It-3 taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 – Dunamis

Il-Ħadd, 20 ta’ Marzu 2022: It-Tielet taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 mmexxija minn Fr Hayden. It-tema hija Dunamis: Il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tan-nisrani. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Mela f’dawn l-Eżerċizzi, għeżież tiegħi, qegħdin nirriflettu u nitolbu — mhux biss nirriflettu u nitgħallmu — nitolbu għall-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Issa tafu li din il-Qawwa bil-Grieg hija Dunamis. Ngħiduha flimkien? …Prosit! Hija din il-Qawwa li lilna Ġesu’ wegħedna. Ġesu’ wegħedna l-Qawwa tiegħu, għeżież tiegħi, u fl-ewwel riflessjoni rajna li din il-Qawwa hija l-Imħabba t’Alla, imsawwba fi qlubna. U rajna anke ‘l-Madonna, ommna Marija, x’turina dwar din il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Fit-tieni Katakeżi dorna ftit ma’ San Pietru u rajna sew l-Ispirtu s-Santu x’għamel fih. Illum ħa nieħdu personaġġ ieħor; ħa nieħdu lil San Pawl. San Pawl Appostlu, Missierna, li ġie hawn Malta, għeżież tiegħi. Jiena, meta nkun qiegħed imsiefer x’imkien u jgħiduli, “Fejn hi Malta?”, ngħidilhom: “Acts 28”. Fl-Atti tal-Appostli, Kapitlu 28, insibu ‘l Malta. Allura, jekk ma jkunux midħla tal-Bibbja, nġiegħelhom jiftħuha. Aħna hemmhekk qegħdin żgħar, imma mniżżlin fil-Kelma t’Alla.

San Pawl jitkellem ħafna minn din il-Qawwa t’Alla, x’jagħmel ġewwa fina l-Ispirtu s-Santu. Pero’ nixtieq li nirrifletti fuq aspett wieħed li fih friegħi differenti. X’jagħmel l-Ispirtu s-Santu fina l-Insara? Dan imiss mal-biża’.  Il-biża’, għeżież tiegħi, hija xi ħaġa reali ħafna fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Dwar il-biża’ nitkellmu ftit imma jkollna niffaċċjawha ħafna, fil-ħajja tagħna. Araw jekk hux vera. Ftit li xejn nitkellmu dwar il-biżgħat tagħna, pero’ jkollna naffaċċjawhom ħafna, matul ħajjitna kollha. Il-biża’ fil-ħajja tagħna l-bnedmin taffettwa l-ħsibijiet tagħna; il-biża’ taffettwalek kif taħseb; il-biża’ taffettwa r-raġunamenti tiegħek; il-biża’ taffettwa l-emozzjonijiet tiegħek; il-biża’ taffettwa x-xewqat tiegħek; il-biża’ taffettwa l-għażliet tiegħek fil-ħajja.  Il-biża’ taffettwa l-azzjonjiet kollha tal-ħajja tagħna.

Ħafna drabi, għeżież tiegħi, meta nħallu l-biża’ taħkimna, x’jiġrilna? Taqbadna l-anzjeta’; xi drabi l-biża’ tipparalizzak; il-biża’ għandha l-qawwa li lill-bniedem twaħħlu fil-ħajja. Ċerti nies, minħabba l-biża’, tilfu opportunitajiet fil-ħajja tagħhom, kemm fuq livell ta’ xogħol, fuq livell ta’ karriera, fuq livell ta’ relazzjoni. Tibża’ titlob lil xi ħadd joħroġ miegħek, għaliex jekk jgħidlek “le” tweġġa’ u tħossok ħażin u mhix tajjeb, jew ma nafx x’hiex. Tibża’ li tiżżewweġ għax ma tafx x’jista’ jiġri, tibża’ li jkollok it-tfal li ma jmurx ma jitilgħux kif rabbejthom u jgħalluk. Uħud minna, għeżież tiegħi, l-biża’ żżommhom milli jagħmlu l-pass li jmiss fil-ħajja tagħhom. Tara ċerti nies fil-ħajja, li jkunu mxew u mxew, imma jasal pass importanti illi jdumu ħajjithom kollha jaħsbu għandhomx jagħmluh jew le — u xi drabi jispiċċaw ma jagħmluhx. Twaħħlek il-biża’, il-biża’ tneħħilek il-paċi minn qalbek. Min mimli biżgħat minn ġewwa, f’qalbu jitlef il-paċi tal-qalb tiegħu.

Il-biża’ saħansitra tista’ żżommna milli nkunu dawk il-persuni li Alla jridna nkunu. Alla għandu ħolma għalik: Ġesu’ għandu ħolma għalik. Aħna ma ġejniex fid-dinja fejn ħabat, ħabat u fejn laqat, laqat, u ngħixu l-ħajja…

Dal-aħħar kont qiegħed il-ħabs u kien hemm wieħed daħħalhieli f’ħalqi, għaliex kull ma ngħidlu jgħidli: “u ijja”. U ngħidlu xi ħaġa serja: “u ijja”; ngħidlu xi ħaġ’oħra: “u ijja”: kollox “u ijja”. Alla ma ġabniex biex ngħixu l-ħajja “u ijja”, eh,…: ma ġabniex għalhekk. Issa hekk qed tarani fuq it-T.V., idħak daħka. Ma ġabniex biex ngħixu l-ħajja “u ija”, għeżież tiegħi. Alla għandu pjan għalina li xi drabi, wħud minna, minħabba l-biżgħat tagħna, tiħdux qatgħa, ħa mmutu u nistgħu ngħidu fl-aħħar tal-mewt tagħna: “ħajti setgħet kienet differenti.” Kemm hemm affarijet li stajt għamilt, imma mħabba l-biża’ m’għamilthomx. Kemm hemm doni u potenzjal fik li ħabba l-biża’ ma ħariġtx. Xi dwejjaq, għeżież tiegħi, meta tara n-nies ma jgħixux to the full is-sbuħija, l-umanita’, il-potenzjal, id-don, il-kariżma, dak kollu li Alla poġġa fihom, kemm umanament kif ukoll spiritwalment — u xi drabi minħabba l-biża’ li tipparalizzana.

Issa dan kollu x’għandu x’jaqsam mal-Ispirtu s-Santu? Ħa ngħidilkom għaliex. Għaliex San Pawl, fit-Tieni Ittra tiegħu lil Timotju (Timotju kien isqof żagħżugħ u San Pawl ikellmu qisu missier qed ikellem lil ibnu), jgħidlu kelma li jiena naqraha ta’ spiss għalija. Jgħidlu hekk: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma spirtu ta’ qawwa.” (Dunamis) Din hija kelma li rridu nirrepetuha, jekk hemm bżonn, kuljum. Interessanti illi l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna: “Il-Knisja kuljum tistedinna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu.” (KKK 2670). Kuljum tistedinna l-Knisja nitolbu l-Ispirtu s-Santu, għaliex aħna kuljum imbeżżgħin b’xi ħaġa fil-ħajja tagħna.

Interessanti li l-istudjużi tal-Bibbja jgħidulna li Alla, fil-Kelma tiegħu, tafu kemm -il darba jgħidilna, “La tibżax?” 365 darba: darba kuljum. Jekk tgħodd fil-Bibbja l-espressjoni ”La tibżax!”, issibha 365 darba. Għalhekk il-Knisja tridna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu kuljum.

“Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma spirtu ta’ qawwa.” Mela din il-biża’, għeżież tiegħi, li ħafna drabi tipparalizzana, ġejja minn Alla jew le? Hello! tajjeb… Hemm ċerta biża’ li hi tajba, eh! Teħdunix ħażin: jekk tmur ħdejn id-Dingli Cliffsu ma tibżax li taqa’, għandek problema.  Dik il-biża’ tipproteġik. Importanti li dik ma nitilfuhiex, tajjeb? Imma mbagħad, mhux beżgħat oħrajn li jwaħħluna fil-ħajja tagħna. Ejjew niftakru li Alla tana l-Ispirtu tal-Qawwa u mhux l-ispirtu tal-Biża’.

Illum nixtieq naqsam magħkom, għeżież tiegħi, propju x’jagħmel. Aspetti ta’ biża’ li l-Ispirtu s-Santu jrid jeħlisna minnhom. Pero’ qabel nixtieqkom tirrealizzaw illi l-Ispirtu s-Santu, qatt tinsew, hu l-Imħabba t’Alla f’qalbna. L-Ispirtu s-Santu hu l-qalb ta’ Ġesu’, imħabbtu jtihielna. Isimgħu San Ġwann x’jgħidilna: “Fl-imħabba m’hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ‘l barra.” (1 Gw 4,18).

