Kemm għandi bżonn immur x’imkien fis-skiet! (L-Ewwel Parti)

It-Tlieta, 25 ta’ Jannar 2022: Riflessjoni dwar il-bżonn tas-skiet fil-ħajja tagħna. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-paċi magħkom għeżież tiegħi. Minn qalbi nixtieq nilqgħakom għal darb’oħra għal dan il-mument ta’ riflessjoni flimkien fejn il-qalb tiegħi tiltaqa’ ma’ qalbkom għaliex, kif inħobb ngħidilkom, f’dawn il-mumenti, aktar milli nagħmlu xi ħsibijiet ta’ barra minn hawn li jtellghuna fl-ajru, inħallu l-qalb tagħna tiltaqa’ flimkien u flimkien ma’ Ġesu’, fid-dawl tal-Kelma tiegħu, għeżież tiegħi. Għaliex Ġesu’ qalilna li fejn tnejn jew tlieta jinġabru f’ismu, Hu jkun hemmhekk f’nofsna, anki b’dan il-mod virtwali wkoll qegħdin ninġabru f’ismu. U żgur li l-preżenza tiegħu qiegħda magħna — anki issa, f’dan il-ħin.

Nixtieq insellem mill-qalb lil dawk kollha li jsegwuna b’diversi mezzi ta’ teknoloġija u media soċjali llum il-ġurnata, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, f’pajjiżi differenti. Insellem lil ħuti Maltin kollha, tinsabu fejn tinsabu, f’kull parti tad-dinja, li tkunu qed issegewu. Qed ngħid xi grazzja u barka li għandna dawn il-mezzi llum il-ġurnata, għeżież tiegħi.

Insellem mill-qalb anki lil dawk li jinsabu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, dawk li għaddejjin minn xi żmien iebes fil-ħajja tagħhom. Dawk li huma vittmi ta’ żbalji ta’ ħaddieħor, ta’ xi reati. Dawk li huma morda. Dawk li forsi qed jgħixu waħedhom. Dawk li forsi jħossuhom mhux maħbuba, abbantunati fil-ħajja. Insellem lil kulħadd, għeżież tiegħi.

Illum nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet u nirriflettu daqsxejn ftit fuq il-bżonn, aqta’ x’hiex? Tas-skiet. Il-bżonn tas-skiet. Il-bżonn tas-silenzju fil-ħajja tagħna. Ma nafx kif tħossukom intom, pero’ jiena nħossni xi drabi li qed ngħixu f’realta’ (ingħid realta’ jiġifieri kollox ta, ma noqgħodux nippuntaw subgħajna lejn ħadd għax aħna parti minn kollox ukoll), li saret u li hi wisq storbjuża. Jiġifieri, aħna ngħixu fi żminijiet fejn għall-grazzja ta’ Alla għandna sensittivita’ kbira għall-ambjent. Hija ħaġa sabieħa li aħna nieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna, il-ħolqien. Jien patri Franġiskan, jiġifieri dan huwa valur li huwa ħafna għal qalbna ukoll, pero’ apparti l-ambjent tal-ħolqien, il-green biex nifthemu hekk, hemm l-ambjent tal-ħsejjes. Għandna bżonn nitgħallmu nieħdu daqsxejn ħsiebu, noħolqu ambjent ta’ skiet u nnaddfu l-ambjent ta’ madwarna minn dak li llum ġieli ngħidulu in-noise pollution — dak l-istorbju li xi drabi ngħixu fih, li xi drabi huwa ġej minn diversi fatturi.

Per eżempju, il-fatt illi aħna qegħdin over connected illum il-ġurnata. Jiġifieri nistgħu nisimgħu il-mużika x’ħin irridu, naraw ma ngħidx il-TV għax illum permezz tal-internet tista’ tara fuq il-mobajl, fuq it-tablet, fuq il-kompjuter, fuq it-TV, fuq x’hiex trid. Imma xi kultant issib, per eżempju, minn ma jafx jaħdem mingħajr ma jdoqq il-mużika, ma jafx jistudja bla ma jħalli l-mużika għaddejja, ma jafx inaddaf id-dar mingħajr ma jħalli it-TV għaddej. Ma nafux nitkellmu b’vuċi baxxa, irridu ngħajjtu biex nitkellmu, xi ftit minn dan forsi anki minħabba l-karattru Mediterranju tagħna; imma, irridu dejjem xi ħaġa għaddejja.

