nkun konxju tal-preżenza ta’ Ġesu’ fil-ħajja tiegħi. Allura ma nibqax aktar jien fiċ-ċentru, anke fit-talb, imma jsir Alla li huwa fiċ-ċentru.

Propjament it-talb l-iktar profond huwa meta jiena ninsa lili nnifsi fir-relazzjoni tiegħi m’Alla u nkun konxju ta’ Alla iktar milli jiena konxju tiegħi nnifsi. Nerġgħu ngħiduha din? Illi jiena nsir konxju t’Alla, iktar milli jiena konxju tiegħi nnifsi. Huwa dan it-tip, għeżież tiegħi, ta’ skiet li għandna bżonn, li jgħinna, biex nitolbu. It-talb huwa relazzjoni ma’ persuna oħra. M’aħniex nitkellmu mal-ħajbu, m’aħniex nitkellmu mal-ħajt, m’aħniex nitkellmu ma’ xi nvenzjoni, m’aħniex nitkellmu ma’ xi ħadd illi ħlomna u vvintajna aħna: imma qed niltaqgħu ma’ Persuna u allura għandna bżonn is-skiet biex niġu konxji ta’ dik il-Persuna.

Fit-talb, għeżież tiegħi, għandna bżonn ukoll il-mumenti tas-skiet f’din ir-relazzjoni tagħna m’Alla sabiex aħna nisimgħu l-Mulej x’qed jgħidilna. Għaliex Ġesu’ huwa ħaj, għaliex Ġesu’ jitkellem, għaliex Ġesu’ jikkomunika magħna. Eqq, issa jekk forsi inti m’għamiltx din l-esperjenza ta’ Ġesu’ ħaj u forsi din m’intix konvint minnha jew din ma temminhiex, mhux ħa nċanfrek, ta. Mhux ħa ngħidlek problema tiegħek, jew affari tiegħek, jew għamel li trid. Le. Ngħidlek xtieqha, ngħidlek fittixha, ngħidlek itlobha bi grazzja, ngħidlek ikkunsidraha, eh, ngħidlek ara x’verita’ hemm f’dan li qed ngħid. Għaliex il-verita’ hija waħda: ma tistax tkun waħda kontra l-oħra. Ġesu’ jew jitkellem jew le, jew huwa ħaj jew m’huwiex, jew jeżisti jew ma jeżistix. U, jekk jeżisti huwa ħaj, qam mill-mewt u jikkomunika magħna; pero’ għandna bżonn ta’ ċertu skiet, għeżież tiegħi. Għandna bżonn ċertu skiet, biex anke dak li Alla jkun qed ipoġġi f’qalbna, fil-ħsibijiet u x-xewqat tagħna, għax  Alla jkellimna fil-profond tal-qalb tagħna. Għandna bżonn is-silenzju biex xi drabi nkunu nistgħu ngħarblu bejn il-ħsibijiet u x-xewqat tiegħna u l-ħsibijiet u x-xewqat tal-Ispirtu. Dak li ġej minni, dak li ġej mill-Mulej u forsi xi drabi anke dak li ġej mix-xitan li jipprova jidħol fin-nofs biex iħawwad u jfixkel, għeżież tiegħi. Pero’ , għandna bżonn is-silenzju biex nisimgħu profondament il-Kelma, mhux biss fil-ħajja tat-talb biex ngħid hekk personali tagħna, eh. Din għandna bżonnha xi drabi anke fil-Liturġija, fil-Quddiesa.

Kemm tkun sabiħa li xi drabi wara l-omelija jew wara l-Vanġelu nisktu, skiet perfett, la mużika, xejn. Kulħadd bilqiegħda bil-qassis b’kollox u noqgħodu fis-skiet quddiem Alla, mqar dik il-minuta, u hemmhekk inħallu dik il-Kelma tinżel fil-fond tal-qalb tagħna. Il-Kelma t’Alla għandha tkun bħal sandwich. Bejn is-sandwich ikollok biċtejn ħobż, u dak li se tiekol ikun fin-nofs. Il-Kelma hija l-ikla: qabel u wara għandu jkun hemm is-silenzju, għandu jkun hemm is-skiet, għeżież tiegħi. Iktar mal-Kelma tkun frott is-skiet u nilqgħuha fis-skiet, iktar ikollna ikla tajba x’nieklu, mbagħad.