 X’tagħmel l-imħabba? Tkeċċi… Issa l-Imħabba hu l-Ispirtu s-Santu. Mela nistgħu ngħidu li fl-Ispirtu s-Santu m’hemmx… L-Ispirtu s-Santu jkeċċi l-biża’…. Mela kull darba li nħossuna li se niġu pparalizzati mill-biża’ f’ħajjitna, nghidu Ejja Spirtu s-Santu, Veni Creator Spiritus, Ejja Spirtu s-Santu. Aħna l-Insara, meta nkunu mbeżżgħin m’ghandniex nippanikjaw. Fina hemm qawwa li min ma rċeviex id-don tal-Magħmudija, ma jafx x’inhi. Il-problema hi li anke aħna, li aħna mgħammdin, xi drabi lanqas nafu x’inhi. Hemm qawwa fina li għadna ma skoprejnihiex. Ftakru kif bdejna dawn l-Eżerċizzi? Function fil-mobajl li ilha fuqek u ma ndunajtx biha, u meta tinduna biha tgħid kemm kont iblah li ma ndunajtx qabel. Illum ħa naraw seba’ aspetti, seba’ areas fil-ħajja tagħna ta’ Nsara, illi din il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu trid tkeċċi l-biża’ ‘l barra.

1. Biża’ minn Alla

L-ewwel: Aħna, nammettuha jew ma nammettuhiex, fil-fond ta’ qalbna, strangely enough, ħafna drabi għandna biża’ minn Alla. Il-bniedem fil-fond ta’ qalbu għandu biża’ minn Alla u ħa nispjegaha dina. Ħa mmorru ftit fil-ġnien tal-Eden, fil-ġrajja t’Adam u Eva. Wara li għamlu d-dnub, x’tgħidilna l-Kelma t’Alla? “U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum, u nħbew Adam u martu minn wiċċ il-Mulej Alla qalb is-siġar tal-ġnien.” Wara d-dnub jinħbew minn Alla, tidħol din il-biża’ li ġġgħelhom jistaħbew minn Alla. U, x’inhu l-għerq ta’ din il-biża’ li aħna l-bnedmin għandna minn Alla? Jagħtilielna ċar il-Katekiżmu tal-Knisja, li jgħidilna hekk: “Il-bniedem, imġarrab mix-xitan, ħalla tintemm f’qalbu l-fiduċja li kellu fil-Ħallieq tiegħu, abbuża mill-liberta’ tiegħu, u ma obdiex il-Kmandament t’Alla. Dan kien l-ewwel dnub tal-bniedem. Kull dnub, li ġie wara, hu att ta’ diżubbidjenza lejn Alla u nuqqas ta’ fiduċja fit-tjieba tiegħu.” (KKK 397)

Il-biża’ li l-bniedem għandu f’Alla tfisser din: illi tilef il-fiduċja fiH. Innutaw li Adam u Eva, minkejja li jistaħbew fil-ġnien, meta Alla jmur jitkellem magħhom, ikellmuh lura, jibqgħu jitkellmu miegħu, jibqgħu jitolbu. Nistgħu ngħidu nibqgħu niġu l-Knisja, pero’ mingħajr fiduċja f’qalbna. Aħna jista’ jkollna relazzjoni m’Alla, imma ma nafdawx ‘l Alla. Inti jista’ jkollok relazzjoni f’ħajja miżżewġa, t’għerusija, ngħixu taħt saqaf wieħed imma ma nafdawx lil xulxin; għandna biża’ minn xulxin. U x’inhi l-biża’ li ħafna drabi daħlet fil-qalb tal-bniedem minn Alla? U duru dawra madwarna u madwar id-dinja u araw jekk hux vera. Ħafna drabi ‘l Alla nħossuH l-għadu tagħna. Kieku Alla jħobbni, jippermetti dawn l-affarijiet f’ħajti? U jekk Alla jħobb lid-dinja, jippermetti dawn il-gwerrer? U jekk Alla jħobbni, jippermetti li wliedi ġew f’hiex ġew? U jekk Alla jħobbni, jippermetti liż-żwieġ tiegħi…? U jekk Alla jħobbni, jippermetti dan il-mard fuqi, jien li nitlob, li niġi l-Knisja kuljum? U jekk Alla jħobbni, nipprova nagħmel it-tajjeb u naqlaghha, u l-oħrajn jirnexxu? U jekk Alla jħobbni lil binti ma jagħtix tarbija u min għandu jrid jagħmel l-abort? Arah, donnu Alla l- għadu tagħna. Lanqas nindunaw li nirraġunaw b’dan il-mod. Għandna din il-biża’ minn Alla b’mod ħażin fil-qalb tagħna, għeżież tiegħi, li turi lilha nfusha f’nuqqas ta’ fiduċja u f’dubju.

Ġesu’ tiftakru meta qalilna: “Jekk ma ssirux bħat-tfal iż-żgħar, żgur ma tidħlux fis-Saltna t’Alla.”(Mt. 18,3)?  X’kien qed jgħidlilna? AfdawH! Afdawni kif jafdaw it-tfal ċkejknin. Issa din hija xi ħaġa li jagħmilha fina l-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi. San Pawl jgħidilna, f’waħda mill-ittra tiegħu: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: Abba’ Missier!” (Rum. 8, 15-16) Il-kelma “Abba” tfisser “Pa”, “Daddy”, “tender Father”. Araw San Pawl kemm jagħmilha ċara din il-ħaġa. Aħna rċevejna dan l-Ispirtu li jeħlisna minn dil-biża’ li ma nafdawx ‘l Alla, imma għandna Spirtu fina li jokrob Abba’ Missier! Jiġifieri, lil Alla aħna nafdawh b’mod għami, anke meta ma nifhmuHx.

Għalhekk, Ġesu’ lil Santa Fawstina qalilha biex fuq ix-xbieha tal-Ħniena Divina niktbu ‘Ġesu’ jiena nafda fik’. Ġesu’ lil Santa Fawstina qalilha li l-iktar dnub li jweġġgħu, tafu x’inhu? In-nuqqas ta’ fiduċja. In-nuqqas ta’ fiduċja f’Alla. In-nuqqas ta’ fiduċja huwa d-dagħa tal-Insara. Għaliex huwa d-dagħa? Mhux tgħid “Ħaqq” imbagħad tiġbidha, imma tagħmel Ħaqq minn Alla li mhux ta’ min jafdaH. Meta aħna ma nafdawx ‘l Alla, qed niġġudikaw ‘l Alla: “mhux ta’ min jafdak Mulej. Int ma tafx x’inti tagħmel.” U mhux faċli, għeżież tiegħi, li nafdaw lil Alla fi żminijiet iebsa, fi żminijiet ta’ tbatija, fi żminijiet ta’ gwerra li qegħdin ngħixu fihom, fi żminijiet ta’ pandemija li qegħdin ngħixu fihom, li nduru lejn Alla u ngħidulU: “Mulej, inti taf x’qed tippermetti. Nafdawk Mulej.”

X’jiġifieri nafdaw f’Alla u nemmnu li Alla huwa tajjeb anke fit-tbatija li ngħaddu minna fil-ħajja? Tfisser din: li Alla mill-ħażin kapaċi joħroġ it-tajjeb. Temmnuha din? Temmnuha minn qalbkom din li Alla mill-ħażin kapaċi joħroġ it-tajjeb? Jekk temmnuha, ibdew għidulu grazzi minn qabel għal dak it-tajjeb li Alla jista’ joħroġ mit-tbatija tagħkom, anke meta dan it-tajjeb intom m’intomx tarawh. Dik hija l-fiduċja f’Alla li ngħidlu grazzi minn qabel il-Mulej tat-tajjeb li sejjer joħroġ mill-ħażen kollu. Dit-tip ta’ fiduċja li aħna l-Insara jrid ikollna, u importanti li dan nifhmuh għax din hija l-qawwa tat-talb. Jekk il-qawwa tat-talb għalina l-Insara npenġuha li Alla kull darba li aħna nitolbu jagħmel miraklu, wħud minna jitilfu l-fidi, għax mhix hekk. Il-qawwa ta’ Alla ma tidhirx lilha nfisha li żżomm il-ħażen milli jiġri, imma l-qawwa t’Alla xi drabi turi lilha nfisha meta mill-ħażin toħroġ it-tajjeb. Inti tista’ titlob biex tfiq mill-marda tiegħek u l-Mulej ma jfejqekx. Ibda itlob: “Mulej x’inhu t-tajjeb li trid toħroġ mill-marda tiegħi? X’inhu t-tajjeb li trid toħroġ mit-tbatija li qed ngħix? X’inhu t-tajjeb li trid toħroġ mill-persekuzzjoni li għaddej minnu? X’inhu t-tajjeb li trid toħroġ minn din is-sofferenza li għandna fiż-żwieġ, fil-familja tagħna? X’inhu t-tajjeb li trid toħroġ minn dawn iż-żminijiet iebsa ta’ gwerra u pandemija li qegħdin ngħixu fi żminijietna? Ħeh! Dan li jagħmilna differenti għeżież tiegħi mil-bqija tan-nies. Min għandu l-biża’ li jibża’ minn Alla jirraġuna li Alla huwa l-akbar għadu tagħna għax kieku ma jagħmilx hekk. Aħna li għandna l-Ispirtu s-Santu ma nirraġunawx hekk!