Donnu li noqgħodu ftit fis-skiet u fis-skiet waħedna, xi drabi nibżgħu. Xi drabi s-silenzju sar ibeżżana. Min-naħa l-oħra, jiena ninnota li ċerti persuna llum qegħdin jixtru s-skiet. X’iġifieri jixtru s-skiet? Int qatt xtrajtu s-skiet? Tixtri s-skiet jiġifieri, per eżempju, tkun għaddej minn balla stress fil-ħajja tiegħek u tgħid kemm nixtieq immur f’qiegħ ta’ kamra, xi mkien waħdi fejn ma nara ‘l ħadd, ma jismgħani ħadd u ninsa u nara minn kollox u noqgħod hemmhekk bi kwieti. U forsi tikri xi dar jew xi kamra f’għalqa, xi farmhouse diżabitata fejn tinqata’ kompletament biex issib daqsxejn is-serħan tal-moħħ. Tirrealizzaw x’qegħdin nagħmlu hemmhekk? Qegħdin nixtru s-skiet. Aħsbu ftit fuqha din, għeżież tiegħi: iktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar ingorru fuq il-prezz dejjem tiela’ tal-propjetajiet. Bħalissa ma nafx x’inhu jiġri eżatt, imma d-diffikultajiet tal-housing huwa hemm u ħa jkollna l-problema tad-diffikultajiet biex insibu s-skiet.

Il-bniedem għandu bżonn is-skiet fil-ħajja tiegħu. Daqskemm għandu bżonn li jitkellem, daqskemm għandu bżonn li jikkomunika, daqskemm għandu bżonn li jħossu f’ambjent soċjevoli, daqs kemm għandu bżonn tal-ambjent tas-skiet u s-silenzju.

X’inhuma ftit mill-benefiċji tas-skiet fil-ħajja tagħna, għeżież tiegħi? Dan qed ngħidu bħala bnedmin ta’ lkoll kemm aħna, sew jekk nemmnu u sew jekk ma nemmnux, għax l-umanita’ tagħna qegħda hemmhekk. Imbagħad naraw l-aspett spiritwali tal-bżonn tas-skiet. Per eżempju, s-skiet jgħinna biex nikkalmaw. Kemm persuni llum il-ġurnata jbatu bi stress u forsi nippruvaw nagħmlu ħafna affarijiet biex nirriduċuh. Tajjeb li ma niġux stressjati u jekk niġu, tajjeb li nsibu modi leġittimi u tajbin kif l-istress inneħħuh. Pero’ qatt irrealizzajt, li kieku jkollna ambjent ta’ inqas storbju, inqas ġenn, il-moħħ tagħna waħdu jibda jikkalma?

Is-skiet jagħtina aktar qawwa biex nikkonċentraw. Forsi din mhux kulħadd se jaqbel miegħi. Jien, għalija personalment, din tgħinni ħafna. Jien fis-skiet nikkonċentra. M’ilux kont qed nitkellem ma’ żagħżugħ. Qalli: ” Jiena, Fr Hayden, biex nistudja irrid li jkolli l-mużika  għaddejja”. Staqsejtu kif jirnexxilu jikkonċentra. Qalli: “Jirnexxieli, ta”. Jiġifieri, granted illi jista’ jkun li hawn min jikkonċentra anki fl-istorbju, pero’ jiena naħseb, ghallinqas tgħodd għalija ħafna, u dak li ngħidilkom ħafna drabi joħroġ mill-esperjenza tal-ħajja, għeżież tiegħi, illi s-skiet jgħinna biex nikkonċentraw, jgħinna biex ikollna focus, jgħinna biex inkunu kkonċentrati f’dik il-biċċa xogħol li aħna għandna bżonn nagħmlu u mhux kontinwament inkunu distratti minn ħafna affarijiet. Jgħin, se mai, lill-moħħ tagħna biex jitgħallem jikkonċentra.