Għandna bżonn nikbru f’din ir-realta’; għandna ma nibżgħux li anke fit-talb tagħna jkollna elementi ta’ skiet. Xi drabi, meta s-skiet jonqos, anke fil-Quddiesa, meta l-Quddiesa l-mument ta’ talb fil-Knisja mill-bidu sal-aħħar ikun kollu kemm hu mimli b’xi ħaġa, xi drabi għeżież tiegħi, xi drabi faċilment ikun hemm l-ispirtu tad-dinja. Id-dinja l-ħin kollu trid timla l-vojt; is-skiet trid timlieh bl-istorbju, irridu nimlew b’xi ħaġa. Iżda, daqskemm kapaċi fil-Knisja anke noqgħodu siekta, daqshekk kapaċi nkunu ma’ Alla, għeżież tiegħi. Allura għandna bżonn anke ta’ dan is-skiet biex nisimgħu u biex nilqgħu l-Kelma t’Alla fis-silenzju.

Għandna bżonn anke tas-skiet biex nesprimu s-sinjal tagħna li aħna nafdaw ‘l Alla. Ma nafx jekk qattx irrealizzajtu l-mod qawwi kif jiena lill-Mulej ngħidlu, “Nafda fik”, kif jiena lill-Mulej ngħidlu, “Nafdak”. Huwa billi niskot. Issa jiena nista’ niskot quddiem Alla b’suppervja; anzi mhux ngħidlu, “Nafdak”, ngħidlu, “Irrabjat miegħek”, qattajna l-karti, ma nitkellmux.  Pero’ nista’ mmur quddiem Alla u niskot, u fis-skiet ikun l-aqwa talba ta’ fiduċja. M’hemm xejn ħażin li ngorr fit-talb, ta. Huwa parti mit-talb tal-Bibbja wkoll ngħidlu t-talb ta’ Lamentazzjoni. Pero’ kull garr li jista’ jkolli m’Alla, kull karba li jista’ jkolli, kull weġgħa, kull tbatija, kull xewqa ta’ fejqan quddiem il-Mulej,  nispiċċaha fis-silenzju. Hemm, fis-silenzju, fejn ix-xewqa tiegħi, it-talba tiegħi jiskot u nieqaf jien u Ġesu’ fis-skiet. Hemmhekk qed nagħmel att kbir ta’ fiduċja, att kbir t’abbandun, att kbir ta’ telqa. Dan huwa bħal żewġ namrati, żewġ maħbubin li jistgħu jgħidu ħafna affarijiet lil xulxin, imma l-iktar mumenti intimu jkun meta siktu u ntelqu f’xulxin, għeżież tiegħi. Aħna għandu jkollna din it-tip ta’ relazzjoni t’intimita’ m’Alla tagħna, li anke quddiem it-tbatija tagħna, kif qal Ġesu’ fuq is-Salib:”Missier nerħi ruħi f’idejk.”  U jidħol fis-skiet tal-eternita’.

Kemm għandna bżonn illi aħna mhux kontinwament ngħidu ‘l Alla x’għandu jagħmel f’ħajjitna, mhux nidgħu, mhux nirrabjaw m’Alla: imma nisktu. Darba minnhom fil-Ktieb tal-Profeta Iżaija nsibu dan il-vers meta jgħid hekk: “Fis-skiet u l-fiduċja hija l-qawwa tagħhom.” Fis-skiet u l-fiduċja, għaliex is-skiet u l-fiduċja huma twins fil-Bibbja. Il-bniedem li jafda ‘l Alla kapaċi jiskot, kapaċi jżomm is-silenzju. Eżempju kbir ta’ dan, għeżież tiegħi, hija Ommna Marija. Fil-Vanġelu naraw li anke San Ġużepp stess ma setax jifhem il-pjan t’Alla għaliha. U Marija kif twieġeb quddiem Ġużeppi? Skiet, silenzju. Huwa Alla li jikkonvinċi lil Ġużeppi, mhux Marija li tikkonvinċih. Imma s-skiet ta’ Marija m’huwiex qtigħ ta’ qalb minn Ġużeppi. Marija mhux ma titkellimx ma’ San Ġużepp għax ma tafdahx, għax rasu iebsa, imma għaliex taf li l-iktar persuna li jista’ jikkonvinċih huwa Alla l-imbierek innifsu. Għax kien Alla li wrieha dal-Misteru kbir li kellha toħroġ tqila bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Liema raġel seta’ jagħmilha din il-ħaġa? Allura tħalli f’idejn Alla biex jikkonvinċi lil Ġużeppi huwa.

Kemm hu sabiħ dan is-skiet ta’ Marija. La nsibuha teħodha kontra Alla u lanqas teħodha kontra l-bniedem. Fhimtuh dan? Il-bniedem t’Alla li kapaċi Jiskot, la jeħodha kontra Alla u lanqas jeħodha kontra l-bniedem. Min kapaċi jgħix is-silenzju fil-ħajja spiritwali tiegħu, jafda lil Alla biċ-ċirkustanzi u bil-bnedmin u jafda lill-bnedmin f’idejn Alla u jħalli lil Alla jmexxi l-moħħ, il-qalb, tagħhom, huwa. Għax xi drabi aħna wisq ħfief li rridu nagħmlu aħna l-affarjiet fl-oħrajn. Wisq ħfief li aħna rridu nikkonvinċu lil ħaddieħor, wisq ħfief li rridu nuru l-ġudizzju tagħna fuq ħaddieħor, wisq ħfief li rridu nuru li aħna nafu, wisq ħfief li rridu anke lil ħaddieħor jikkonverti. Iva, anke jikkonverti. Ma nafux nistennew iż-żmien t’Alla fil-ħajja tan-nies. Mentri s-silenzju, jdaħħalna f’dan kollu. Mulej aħdem int.