Aħna m’għandiex spirtu ta’…., imma spirtu ta’….. Qawwa. Il-qawwa li nafdaw ‘l Alla. Kemm nixtieqkom illum għeżież tiegħi, matul din il-ġimgħa, aqbdu dawn iċ-ċirkustanzi żgħar jew kbar f’ħajjitkom meta tħossukom li l-Mulej qed tiddubitawH, m’intomx tafdawH, u itolbu ‘l-Ispirtu s-Santu, mhux intom, il-qawwa t’Alla fikom. Irridu nitolbu: “Mulej tini l-qawwa tiegħeK, biex jien nafdaK.”

Min ma jafdax tafu x’jagħmel? Il-maqlub tal-fiduċja tafu x’inhi? Id-disperazzjoni. Xi drabi fil-mixja tagħna bħala Nsara u bħala bnedmin qegħdin fi crossroad u two ways hemm: jew li tafda jew li tiddispra. M’hemmx triq tbatija jew mhux tbatija; dik ma teżistix. Ma ngħixux f’illużjoni. It-tbatija parti mill-ħajja. L-option mhijiex inbatux jew le. Forget it. Li niġu l-Knisja ma jagħmlinniex xi miraklu biex ma jiġrilna xejn f’ħajjitna u kollox imur tajjeb. Dik hija gidba. L-option m’hijiex inbatux jew le: suffering is part of life. M’hijiex biss tbatija l-ħajja tagħna, imma meta nbatu ħafna drabi ma narawx triq oħra. It-tbatija ġġgħelek temmen li int ser teħel hemmhekk. L-options huna: jien ngħaddix minnha bil-fiduċja f’Alla u nara l-ġid joħroġ mis-sofferenza, jew jien ngħaddix minnha ddisprat u ninqered magħha. Dik l-għażla li għandna: Nafdawx jew niddisprawx. Min għandu l-Ispirtu t’Alla, min għandu d-Dunamis tal-Ispirtu fih, jgħaddi minn fiduċja. Min immexxi mill-ispirtu tal-biża’, jgħaddi mid-disperazzjoni. L-għażla f’idejna, imma tinsewx: irċevejna Spirtu ta’ Qawwa u mhux spirtu ta’ biża’.

2.  Biża’ mid-dgħufija tagħna

It-tieni ħaġa li l-Ispirtu s-Santu lilna, bħala dixxipli ta’ Ġesu’, joħroġna minnha hija il-biża’ mid-dgħufija tagħna. Aħsbu ftit, aħsbu ftit, kemm aħna nibżgħu mid-dgħufija tagħna. Jekk għandek weak area fil-karattru tiegħek, jekk għandek weak point fil-familja tiegħek, jekk għandek weak point fl-ispiritwalita’ tiegħek, ma tmurx tperrċu, ma tmurx tiftaħar bih. Aħna niftaħru bis-suċċessi mhux bil-fallimenti. Qatt smajtu lil xi ħadd jiftaħar bil-fallimenti? Normalment, ma nagħmlux hekk. Jekk għandek xi ħadd li għalliek fil-familja, huwa weakness fil-familja, ma mmorrux niftaħru b’hekk. Għaliex il-biżgħat tagħna, fejn tidħol id-dgħufija, huma kbar. Id-dgħufija tagħna rridu naħbuha, nibżgħu minnha. Kieku nistgħu, inpoġġuha fil-ġenb, ma nammettuhiex f’ħajjitna. Id-dgħufija tal-karattru: taqbiżlek. Xi ħadd imur jogħqod jiftaħar kemm taqbiżlu u kemm isabbat u kemm ikisser? You know? Dgħufija, hi x’inhi. Imma isimgħu San Pawl x’jgħidilna. Aktar minn San Pawl, l-ewwel ħaġa, Ġesu’ innifsu darba minnhom x’qal lil San Pawl meta deherlu? Isimgħuha: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi għax il-Qawwa (Dunamis), għax il-Qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”(2 Kor 12,9) Il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Dunamis) fejn tidher bl-aħjar mod? Fejn hemm … fejn hemm … Il-qawwa ta’ Alla fejn ser tidher l-aktar f’ħajtek? Fejn int b’saħħtek jew fejn inti dgħajjef? Dgħajjef. Mela ma nibżgħux mid-dgħufija tagħna, għeżież tiegħi. Fid-dgħufija tagħna hemm il-qawwa ta’ Alla. Alla juri l-qawwa tiegħu l-aktar fejn aħna dgħajfin.

Fejn aħna b’saħħitna, ma nħossux il-bżonn ta’ Alla. Innutaw, ħafna nies iduru lejn Ġesu’ meta huma dgħajfin: meta nimirdu, meta jiġi żmien iebes. U m’hemm xejn ħażin: il-Mulej ma jkeċċi ‘l ħadd. Fid-dgħufija Alla juri l-qawwa tiegħu. San Pawl, isimgħuh għal darb’oħra x’jgħid: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher li l-kobor ta’ din il-Qawwa (Dunamis) ġej minn Alla u mhux minna.” (2 Kor. 4,7)

Qatt ħassejt  f’ċirkustanzi fil-ħajja tgħid “imma donnu l-Mulej qed jgħabbini aktar milli niflaħ”? Ġieli għidtha? Hello? Ġieli, tajjeb. U vera. Alla ġieli jippermetti affarijiet f’ħajjitna iktar milli aħna nifilħu, biex ngħixuhom bil-Qawwa tiegħU u mhux bil-qawwa tagħna. Imma nnutaw kif aħna ffissati fina nfusna. Nilmentaw “jien din ma niflaħx aktar għaliha”! Ninsew li għandna qawwa oħra ġewwa fina, il-qawwa tal-Ispirtu li nesperjenzawha bit-talb. Min ma jitlobx, din il-qawwa ma jesperjenzjahiex. Alla m’huwiex magician; ma jiġix jagħmel il-magic u  l-entertainment ħa noqgħodu nidħku u nieħdu pjaċir, għeżież tiegħi. Fit-talb qrajna fl-ewwel jum tal-Eżerċizzi, Marija titlob mal-appostli biex jinżel l-Ispirtu, biex tiġi l-Qawwa.

Fid-dgħufija tagħna mhux naqtgħu qalbna mid-dgħufija tagħna. Nitolbu, għax fid-dgħufija tagħna hemm il-qawwa ta’ Alla. Isimgħu San Pawl darb’oħra x’jgħid: “Għalhekk jiena nitħabat u nissielet bis-saħħa tiegħu li tinsab taħdem fija bil-qawwa (Dunamis) kollha tiegħu.”(Kol. 1,29) Għalhekk jiena nitħabat u nissielet bis-saħħa tiegħu. Mela ma naqtgħux qalbna għax inħossuna dgħajfin, għax inħossuna għajjiena, għax inħossuna qisna ma nafux, ma nistgħux naqbdu art. Hemm il-qawwa tal-Ispirtu li taħdem fija. Ħuduha fil-prattika li ssaqsu, matul din il-ġimgħa: fejn inħossni dgħajjef fil-karattru tiegħi, quddiem id-dnub tiegħi? Liema area li ċċedi malajr fiha? Jekk ma tafx, staqsi ‘l martek u ‘l żewġek u malajr jgħidulek, serraħ rasek. Jew ħalli t-tfal innoċenti jgħidulek il-verita’. Hekk itemmgħuhielek, jagħlqulek ħalqek, lanqas tkun taf; juruk fejn inti dgħajjef.