Valur ieħor u frott ieħor essenzjali tas-skiet li llum naħseb qed jiġi skopert b’modi differenti fis-soċjeta’ tagħna huwa li s-skiet jagħtina ċertu awareness, ċertu consciousness, ċertu għarfien fil-ħajja tagħna. Per eżempju, kieku aħna kellna l-kapaċita’ li nisktu ftit u niġu aware ftit tal-ġisem tagħna, nikkalmaw ftit u nkunu konxji ta’ ġisimna x’qed jgħidilna. Xi drabi bil-ġenn tal-ħajja, ġismek jista’ jkun qed jgħidlek affarijiet u inti m’intix tisimgħu. Ġisimna jkellimna, tafux? Ġisimna jibda jurina jekk hemm xi ħaġa mhux sejra tajjeb, pero’ tant nistgħu nkunu għaddejjin bil-ġenn u bl-istorbju, minn ħaġa għal oħra, li m’aħnix kapaċi nisimgħu, mhux lil ħaddieħor, ta, lill-ġisem tagħna stess. Mentri meta nisktu, meta jkollna ftit perjodu ta’ silenzju matul il-ġurnata, tiskanta kif il-ġisem tagħna jibda jkellimna, il-ġisem tagħna nibdew inħossuh, il-ġisem tagħna jibda jittrażmettilna, għeżież tiegħi, dak li jkun għaddej minnu.

L-istess ħaġa l-emozzjonijiet tagħna. Fil-balla ġenn ħafna drabi naħarbu mill-emozzjonijiet tagħna. Lanqas biss ikollna ċ-ċans noqgħodu in touch magħhom. Ma nafux x’qegħdin inħossu, għaliex qegħdin inħossu, x’qed inħossu eżatt? X’inhu l-feeling eżatt li bħalissa għaddejjin minnu? Kemm għandna bżonn, għeżież tiegħi, nisktu. Ħafna drabi rridu mill-ewwel inpaċpċu, ngħidu mitt elf ħaġa u nidħlu f’ma nafx x’hiex. Mentri, jekk noqgħodu bi kwietna… Irrabjat, imdejjaq, imnikket, diżappuntat, ma nafx x’qed tħoss? Ieqaf ftit waħdek. M’hemmx għalfejn tinforma d-dinja kollha, tagħmel post fuq facebook ħalli kulħadd ikun jaf int minn x’hiex għaddej. Iskot ftit. Mur ingħalaq x’imkien waħdek. Ogħqod waħdek fil-kalma. Idħol fik innifsek u ara x’inhu l-feeling eżatt li int għaddej minnu. Kemm hu importanti s-silenzju li jgħinna nagħrfu eżatt x’qegħdin inħossu fil-verita’ fil-qalb tagħna, għeżież tiegħi.

L-istess il-ħsibijiet tagħna. Xi drabi, meta persuna tikkalma ftit u tiskot, jibdew jiġuha ħafna ħsibijiet. Ħafna nies, minħabba li t-talb jirrikjedi ħafna skiet, għeżież tiegħi, meta persuni jitolbu u jieħdu t-talb bis-serjeta’, kif jisktu jkollhom problema bil-ħsibijiet tagħhom. Għax il-ħsibijiet tagħna dejjem għaddejjin, pero’ meta nisktu, nibdew insiru konxji tagħhom, għeżież tiegħi. Imma fil-verita’ dawk diġa’ kienu hemmhekk u jagħmlilna tajjeb niġu konxji tal-ħsibijiet li għaddejjin minn moħħna, għaliex juruna — bħall-emozzjonijiet — ħafna dwarna nfusna. Bħall-emozzjonijiet, juruna ħafna x’inhu għaddej minna, x’inhu importanti għalina, x’inhija r-reazzjoni tagħna għaċ-ċirkostanzi li nkunu għaddejjin minnhom. Pero’ importanti li nkunu nafu x’qegħdin naħsbu. Għaliex il-moħħ ħafna drabi jaħseb ħsibijiet li mhux dejjem għandek kontroll fuqhom. Allura tajjeb li tkun taf x’inhu għaddej minn moħħok. Is-skiet jgħinek tagħraf dan.