M’huwiex ħarba mir-responsabbilta’ tagħna. Is-skiet tagħna huwa attivita’ kbira għaliex trid tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek biex ma titkellimx. Trid titlaq mis-sens li trid tikkontrolla ċ-ċirkustanzi inti u terħihom f’idejn Alla. Kemm trid taħdem biex tkun sieket. Taħsibx li tkun sieket huwa laissez faire, ta: ħalli lil kulħadd jagħmel li jrid, ma jinteressanix. Le… Das-skiet li qed nitkellem minnu jien ta’ fiduċja kbira f’Alla trid taħdem ħafna fuqek innifsek għalih. Li ma tikkontrollax iktar int, li ma timmanipulax, li ma ġġibx l-affarijiet kif jogħġbok, li ma tgħawwiġx l-affarijiet, li mhux kapaċi tagħmel fast forward tal-affarijiet, imma tistenna kollox fil-ħin propizju u opportun. Dan it-tip ta’ skiet, għeżież tiegħi, li qed nitkellem minnu, huwa din id-dinamika , interjuri u spiritwali, li hija ħafna mportanti għall-ħajja tagħna. Alla jsikkitna, fis-skiet Alla jurina min Hu, jurina lilu nnifsu, niltaqgħu miegħu, nisimgħu l-Kelma tiegħu.

Fis-skiet aħna nafdawh biċ-ċirkustanzi tagħna. Fis-skiet aħna nafdaw in-nies verament f’idejn Alla. Fis-skiet, għeżież tiegħi, aħna kapaċi bil-mod il-mod nilmħu ‘l Alla jaħdem. Qatt irrealizzajtu li l-ikbar affarijiet li l-Mulej għamel, għamilhom fis-silenzju? Alla, meta ħalaq, ħadd ma rah. Alla, meta qajjem lil Kristu mill-mewt, meta Kristu qam mill-mewt, għeżież tiegħi, qam fi skiet totali. L-ikbar ġrajja li qatt seħħet fl-istorja tad-dinja huwa l-qawmien ta’ Ġesu’ Kristu mill-mewt. Dak huwa ċ-ċentru tal-istorja tal-umanita’, sew għal min jemmen u sew għal min ma jemminx. Ġħax il-verita’ hija waħda u l-iktar ħaġa kbira li Alla Trinita’ għamel hi li l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, l-Għid, iseħħ f’silenzju totali. Mingħajr storbju, mingħajr daqq ta’ trombi.

Jiena timmeraviljani din il-ħaġa ta’ kif il-qawmien ta’ Kristu jseħħ f’dan is-skiet. Konvint jien, għeżież tiegħi, li l-ikbar affarijiet li Alla jagħmel, jagħmilhom f’silenzju kbir. Għandna bżonn nidħlu fis-skiet ta’ Alla biex aħna naraw l-opri t’Alla. Xi drabi ħafna minna jikkritikaw lil Alla u dejjem jgħidu Alla x’mhux qed jagħmel. Jista’ jkun illi meta ngħidu l-Mulej mhux qed jagħmel hekk, mhux qed jagħmel hekk, u għax ma jfejjaqnix, u għax ma nafx x’hiex. Jista’ jkun, għax aħna lill-Mulej rriduh jagħmel ħoss? Imma jista’ jkun li l-Mulej qed jagħmel ħwejjeġ kbar f’silenzju kbir, u min mhux kapaċi joqgħod f’dan is-skiet ta’ Alla, allura ma jistax jara l-għemejjel t’Alla? Jiena wisq nibża’ li hekk qed jiġri. Li Ġesu’ qed jagħmel ħafna affarijiet imma għaliex Alla tagħna huwa umli u jaħdem fis-skiet aħna qegħdin nitilfu dak li qed jagħmel. Għax qegħdin nfittxuh f’affarijiet li jistgħu jkunu kbar u drammatiċi jew ma nafx x’qed nippretendu aħna mingħandu u m’aħniex naraw x’inhu jagħmel fis-silenzju, għax m’aħniex lesti li nkunu fis-silenzju.

Jalla li spiritwalment nitwieldu mis-skiet u nitwieldu għas-skiet. Għaliex min jitwieled fis-skiet, jitwieled minn Alla u min jitwieled għas-skiet jitwieled għal Alla. Il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s