Id-dgħufija tagħna toħroġ, meta aħna qrib xi ħadd, meta aħna qrib xi ħadd. Meta aħna waħedna, faċilment inħossuna naħbu jew heroes. Imma meta qiegħed qrib xi ħadd toħroġ id-dgħufija tiegħek. Qatt għidt għar-raġel jew għall-mara, either or, “imma, tgħid dana x-xogħol qisu anġlu u hawn qisu xitan, kieku jafu! Kieku jaf il-kappillan! M’basta titla’ taqra u tqarben. Kieku jaf id-dar kif iġġib ruħek!” Id-dgħufija tagħna, il-verita’ hemm toħroġ, mhux meta qegħdin show hekk, kulħadd jarana, meta qegħdin intimi ma xi ħadd, meta tqum u torqod ma’ xi ħadd, meta tgħix f’komunita’, id-dgħufija toħroġ. Hemm.

San Pawl kienet taqbiżlu, eh. Sakemm kien ikun waħdu kien bully. Kif ta’ madwaru kienu jikkontraljawh, kien jitlifha Pawlu, jekk taqrawh bis-serjeta’. Jiġġieled ma’ dak u jiġġieled mal-ieħor. Kien jaf x’iġifieri tkun dgħajjef. U Ġesu’ qallu: “Pawl, m’inhix se nneħħihielek din id-dgħufija. Inutli toqgħod titlobni. Qallu dgħajjef kont u dgħajjef se nħallik, għax jien irrid nuri l-qawwa tiegħi fik, daqs kemm inti dgħajjef. Id-dgħufija tiegħek se tibqa’ tħossha, imma jien se nkun il-qawwa tiegħek.”

Kemm nixtieqkom, għeżież tiegħi, li din il-Kelma nemmnuha: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi, għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” “When I’m weak, I’m strong”,jgħid San Pawl: “Meta jiena dgħajjef, jiena qawwi.” Ngħiduha flimkien? “Meta jiena …, jiena …” Jimporta l-miżżewġin jew l-għarajjes li hawn tgħiduha ‘l xulxin issa. Ejja, ħarsu lejn xulxin, għiduha lil xulxin: “Meta jiena dgħajjef,….. Issa meta tmorru d-dar u tqabbżuha lil xulxin, tafu x’għandkom tgħidu. Mhux jien, il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu fina (Dunamis). Mela ma nibżgħux, għeżież tiegħi, mid-dgħufija tagħna.

3. Biża’ mix-Xitan

It-tielet biża’ illi l-Ispirtu s-Santu jeħlisna minnha. Kemm insib nies qed jiżdiedu b’din il-biża’. Hija l-biża’ tax-Xitan. Ma nafx kemm jidħlu telefonati u messaġġi biex jiġu nies jagħmlu appuntament għaliex jibżgħu li għandhom saħta u magħmul. Tafu xi ħadd hekk? Ommi ma! Ġesu’ tiegħi! Kif jinqala’ daqsxejn ta’ nkwiet, “Għandi xi magħmul Fr. Tista’ tiġi tberikli d-dar? Għandi xi saħta, tista’ tiġi titlob fuqna? Nista’ nġib lill-familja kollha ħa titlob fuq kulħadd għax żgur għamlulna xi magħmul, għamlulna xi saħta,” għeżież tiegħi.

Fuq dil-kwistjoni nixtieq illi llum inħallu l-qawwa ta’ Alla teħlisna ftit minn dir-realta’; kemm aħna li qegħdin hawn u kemm dawk li qed isegwuna bil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Għax fejn tidħol il-kwistjoni tax-Xitan, qegħdin f’estremi.

Hawn min jara x-Xitan f’kollox u l-ħin kollu u hawn min ma jarah imkien, għeżież tiegħi. Hawn min jarah f’kollox, kollox ix-Xitan u hawn min ghalih ix-Xitan ma jeżisti f’xejn. Huma żewġ estremi li m’humiex veri. Imma l-agħar illi, u nixtieqkom tirrealizzaw li niltaqa’ ma nies li jemmnu, jiġu l-knisja, illi x-Xitan jasħsbu illi jaf kollox, jista’ jagħmel kollox u qiegħed kullimkien. Tafu li din hija ereżija? Ix-Xitan ma jafx kollox. Alla biss jaf kollox. Ix-Xitan ma jistax jagħmel kollox. Alla biss jista’ jagħmel kollox. Ix-Xitan m’huwiex kullimkien. Alla biss qiegħed kullimkien. Xi drabi wħud minna lix-Xitan għamilnih Alla. Iktar temmen illi lilek marru għand saħħara u għamlulek magħmul milli temmen bil-barka ta’ Alla fuqek.

Darba ġie xi ħadd, ġieli smajtuni ngħidha, ġiet persuna biex nitlob fuqha.  Mara kienet. U meta qed nitlob fuqha, nnunajt li mal-ġiżirana kellha qrun u salib. Għidtilha dawk x’qed jagħmlu? Qaltli biex jekk ma jaħdimx wieħed, jaħdem l-ieħor. Għidtilha tajba din! Perfetta l-fidi tagħna! Eżatt, eżatt nemmnu! Biex ngħidilkom kif ix-Xitan għamilnieh Alla: jekk ma jaħdimx wieħed, jaħdem l-ieħor. U ltaqt ma’ nies, eh, nies problemi: wieħed hekk qalli, qalli jien nitlob lix-Xitan, imbagħad nitlob ‘l-Alla. Xi ħadd minnhom jismagħni! Pero’, għeżież tiegħi, aħna qed nidħku, imma huma tal-biki għaliex għandna nies illi jmorru jagħmlu dawn is-sħaħar, dawn il-magħmuli, jiżburżjaw buthom, jidħlu f’taħwid psikoloġiku, logħob bl-imħuħ tan-nies, taħwid spiritwali, ukoll, għax mhux dejjem,  imma f’xi ċirkustanzi, persuni li jagħmlu dawn l-affarijiet, imissu mas-Sataniżmu u mal-okkult. U dak huwa perikoluż, għeżież tiegħi.

Pero’ aħna, ir-reazzjoni tagħna mhix ta’ biża’ ghandha tkun. Tistgħu tgħiduli kif u ghaliex persuna li hi mgħammda u li ghalhekk għandha l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Dunamis) ġo fiha għandha għax tibża’ minn dawn l-affarijiet? Għadna ma nafux min aħna!

Għeżież tiegħi, isimgħu daqsxejn x’jgħidilna Ġesu’: “Tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq is-sriep u l-iskorpjuni,” isimgħu, “u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u l-ebda ħsara ma jagħmlulkom.” (Lq. 10,19). Dan hu d-diskors ta’ Ġesu’ meta jitkellem fuq ix-Xitan. Lilkom l-insara tajtkom din il-qawwa u s-setgħa u nafu li din il-qawwa hi tal-Ispirtu s-Santu. Isimgħu Ġesu’ x’jgħid darb’oħra: “Jekk jien qiegħed inkeċċi x-xjaten bl-Ispirtu ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.”(Mt. 12,28) Isimgħu San Ġakbu x’jgħidilna: “Ieqfu lix-Xitan u hu jaħrab minnkom.”(Ġakbu 4, 7) Min jibża’ minn min? Ix-Xitan minnek jew int mix-Xitan? Hello? Ix-Xitan minnek. Tistgħu tifhmu li aħna qlibna kollox ta’ taħt fuq b’din il-biża’ mix-Xitan għaliex ma nafux din il-qawwa li hemm fina u l-qawwa li Kristu tana? “Ieqaf lix-Xitan”, jgħidilna Ġakbu, “u hu jaħrab minnek.”

Ftakru li x-Xitan għandu din it-tattika. Qatt tinsewha! Huwa qawwi ma’ min hu dgħajjef u huwa dgħajjef ma’ min hu qawwi. He is strong with the weak and weak with the strong. Aħna għandna din id-Dunamis tal-Ispirtu. Ġesu’ mliena bil-qawwa tiegħu. Ix-Xitan jibża’ minnek, mhux int tibża’ minnu! Għeżież tiegħi, dil-biża’ ta’ magħmuli, ta’ saħtiet, ta’ xjaten, irridu ninħelsu minnha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u mhux nibqgħu ngħixu wħud minna f’din il-bubble.