Is-skiet jgħinna nkunu konxji ta’ dak li hemm madwarna. Ma nafx qattx għamiltu dan l-eżerċizzju. Jien xi kultant inħobb nagħmlu. Inħobb nagħmlu f’żewġ ambjenti: jew f’xi ġnien, per eżempju l-Buskett jew inkella ħdejn il-baħar jew f’postijiet ta’ għoljiet bħalma huma d-Dingli Cliffs jew is-Sanap Cliffs ġewwa l-Munxar, Għawdex. Inħobb ħafna ‘l Għawdex. Tmur hemm u tagħlaq għajnejk u toqgħod tipprova tisma’ il-ħsejjes li hemm madwarek, dawk diġa’ qegħdin hemmhekk. Ma toħloqhomx int, pero’ ħafna drabi ma tkunx konxju tagħhom. Meta tidħol fis-skiet u s-silenzju, qatt tipprova tgħodd, per eżempju, kemm-il tisfira differenti ta’ għamliet ta’ għasafar differenti jkun hemm? Kemm-il għasfur differenti taħseb li jkun hemm qed isaffar? Tħoss ir-riħ f’dak is-skiet u tara mil-liema naħa ġej u liema naħa hu sejjer? Il-mewġ tal-baħar b’għajnejk magħluqa tikkalkula meta l-mewġa li jmiss sejra tmiss il-blata, tmellisha u tbusha. Il-weraq, ir-riħ tisimgħu għaddej minn nofshom.

Nistghu inkunu konxji ta’ tant realtajiet, għeżież tiegħi, li qegħdin hemm pero’ minħabba l-ġenn taghna, aħna ma nirrealizzawhomx. Nistgħu nagħmlu lista sħiħa, eh. Meta aħna nisktu — ftakruha din ghax tiswa mitqlha deheb — meta nidħlu fis-silenzju, niskopru l-verita’. Meta nidħlu fis-silenzju, niskopru dak li hemm madwarna. Niskopru dak li hemm ġewwa fina. Niskopru affarijiet li aħna tant ħadnihom for granted. U dan fuq livelli differenti, għeżież tiegħi, anki fuq ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Min kapaċi jiskot b’mod tajjeb f’relazzjoni, kapaċi jiskopri l-persuni. Is-silenzju jagħmilna aktar aware tal-persuni ta’ madwarna. Jagħmilna aktar aware tal-bżonnijiet ta’ persuni ta’ madwarna. Meta aħna nidħlu fis-silenzju, inkunu aktar konxji li aħna parti minn realta’ akbar minna. Għaliex min jgħix fl-istorbju, ħafna drabi huwa hu fiċ-ċentru. Min ipaċpaċ il-ħin kollu huwa hu fiċ-ċentru. Imma min jiskot, jibda jirrealizza li huwa parti minn realta’ akbar, li jeżisti ħaddieħor, li jrid jisma’ ‘l ħaddieħor.

Infatti, frott ieħor sabiħ tas-skiet huwa li aħna nitgħallmu nisimgħu aktar. Min kapaċi joħloq ambjent ta’ silenzju, mhux biss madwaru imma anke ftit fih innifsu, anke billi jagħlaq tikka fommu, jagħlaq tikka ħalqu, jibda jisma’ aktar lil ħaddieħor. Għax min jitkellem il-ħin kollu, jisma’ lilu nnifsu imma min jiskot, kapaċi jisma’ lil ħaddieħor. U mhux biss min jiskot, kapaċi jisma’ lil ħaddieħor: min jiskot kapaċi jesprimi lilu nnifsu aħjar.