Imbagħad, biex nagħmluha agħar, ġieli jiġu nies li just iridu talba, qisna se nagħmlulhom xi magic : imbagħad la jqerru, la jitqarbnu, la jitolbu! Jien dejjem ngħid l-istess ħaġa. Kulħadd l-istess ħaġa ngħidlu lil min jistaqsini: ”Imma Fr., tista’ tgħidli għandix magħmul jew le?” Jiena dejjem inwieġeb l-istess ħaġa: “Jekk hemm ix-xita hemm barra, x’inhu l-importanti? Li jkollok l-umbrella, qalbi! Tista’ żżomm ix-xita inti? L-importanti li għandek l-umbrella, għandek il-protezzjoni. Be prepared! Jekk hemm xi ħaġa: għandek il-qawwa fik, il-qawwa tal-Ispirtu, ma nibżgħux!“ U neħħu dawn il-flieles! Għaliex xi drabi faċilment anki nibnu kristjaneżmu, spiritwalita’, xi drabi anki imbagħad l-affarijiet ta’ Alla, quddies, adorazzjoni, domna, kurċifiss, salib, kuruna, inġibuhom qishom lucky charms kontra x-xjaten. Vera li l-Mulej jużahom biex jipproteġina, pero’ mhux mifruda mill-fidi. Jekk m’hemmx fidi fi Kristu, tista’ tagħmel mitt elf kuruna ma’ għonqok, qalbi, għax tkun qed tgħallaq lilek innifsek. Il-fidi tagħmel id-differenza. Din il-fiduċja f’Alla. Ma nibżgħux! Ieqfu lix-Xitan u hu jaħrab. L-Ispirtu s-Santa jagħtina din il-qawwa.

San Pawl jgħidilna biex quddiem ix-Xitan, quddiem it-taqbida kontra l-ħażen jgħidilna: “Ilbsu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan…Aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-Kelma ta’ Alla.” (Efes.6,11,17) Niqfulu bil-qawwa tal-Kelma. Interessanti li San Pawl jgħid li l-Kelma ta’ Alla hija ispirata bil-Grieg hija  teopnostos. Ispirata tfisser li għandha n-nifs ta’ Alla fiha. In-nifs ta’ Alla huwa l-Ispirtu s-Santu. Il-Kelma ta’ Alla meta nitolbu biha, nisimgħuha bħalissa, naqrawha, ngħixuha, ittina l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna. Dik hi l-fidi tagħna. Dik hi l-protezzjoni vera tagħna u mhux nogħqodu nibżgħu mix-Xitan, għeżież tiegħi. Ix-Xitan jibża’ minnek! M’għandekx għalfejn tibża’ minnu. Ċara? Hello? Issa tiġux teqirdu fuq ix-xjaten.

4. Biża’ illi nkunu xhieda ta’ Ġesu’ fi żminijietna

Ir-raba’. Uħud minna għandna biża’ illi nkunu xhieda ta’ Ġesu’ fi żminijietna; nibżgħu nkunu xhieda ta’ Ġesu’. Forsi sakemm nidħlu fil-bini tal-knisja all right, imma kulħadd jara lilu nnifsu eh. Meta tkun barra, tistħi trodd is-Salib? Tkun fuq tal-linja, tistenna x’imkien, tistħi toħroġ kuruna tar-rużarju u titlob? Tistħi toħroġ il-Bibbja? Tistħi tgħid, meta tmur ma’ sħabek it-Tnejn ix-xogħol, tistħi tgħid li l-Ħadd mort il-Quddiesa? Irrealizzaw, għeżież tiegħi, kif bil-mod il-mod qed tidħol din il-mistħija, din il-biża’ illi l-affarijiet tal-fidi tagħna huma fil-privat, dik x’nagħmel jien, hemm barra hija dinja oħra. Nibżgħu nkunu fid-dinja t’hemm barra xhieda ta’ Ġesu’ Kristu.

Sfortunatament, għeżież tiegħi, din fina l-Kattoliċi qed tiżdied, li nibżgħu inkunu xhud ta’ Ġesu’. Imma anki hawnhekk, quddiem din il-biża’, l-Ispirtu s-Santu huwa l-qawwa tagħna. Isimgħu Ġesu’ x’jgħidilna: “Meta jiġi d-Difensur”, l-Ispirtu s-Santu, “li ser nibgħatilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verita’ li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija u intom ukoll tixhdu.” (Gw. 15, 26-27) Mela min jiġi jixhed għal Ġesu’? Min? L-Ispirtu u aħna nixhdu wkoll. L-Ispirtu s-Santu jrid jużana biex inkunu xhieda ta’ Ġesu’. Ix-xhud min hu? Ix-xhud jgħid dak li jaf, dak li ra hu, għeżież tiegħi. Isimgħu l-appostli kif inhuma deskritti fil-bidu tal-Knisja. “B’qawwa (Dunamis) kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien ta’ Ġesu’ u kulħadd kien iġibhom ħafna.” (Atti 4, 33) Din interessanti: kienu jagħtu xhieda ta’ Ġesu’ u n-nies kienu jirrispettawhom.

Ħa ngħidilkom xi ħaġa. Tiftakru Ġwanni l-Battista meta kienu tefgħuh il-ħabs għax tkellem kontra l-adulterju? Tiftakruha jew le? X’tgħidilna l-Kelma ta’ Alla? Erodi, minkejja li kien tefgħu il-ħabs, kien iħobb jisimgħu. Ħa ngħidilkom ħbieb tiegħi, meta aħna nippridkaw il-verita’ u ngħidu l-affarijiet ta’ Kristu kif inhuma, anki jekk in-nies jibblafjaw, iwaqqgħulna għaċ-ċajt, ma jagħtux kas, fil-qiegħ nett ta’ qalbhom jafu li qed tgħid il-verita’. U ħa ngħidilkom ħaġ’oħra bl-Ingliż, imbagħad bil-Malti, għax bl-Ingliż toħroġli aħjar din: The higher the truth, the easier to mock. Aktar ma tgħid l-affarijiet li huma veri, aktar twaqqgħhom għaċ-ċajt id-dinja. Alla, għax huwa l-akbar verita’, faċli twaqqgħu għaċ-ċajt. Aktar ma’ ħaġa hija vera, il-bniedem iktar faċilment iwaqqagħha għaċ-ċajt. The higher the truth, the easier to mock. Meta xi ħadd iwaqqgħek għaċ-ċajt għax qed tgħid il-verita’, hi x’inhi l-verita’, verita’ ta’ Ġesu’, verita’ spiritwali, verita’ umana. Meta jwaqqgħuk għax tgħid il-verita’ taf x’għandek tgħid f’qalbek? “Jafu li għandi raġun”, mhux nibża’! Nibżgħu ngħidu s-sewwa? Nibżgħu nitkellmu dwar Alla? Meta jwaqqgħuk għaċ-ċajt għid: “jafu li għandi raġun.” L-agħar, mhux li jwaqqgħuk għaċ-ċajt. L-agħar meta jinjorawk. Meta jwaqqgħuk għaċ-ċajt, għid “il-messaġġ ħaduh: jafu li għandi raġun.” Mhux biex jgħidu li aħna għandna raġun, le; imma biex ngħinu ‘l-Ispirtu s-Santu jagħti xhieda ta’ Kristu, għeżież tiegħi.

San Pawl, isimgħu x’jgħidilna: “Jien ma nistħix mill-Evanġelu għax l-Evanġelu huwa l-qawwa ta’ Alla (Dunamis) għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li nemmnu.” (Rum. 1,16) Il-Vanġelu li qed jitkellem minnu Pawlu li ma jistħix minnu għax hu l-qawwa ta’ Alla, x’inhu? M’hijiex il-Bibbja stampata. Il-Vanġelu hija l-Aħbar it-Tajba. U x’inhi l-Aħbar it-Tajba? Li Alla jħobbna minkejja d-dgħufija tagħna, minkejja li aħna nghaxxquha. San Pawl jgħid: ”Jien ma nistħix li ngħid lill-bniedem li Alla jħobbu fid-dgħufija tiegħu, għax dak huwa l-qawwa ta’ Alla. Ejjew aħna ma nistħux. Għandna l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ġo fina. Tistħix li jwaqqgħuk għaċ-ċajt. Tistħix turi li inti temmen. Mhux biex nippikaw. Mhux biex naħsbu aħna aħjar mill-oħrajn. Aħna m’aħna aħjar minn ħadd,  pero’ nafu l-qawwa ta’ Ġesu’. Dik id-differenza li hemm. Aħna midinbin daqs kulħadd li niġu l-knisja. M’għandna xejn differenti. Aħna niżbaljaw daqs kulħadd, pero’ nafu il-qawwa ta’ Alla. Nafu l-imħabba ta’ Alla għalina. Nafu li niżbaljaw imma nafu li aħna maħbuba. Dik id-differenza. Li aħna nemmnu fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ma tagħmilnix heroes. Aħna dgħajfa imma nafu li aħna maħbuba. Tistħux, maħbubin tiegħi.