Għaliex? Għaliex jekk int ġejt in touch aktar mal-emozzjonijiet tiegħek, allura tista’ tesprimi aħjar il-feelings tiegħek. Jekk int ġejt aktar in touch mal-ħsibijiet tiegħek, inti tista’ tesprimi aħjar il-ħsibijiet tiegħek. Jekk int ġejt aktar aware u in touch mal-wegħġat li hemm fik, inti tista’ tesprimi aħjar il-weġgħat li hemm fik. Allura, s-skiet jgħinna nisimgħu, pero’ jgħinna nitkellmu aktar ukoll. Qatt irrealizzajt li s-skiet jgħallmek titkellem? Qatt irrealizzajt li l-aktar kliem profond joħroġ mis-silenzju, fil-ħajja tagħna? Kemm għandna bżonn, maħbubin tiegħi, bħala bnedmin u bħala nsara, nitgħallmu nisktu u ngħixu fis-skiet.

Is-skiet jgħinna wkoll biex nirriflettu fil-ħajja, għaliex ħafna drabi aħna nirċievu ħafna informazzjoni minn kullimkien u naqbdu u nibgħiluha. U fuq dina, ħadd ma jieħu għalih. M’hu qed nipponta subgħajja lejn ħadd u għall-ebda ċirkustanza. Pero’,  kieku tafu kemm għandna bżonn ma nħallu ‘l ħadd jimmanipola l-moħħ tagħna. Għaliex meta aħna l-ħin kollu nisimgħu aħbarijiet, ma nafx jekk dan li sa nghid ikunx il-feeling tagħkom.

Aqbad ġrajja li tiġri f’pajjiżna u ismgħha fuq l-aħbarijiet kollha differenti. Taħseb li mhux l-istess waħda xi drabi! Għaliex dak li jgħid A ma jgħidx B u ma jgħidx C jew il-perspettiva tant tkun differenti illi tgħid, “imma l-verita’ fejn qegħda? Jekk aħna ma nisktux u dejjem il-ħin kollu bbumbardjati bl-informazzjoni, għeżież tiegħi, li ħafna drabi jkollha aġenda moħbija, nitilfu l-kapaċita’ li nirriflettu u s-sens ta’ kritika vera. U għaliex ma nirriflettux personalment, x’aktarx aħna nispiċċaw nirrepetu dak li smajna. Nirrepetu dak li jgħid ħaddieħor. Nirrepetu dak li jgħidu l-aħbarijiet. Nirrepetu dak li jgħid il-politiku. Nirrepetu dak li jgħidu l-opinjonisti. Nirrepetu dak li jgħidu nies li jien nammira. Meta ħa nitgħallmu nisktu ftit u nużaw il-moħħ tagħna u nirriflettu aħna u fl-aħħar mill-aħħar ngħidu dak li jiena naħseb ġenwinament u mhux dak li ħaddieħor li qed jilgħabli b’moħħi jridni naħseb? Għaliex li ħaddieħor jagħtini informazzjoni kif iridha hu jew iwassalni biex nemmen dak li jrid hu jew biex iġgħielni nemmen dak li jrid hu, dak huwa logħob bil-moħħ. Fin xi drabi jkun dan il-loghob. Lanqas nindunaw bih.

Is-skiet jgħinna nirriflettu. Pero’ ħafna drabi hawn min għandu interess li ma nkunux fis-skiet. Skużawni ngħidha. Hawn min għandu interess li jibbumbardjana kontinwament. Għaliex jekk nibdew nirriflettu, l-affarijiet jitbiddlu fil-ħajja. Meta l-bniedem jieqaf jirrifletti, l-affarijiet jibqgħu għaddejjin imma meta jkollok riflessjoni serja, frott tas-silenzju u mhux ta’ ħafna tpaċpiċ, hemmhekk hija l-bidu ta’ rivoluzzjoni. Is-silenzju huwa l-bidu ta’ rivoluzzjoni għeżież tiegħi u jiena nemmen ħafna fir-rivoluzzjoni tas-silenzju f’dan id-dawl. Il-qawwa tas-skiet, il-qawwa tas-silenzju hija tant tremenda, li min hu vojt, jibża’ minnha. Min hu fil-gidba, jibża’ minnha. Min ma jridx il-verita’, jibża’ mis-silenzju. Għalhekk nippruvaw nimlew b’ħafna affarijiet, b’ħafna kliem, b’ħafna illużjonijiet b’ħafna storbju, b’ħafna manipulazzjoni tal-imħuħ. Għandna bżonn ngħixu s-skiet biex nitgħallmu nirriflettu.

Għandna bżonn, għeżież tiegħi, li nkunu siekta wkoll, għaliex fis-skiet insiru aktar kreattivi. Għaliex? Għaliex meta inti tiskot, il-mod kif inti twieġeb għall-affarijiet ma jkunx, għax hekk dejjem għamilna. Ma jkunx, għax ta’ qabli għamlu hekk. Ma jkunx għaliex l-affarijiet dejjem hekk saru. Meta int kapaċi tiskot, allura tisma’, tirrifletti, taf minn x’hiex għaddej, inti kapaċi twieġeb b’mod ġdid fil-ħajja. Is-silenzju huwa l-bażi tal-kreattivita’. Min huwa dejjem magħġun fl-istorbju x’aktarx ħa jispiċċa jirrepeti dak li dejjem għamel hu jew dak li dejjem għamel ħaddieħor jew dak li dejjem għamlu ta’ qablu, jew li dejjem għamlet is-soċjeta’.

Min kapaċi jintaqa’ ftit u jidħol f’silenzju, kapaċi joħroġlok, kemm fuq livell ta’ skiet, kemm fuq livell ta’ arti, kemm fuq livell ta’ letteratura, kemm fuq livell ta’ kollox. Jista’ joħroġ b’xi ħaġa kreattiva, xi ħaġa innovattiva, ħaġa ġdida. Is-skiet iwelled il-kreattivita’. Is-silenzju huwa omm il-kreattivita’, għeżież tiegħi. Xi drabi, meta naraw illi anke fil-pajjiż tagħna, anke fil-Knisja, anke fil-familja, fuq ix-xogħol, anywhere, faqar ta’ kreattivita’, mhux sinjal tajjeb, eh. Il-faqar tal-kreattivita’ mhux sinjal tajjeb. Il-bniedem maħluq b’qawwa kreattiva għax maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla li joħloq, għeżież tiegħi. U nafu li Alla joħloq fis-skiet, fis-silenzju. Meta s-soċjeta’ tagħna, il-Knisja jieqfu nkunu kreattivi, għandna problema serja u x’aktarx hija kriżi ta’ silenzju, hija kriżi tas-skiet.

Kemm nixtieq għeżież tiegħi illi tieqfu tirriflettu. Jekk hemm bżonn, erġgħu isimgħuh dal-programm, erġgħu isimgħu dawn ir-riflessjonijiet li verament jien naqsamhom minn qalbi. Kienu ħafna ġenerali. Ma kellhomx daqshekk kuntest reliġjuż illum. Pero’ darb’oħra nitkellem daqsxejn fuq is-skiet minn aspett spiritwali għax nemmen profondament illi dan is-skiet għandna bżonnu lkoll kemm aħna, bħala bnedmin.

Għandna bżonn niskopru s-skiet. J’Alla ma niġux f’estremita’ fejn ikollna bżonn nixtru aktar is-skiet. J’Alla aħna noħolqu s-skiet. J’Alla nkunu kapaċi nipprovdu ambjenti ta’ skiet, tajbin, b’saħħithom, sani fil-ħajja tagħna. J’Alla, għeżież tiegħi, aħna ma nibżgħux ngħixu fis-skiet. J’Alla nkunu kapaċi ngħixu t-terrur li s-skiet fil-bidu joħolqilna imma li fl-aħħar jagħtina l-liberta’. Is-skiet iwassal għall-ħelsien fil-ħajja tal-bniedem. Mhux aħjar niskot ftit, għax anki jien naħseb li ngħid ħafna? Il-paċi magħkom u kunu mberkin.

Mur ‘Nitwieldu mis-skiet u għas-skiet’. It-2 Parti.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s