Iċċaħdux id-dinja mill-Vanġelu. Iċċaħdux intom lid-dinja minn Ġesu’ Kristu. Iċċaħdux lil uliedkom, il-familji tagħkom, il-post tax-xogħol tagħkom, l-internet, l-aħbarijiet, id-dinja tal-mezzi soċjali, il-kultura tagħna, l-isports tagħna, l-arti tagħna, id-drama tagħna. Ma nċaħdux l-ebda settur tas-soċjeta’ tagħna mill-persuna ta’ Ġesu’. Huwa biss l-unika soluzzjoni, l-unika tama: l-uniku messaġġ bis-sens li hawn fid-dinja huwa Ġesu’ Kristu, u xejn aktar. Qatt tħossukom li xi ħadd qed jiċċelinġjakom. Hija l-fidi li tiċċelinġja d-dinja, mhux id-dinja tiċċelinġja lilna. Aħna l-insara dħalna f’inferiority complex. Qisna l-imbeżżgħin meta il-Mulej tana l-qawwa biex noħorġu u nħobbu, nagħmlu s-sewwa, nagħmlu l-karita’. Jippersegwitawna, naqilgħuha; hija parti mill-ħajja, għeżież tiegħi. Huwa worth it li nibqgħu nitkellmu dwar Ġesu’ u nxandruH.

Ftakru illi aħna ngħixu fl-Ewropa b’mod speċjali imma mhux biss, allura nkluż Malta, u toqgħodux iddaħluni fil-politika f’li ħa ngħid. Din ħa nagħmilha ċara. Aħna ngħixu f’realta’ li m’hiex Kristjana. Ċara? Aħna ngħixu f’pajjiż li m’huwiex nisrani. Ċara? Hej, wake up! Aħna ngħixu f’kultura, f’Ewropa li m’hiex Nisranija. M’għandniex għalfejn noqgħodu niġġieldu. Il-Knisja, meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq Pietru u fuq Pawlu, ta’ madwarhom kienu nsara, iva jew le? Le. Kienu jgħixu fl-imperu. Min kien imexxi dak iż-żmien? Ir-Rumani. Ir-Rumani l-imperatur tafu x’kienu jgħidulu? Deus et dominus. Alla u Mulej. U l-insara qalu Alla u Mulej għalina mhux l-imperatur; huwa Ġesu’ Kristu. L-insara, jekk taqraw b’attenzjoni, (u nixtieqkom tifhmu dawn l-affarijiet) fil-bidu tal-Knisja qatt ma ppruvaw jibdlu l-liġijiet tal-istat. Qatt. Araw issibuhiex li qatt ma ppruvaw jagħmluha. L-insara li biddlu kienet il-bniedem mhux il-liġi, kif il-bniedem jgħix, kif il-bniedem jaħseb, kif il-bniedem iġib ruħu ma’ xulxin. L-insara bidlu l-kultura, imbagħad biż-żmien, wara 300 sena, inbidlu l-liġijiet għax il-liġi dejjem tirrifletti in-nies xi jridu, in-nies kif jgħixu. Il-liġijiet ħafna drabi ma jirriflettux is-sewwa. Il-liġi ħafna drabi tirrifletti: l-poplu xi jrid? Dak? Tihielu. Issa, jekk hix tajba jew ħażina, taf x’jgħidulek? Jekk hija ħażina u ma togħġbokx, inti tużahiex. Imma, għal min iridha, toqgħodx tindaħallu u tgħidlu li ma jistax jagħmilha. Vera jew le? Hekk. Tajjeb. Il-liġijiet ma jirriflettux jekk hix tajba jew ħażina. Insewhom. Dawn l-affarijiet spiċċaw. M’inix ngħid li tajjeb li spiċċaw. Dak huwa fatt. Mhux se noqgħodu niġġieldu fuq dawn l-affarijiet.

Issa rridu nsibu l-missjoni vera tagħna x’inhi. Il-missjoni tal-Knisja, tagħna li qegħdin hawn, hija li aħna niltaqgħu mal-bniedem, man-neighbours tiegħek, mal-ġirien tiegħek, ma’ sħabek tax-xogħol, ma’ sħabek fuq l-internet, ma’ sħabek meta tmur tilgħab il-futbol, meta tmur il-ground, meta tmur il-ballet, tmur il-gym, tmur il-pool, tmur tiġri, meta niltaqgħu face to face mal-bniedem u hemm inwasslu ‘l Kristu lill-bniedem. Bil-mod il-mod l-affarijiet jinbidlu fis-soċjeta’. Il-liġijiet jiġu wara. L-ewwel trid tbiddel il-kultura imbagħad il-liġi. Jitbiddel il-mod kif ngħixu, imbagħad nibdlu l-liġijiet wara. Mhux kulħadd qiegħed hekk, mela nibdlu l-liġi.

Għeżież tiegħi, aħna l-insara, il-missjoni tagħna, m’hix li mmorru nibdlu l-liġijiet. Dik tiġi wara, jekk tiġi. Niddjalogaw iva, nieħu li nistgħu għall-ġid tal-bniedem, mhux tagħna, iva, imma m’hix l-ewwel preokkupazzjoni tagħna. L-ewwel preokkupazzjoni tagħna hija li niltaqgħu ma’ kull bniedem u nwasslulu lil Ġesu’: li nfakkruh li Alla jħobbu, li nuru l-wiċċ ħanin ta’ Alla, li mmissu qalb il-bniedem bil-qawwa tal-Ispirtu. Din is-sbuħija tagħna. L-ewwel insara hekk kienu, għeżież tiegħi. Ma twildux f’kultura li temmen. Meta l-Ispirtu s-Santu niżel Ġerusalemm, lanqas kien hemm knisja waħda. Lanqas knisja waħda. Jekk tiġi bomba u teqred il-knejjes kollha ta’ Malta, so what? X’se jkun ġara? X’se jkun ġara? Ħa taqa’ l-fidi tagħna b’daqshekk? Ħa taqa’ l-imħabba ta’ bejnietna? Ħa taqa’ l-fiduċja tagħna ma’ Alla? Jekk iva, għandna problema u aħjar ineħħihomlna allura, għax qed ngħixu qoxra, falzita’. Imma jekk għandna relazzjoni vera mal-Mulej u bejnietna ta’ aħwa, hemm nibqgħu mixjin fil-ħajja tagħna, xhieda ta’ Ġesu’ Kristu.

Nixtieq, fuq dal-punt, naqsam magħkom ftit punti, 7 punti żgħar kif nistgħu nevanġelizzaw. Nevanġelizzaw iġifieri kif nistgħu nwasslu lil Ġesu’ lill-oħrajn.

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu

L-Ewwel hija li nitolbu l-Ispirtu s-Santu. Nitolbu. Ftakru x’għidtilkom l-aħħar darba. Aħna ma nistgħu nibdlu lil ħadd. Mela għidlu: Mulej iftaħ int moħħ u qalb ir-raġel, il-mara, it-tfal, lil min nixtieq. Int iftħilhom qalbhom għaliK, mhux jien.

Inkunu ta’ eżempju tajjeb

It-Tieni, inkunu ta’ eżempju tajjeb. Il-Malti jgħid ‘il-kelma tqanqal u l-eżempju jkaxkar’. U għeżież tiegħi, meta jikkritikawna illi l-eżempju tagħna, ibda minna l-qassisin, ngħidu mod u nagħmlu mod ieħor, xi drabi għandhom raġun, eh. Jiena niltaqa’ ma’ ħafna nies mhux li jitilqu l-Knisja. Jiena bil-maqlub il-Mulej tani barka. Nara ħafna nies jiġu lura u allura nisma’ l-istejjer ta’ min jiġi lura. U ġieli nisma’, mhux l-ewwel darba, riċentament, nisma’ lil xi ħadd illi daħal lejn knisja u dawn l-għorrief li jmorru l-knisja kuljum, kif rawh dana daħal u rawh bit-tpinġija qalu: “Dan x’ġie jagħmel?” Alla jiġbidhom u aħna nkeċċuhom! L-għorrief tal-Knisja dawn! Flok nifirħu! Dak ġie? Mhux xeba’ jaqlibha u jiġri ma’ nisa? Kieku taf is-sieħba tiegħu li qiegħed hawn! Iva, dak ġie. Alla lil dak ġibed. Xi drabi aħna minn ġewwa nwarrbu lil min Alla qed jiġbed u gwaj għalikom jekk tagħmlu dan! Gwaj għalikom jekk tagħmlu dan! Jien meta nkun qiegħed il-ħabs u l-Mulej imiss qalb xi ħabsi u jiġi xi ħadd jgħidli: “Eh nesa’ r-reat li għamel?” Iġifieri Alla, għax dan għamel reat, ma jistax imisslu qalbu? Ma jistax jikkonvertih? Ma jistax jagħtih din il-grazzja? Imma le. Aħna xi drabi n-nies ma rriduhomx jitbiddlu! Ngħidu li rriduhom jitbiddlu. Ara meta naqalgħu l-ħama u l-passat, x’qegħdin ngħidu hemm? Li ma rridekx titbiddel, nibqa’ ntemmalek il-passat tiegħek. Min għandu l-Ispirtu s-Santu ma jagħmilx hekk, għeżież tiegħi. Inkunu ta’ eżempju tajjeb.

Min ma jridx jisma’ s’issa, jkollu jara. Min ma jridx jisma’ l-Kelma tal-Mulej, jara l-Mulej fl-eżempju tiegħek. U b’mod speċjali, għeżież tiegħi, fil-familji agħtu eżempju tajjeb. Pero’ nixtieqkom tifhmu l-eżempju tajjeb x’inhu. L-eżempju tajjeb m’huwiex illi, qatt qalulkom tiġġildux quddiem it-tfal? Qatt qalugħilkom din? Jien xi kultant ngħidilhom iġġieldu quddiem it-tfal. Imma tiqfux hemm… u aħfru quddiem it-tfal. Inkella t-tfal kif ħa jitgħallmu l-maħfra? Il-ġlied hu parti mill-ħajja. Jekk qatt ma tiġġieldu quddiemhom, kollox minn wara darhom, x’jaħsbu dawn? Gidba hu, li l-affarijiet huma all right meta m’humiex. L-eżempju t-tajjeb m’huwiex bilfors li dejjem nagħmlu t-tajjeb, għax aħna bnedmin dgħajfa. L-eżempju t-tajjeb tafu x’inhu? Li t-tifel semgħek tiġġieled u tgħajjar ‘l ommu, imbagħad jisimgħek tghidilha, “aħfirli”. Mhux nerġgħu nirranġaw u qatt ma nitolbu maħfra lil xulxin. Dak l-eżempju t-tajjeb: li mhux biss jara l-ġlieda, imma jara l-maħfra. L-eżempju t-tajjeb huwa li meta żbaljajt, tammetti l-iżball tiegħek. Mhux qatt ma tammetti l-iżball tiegħek. L-eżempju t-tajjeb mhux li qatt ma tiżbalja, imma li tammetti l-iżball. Dan it-tip ta’ eżempju hemm bżonn li nghatu llum, għeżież tiegħi. Illum, fid-dinja tal-lum, min jipprova jilgħabha li hu tajjeb u ma jiżbaljax, ħadd ma jemmnek, ħadd ma jammirak u jgħidu li int falz: għax illum nafu li lkoll kemm aħna dgħajfin, ibda minna l-qassisin. Illum nagħtu eżempju tajjeb meta nkunu kapaċi nammettu l-iżbalji tagħna. Kemm għandna bżonnu dan l-eżempju għeżież tiegħi. Ftakru li l-kliem jintesa, imma l-eżempju jibqa’ fil-memorja. Ħafna mill-kliem ninsewh. Ħafna mill-kliem ninsewh, imma l-eżempju jibqa’ fil-qalb tagħna.

Dalgħodu mort nara saċerdot għandu 98 years. Jiena nħobb ħafna l-anzjani, il-qassisin anzjani b’mod speċjali, għax ngħid xi darba nkun bħalhom f’weelchair, f’sodda, jekk il-Mulej jagħtini l-għomor. Jiena importanti li nħares lejn it-tmiem ta’ ħajti wkoll. U qalli: “kif tarani Hayden?” dan il-Fr. Għidtlu Alla jbierek, Fr. Tiftakar ismi, moħħok tajjeb, tisma’ sew, u tara tajjeb. Għidtlu: “jien narak tajjeb”. Imbagħad għamilli waħda hekk: “U nħobb tajjeb!”, u missli qalbi! Ta’ 98 years, l-aktar ħaġa importanti għalih, dan, mhux jekk jarax tajjeb, jismax tajjeb, jaħsibx tajjeb, jidhirx tajjeb; li jħobb tajjeb, għax hemm hu l-eżempju ta’ bniedem f’weelchair jistenna l-aħħar parti ta’ ħajtu, li l-Mulej isejjaħlu, u jrid jibqa’ jħobb u jkun ta’ eżempju tajjeb għal kulħadd. U kważi kulħadd nesih.

Aħna l-qassisin tagħna meta jikbru, ejja ngħidu l-verita’, ninsewhom. Inti l-qassis li żewġek, taf x’sar minnu? Kemm-il darba mort tarah meta kiber? Il-qassisin tal-parroċċa tagħkom x’sar minnhom? Ninsewhom. Imutu waħedhom. Lanqas tkun taf. Lanqas tkun taf fejn qed jgħixu. Imma dan fl-anzjanita’ tiegħu, irid jagħti eżempju tajjeb. Xi sbuħija! Agħmluha dil-mistoqsija bħalu: Jien qed nagħti eżempju tajjeb? Ibda mill-familja tiegħi. Mill-ħabs tgħallimt ħaġa jien ħbieb. Mill-ħabs tgħallimt illi min għandu pedament tajjeb, meta jħawwad, imur lura għal dak il-pedament. Min m’għandux pedament, meta jħawwad m’għandux lejn x’hiex idur. Bl-eżempju tajjeb tkun qed tiżra’, imbagħad f’idejn Alla meta jkabbar.

Ma nibżgħux naqsmu l-esperjenza tagħna ta’ Ġesu’

It-Tielet,ma nibżgħux naqsmu l-esperjenza tagħna ta’ Ġesu’, għeżież tiegħi. Dak li l-Mulej jagħmel magħna, ma nibżgħux ngħidu jien din hi l-esperjenza ta’ Kristu fil-ħajja tiegħi. San Ġwann jgħidilna: “Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, rajna b’għajnejna, lejh ħarisna, missew idejna, dan sejrin inxandrulkom.”(1 Ġw 1. 1-4) Li dan Ġesu’ li jiena ltqajt miegħu ma nibżax nitkellem x’għamel f’ħajti. Meta qerrejt, meta tlabt, meta ġejt il-quddies, meta ġejt għall-adorazzjoni, meta smajt il-Kelma ta’ Alla.

Ma nibżgħux nitkellmu fuq il-fidi tagħna

Ir-Raba’, ma nibżgħux nitkellmu, nitkellmu fuq il-fidi tagħna. Pero’ biex nitkellmu fuq il-fidi tagħna għandna bżonn niffurmaw ruħna. Għeżież tiegħi li tgħallimt meta kont għadek il-MUSEUM jew id-duttrina meta kont żgħir, huwa tajjeb, imma mhux biżżejjed għaż-żminijiet tal-lum. Inti l-ikel li kilt meta kont żgħira jgħodd għal-lum? Żammek ħaj sal-lum, imma ma tgħidx: “meta kont żgħira jien kilt, ta: issa ma nikolx. Le, trid tiekol l-ikel ta’ issa. Aħna xi drabi, għeżież tiegħi, qatt ġralkom dan? Jigi xi hadd jgħidli: “imma, Fr.. it-tfal, kemm ilhom li daħlu l-universita’ m’għadhomx jemmnu. Ġew b’ħafna mistoqsijiet u ħafna dubji.” U jien ngħidilhom: “Huma għandhom il-mistoqsijiet u d-dubji; inti tgħallimt it-tweġiba?” Għax xi drabi aħna bqajna, kbirna imma bqajna, żgħar. Bqajna tfal fil-fidi tagħna. Biex nitkellmu dwar il-fidi tagħna għandna bżonn inkunu ffurmati kontinwament. Irridu nieħdu l-formazzjoni nisranija tagħna bis-serjeta’. M’għandix għalfejn nibżgħu mix-Xjenza! Nibżgħu mit-Teknoloġija! Nibżgħu li aħna mdawrin minn reliġjonijiet differenti! Nibżgħu li aħna mdawrin minn realtajiet differenti. Għandna bżonn nitgħallmu kif ngħixu f’dawn ir-realtajiet. Għandna bżonn nitgħallmu kif inwieġbu għax illum għandna mistoqsijiet li qabel ma kelniex. “Imma aħna ġejna mix-xadini? Adam u Eva vera?” Infittxu tweġibiet għal dawn. Ma nibżgħux li jistaqsuhomlna; imma rridu nkunu ffurmati, għeżież tiegħi.

Nagħmlu l-parti ċkejkna tagħna

Il-Ħames, meta qed nevanġelizzaw, inxandru lil Ġesu’,nagħmlu l-parti ċkejkna tagħna. Inti agħmel il-parti żgħira tiegħek ma’ dik il-persuna, imbagħad Alla jkompli permezz ta’ xi ħadd ieħor. Ma jfissirx li int se tikkonverti lil uliedek. Inti agħti l-eżempju u xi ħadd ieħor lanqas tkun taf kif jużah. M’ilux, f’waħda mil-laqgħat tagħna, hekk, irċevejt messaġġ u vera kien sabiħ. Insejt il-persuna. Forsi qegħdin hawnhekk. Waħda mara bgħatitli biex nitlob għat-tifel tagħha u ġiet fil-laqgħa titlob għat-tifel tagħha. Meta toħroġ hemm fejn il-bieb, issib lit-tifel tagħha illi ġabu ħabib tiegħu. Mur obsor! Int agħmel il-parti żgħira tiegħek u afda f’Alla, il-qawwa tiegħu. It-tifel tiegħek ħa jsibu hu, jaf fejn għandu jsibu. Jaf b’min għandu jinqeda, imma xi kultant inħossuna, la ma rnexxilix jien, donnu mhu ħa jirnexxilu ħadd. Jekk lil ibni mhux se nikkonvertih jien, ħadd ma hu se jikkonvertih. Jekk lil żewġi mhux ħa …, ħadd. Int agħmel il-parti żgħira tiegħek u afda fil-Mulej li jagħmel Hu, li jsib Hu lil ibnek. Aħna nagħmlu l-parti ċkejkna tagħna.

Isibu t-tajjeb fil-persuni

Is-Sitta, isibu l-persuni t-tajjeb fihom. Nibnu fuq it-tajjeb li hemm fil-bniedem. Jekk nibnu fuq il-ħażin u dejjem insemmgħu l-ħażin, se nibnu fuq il-ħażin. Darba San Pawl mar Ateni jippriedka, u qabel jippriedka qagħad idur dawra. Jiena ġieli nagħmel hekk meta nkun barra. Indur ftit l-ambjent, nara tolqotnix xi ħaġa, umbagħad nużaha f’xi omelija. Ma tkunx taf il-post u l-pajjiż. U darba qalilhom: “Ara, jiena u ndur u nara, intom in-nies ta’ Ateni li temmnu f’ħafna allat, allat foloz, għandkom altar iddedikat għal alla mhux magħruf.” Qalilhom: “jiena dwar dak li ġejt inkellimkom; dan alla li mhux magħruf.” X’għamel San Pawl? Qabad ħaġa tajba fihom u bena fuqha. Ara x’hemm tajjeb f’martek, f’żewġek, f’uliedek, f’sħabek u ibni fuq it-tajjeb li diġa’ hemm għax dak it-tajjeb huwa l-ħidma ta’ Alla fihom. Noqgħodu attenti illi xi drabi ma narmux kollox fin-nies. Kollox ħażin! Kollox ħażin! Let’s face it, jekk ma jiġux il-knisja jiġifieri dawn kollox ħażin? Le! Għandhom affarijiet tajbin. Kapaċi jħobb il-missjoni. Kapaċi jħobb il-foqra. Kapaċi jħobb jgħin lin-nies. Kapaċi għandu qalbu tad-deheb. Ibni minn hemm. Ejjew nidħlu ma’ xulxin mit-tajjeb li hemm, anki fiż-żwieġ. Biex tiġbed lil żewġek, lil martek lejn Alla, ma tibdiex billi tgħid: “għax illum il-Ħadd u ma mortx il-quddies!” Jekk tagħmel hekk, aktar ma jiġix! Ma tibdiex hekk! Idħol mit-tajjeb tal-bniedem. San Pawl hekk kien. Min għandu l-Ispirtu s-Santu għandu din il-qawwa li jibni fuq is-sewwa.

Ma neskludu lil ħadd mill-imħabba ta’ Alla

U s-seba’ ħaġa unagħlaq bija hija li ma neskludu lil ħadd mill-imħabba ta’ Alla. Jekk trid tistieden lil xi ħadd għal xi laqgħa għal xi eżerċizzi, biex jara vidjo, jara klipp, stieden lil xi ħadd li taħseb li se jgħidlek le, mhux li ħa jgħidlek iva. Għax ara moħħna kif jaħseb: min naħseb li jgħidli le, qtajtu ‘l barra diġa’. Irridu naħdmu bil-maqlub. Lil min taħseb li jgħidlek le, trid tmur tistieden, għax aħna ma nistgħu nwarrbu lil ħadd din l-istedina u din l-aħbar li Ġesu’ għandu għall-bniedem li jrid ilaqqgħu miegħu. Jekk ma jridx iwieġeb hi kwistjoni oħra, imma aħna ma nistgħu naqtgħu lil ħadd ‘il barra. Anki fil-laqgħat li jkollna ta’ kull xahar, ngħidilkom stiednu lil min taħseb li sa jgħidilkom le u xi darba tkunu sorpisi li min taħseb se jgħidlek le, jgħidlek iva. U hemmhekk tara l-mirakli. Tara d-Dunamis, tara l-qawwa ta’ Alla. Imma aħna nibqgħu fil-comfort zone tagħna. Nibżgħu li xi ħadd jgħidilna le. Hemmhekk mur jekk irridu naraw il-qawwa tal-Ispirtu taħdem. Din hija l-qawwa ta’ Alla. Mhux ngħixu fil-biża’, għeżież tiegħi.

Mela rajna illi l-Ispirtu s-Santu jeħlisna minn dil-biża’ li nibżgħu minn Alla, minflok nafdawh; mill-biża’ mid-dgħufija tagħna, minflok nemmnu fil-qawwa ta’ Alla taħdem fid-dgħufija tagħna; li jeħlisna mill-biża’ tax-xitan, u tghinna l-qawwa kontrih; u jeħlisna mill-biża’ li nixhdu għal Kristu biex nagħtu xhieda ta’ Kristu. Kien hemm tlett beżghat oħra, imma sar il-ħin u mhux se nsemmihom. Ħa nagħlqu billi nitolbu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tinżel fuqna permezz tat-talba tal-Veni Creator. Ejjew nitolbuha flimkien minn qalbna u ħa nitolbuha b’dil-konvinzjoni: illi jinżel fuqna l-Ispirtu tal-Qawwa illi jeħlisna mill-Ispirtu tal-biża’.

Ħallieq ta’ kollox, ejja,
o Spirtu, żur lil ruħna:
bil-grazzja tiegħek fawwar
il-qlub maħluqa minnek.

Int Difensur u Faraġ,
id-don ta’ Alla l-Għoli,
għajn ħajja, nar, imħabba,
u qawwa tar-ruħ tagħna.

Int turi l-qawwa t’Alla
bis-seba’ doni tiegħek:
int mill-Missier imwiegħed
biex tagħti l-kliem lil fommna.

Mexxina fid-dawl tiegħek,
bi mħabbtek imla qalbna,
bil-qawwa tiegħek wettaq
il-ġisem dgħajjef tagħna.

Biegħed minn fostna l-għadu,
fis-sliem għal dejjem żommna;
jekk int quddiemna timxi,
neħilsu minn kull deni.

Kun fina, w bid-don tiegħek
nagħrfu l-Missier u l-Iben
u nemmnu b’fidi sħiħa
li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

Mur għar-4 Taħdita

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s