La tibżax!: Il-ħabsi, il-vittma u s-soċjeta’

Is-Sibt, 19 ta’ Marzu 2022: Omelija fil-festa ta’ San Ġużepp fil-kappella tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Nixtieq, għeżież tiegħi, nieqfu fuq kelma waħda biss, illi l-anġlu jgħid lil San Ġużepp u narawha u napplikawha għal diversi aspetti għalina li qegħdin hawnhekk; imma mhux għalina biss. San Ġużepp fil-ħolm tiġih dil-ħolma. Aħna, l-fatt li qegħdin hawn ma jfissirx li xi ħadd jista’ jżommna milli noħolmu l-futur tagħna. Aħna m’aħniex kundannati għall-iżbalji tagħna fl-eternita’, għal dejjem. Qegħdin hawnhekk, għeżież tiegħi, biex nisimgħu il-Kelma wkoll li aħna rridu nkomplu noħolmu l-futur tagħna. Noħolmu l-futur tagħna la noħorġu minn hawn; noħolmu l-futur tagħna, għeżież tiegħi, illi ħadd ma jista’ jżommulna. L-unika persuna li tista’ żżommu huwa int stess.  Għalhekk il-Mulej qed jgħidlek kelma llum “Kuraġġ!” Agħti kuraġġ lilek innifsek, anke jekk xi ħadd iżommlok il-ħolm tiegħek fil-ħajja. Illum Alla qed jeħilsek, qed jilliberak. Ibqa’ miexi u taqtax qalbek: għandek futur.

San Ġużepp ħassu death end f’dan il-mument imma l-Kelma t’Alla tiftaħlu futur fil-ħajja tiegħu. Hemm tama. “La tibżax!”, qallu l-anġlu “tieħu lil Marija tqila b’Ġesu’, dak li jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. Ġesu’ hekk ifisser: Salvatur. Illum din il-festa lilna trid tgħidlina din il-kelma li rċieva Ġużeppi. La tibżax taċċetta lil Dak li jrid jaħfirlek, dak li jrid jaħfer id-dnubiet tiegħek, lil Ġesu’ Kristu! La tibżax taċċetta li inti maħfur. Xi drabi hawn min ma jiħux pjaċir jarana maħfura fil-ħajja. Hawn min jieħu pjaċir jibqa’ jgħakkisna bl-iżbalji li għamilna. Kristu m’huwiex hekk. Il-Mulej illum irid jilliberana mill-jasar li jista’ jkollna f’moħħna u f’qalbna.

Xi drabi hu li aħna li ma naħfrux lilna nfusna, għeżież tiegħi. Illum irridu naċċettaw lil Ġesu’ li kif hu jaħfer lilna, aħna rridu naħfru lilna infusna fil-ħajja tagħna. “Tibżax fil-ħajja tiegħek” tfisser anke illi taffronta l-ħajja kif inhi. Ma nibżgħux naffrontaw l-iżbalji tagħna. Il-bniedem li jibqa’ jaħrab mill-iżbalji tiegħu, il-bniedem li jaħrab minnu innifsu, qatt ma jsib il-paċi; jibqa’ dejjem il-maħrub. Imma l-bniedem kapaċi jaffronta r-realta’. Ġużeppi kien bniedem li r-realta’ kien jaffrontaha, ma jaħrabx minnha. Hawn dis-sitwazzjoni, rrid inħares lejha. Fil-ħajja tagħna rridu ngħidu “naffrontaw il-passat tagħna”, imma mhux biex neħlu fih. Irrid ngħid minn issa ‘l quddiem fil-ħajja tiegħi: “Il-passat ma nistgħux nirranġawh, imma minn issa ‘l quddiem huwa f’idejna.” Ġużeppi jaffronta r-realta’. Ejjew ma nibżgħux, għeżież tiegħi, naffrontaw ir-realta’ tagħna: fejn hemm bżonn nitolbu maħfra, nitolbuha; fejn hemm bżonn nindmu, nindmu; fejn hemm bżonn nibqgħu mixjin, nibqgħu mexjin u ma neħlux, la mal-passat u lanqas mall-iżbalji tagħna.

Din il-frażi “La tibżax!”, għeżież tiegħi, San Ġużepp irid jgħidha lilna kif semgħha hu. Pero’, llum, “La tibżax!” nixtieq, ġaladarba hawn min qed isegwina li mhux magħna, nixtieq nghidha wkoll lil żewg kategorji ta’ persuni oħra li qegħdin isegwu. Nixtieq ngħid “La tibżgħux!” lil dawk li huma vittmi ta’ reati kriminali, ta’ żbalji.

Aħna li qegħdin hawn taħsbux li ma jinteressaniex minn min hu vittma tal-iżbalji tagħna. Jiena li niltaqa’ ma’ tant persuni hawnhekk, naf li fil-maġġoranza hemm mument li jinteressahom mill-iżbalji u min-nies li weġġgħu u ferew. Lil min hu mweġġa’ u ferut, ngħidilkom ukoll, “La tibżgħux!” U l-ewwel tibżgħux tfittxu ġustizzja, għax il-ġustizzja vera  tfejjaq. Persuna li hija vittma, persuna li hija mweġġa’ tibżax, tfittex ġustizzja, għax ġustizzja tfejqek. Pero’, mal-ġustizzja ngħidilkom ukoll “tibżgħux taħfru”, anke jekk int vittma ta’ żball, ta’ reat, tibżax taħfer, għax ġustizzja mingħajr maħfra faċilment issir vendikazzjoni, u aħna ma rridu vendikazzjoni minn ħadd: la minn min hu vittma u lanqas minn min hu l-aggressur. Ma rridu nivvendikaw ruħna minn ħadd, għax meta nivvendikaw ruħna niġġenneraw biss odju fis-soċjeta’ tagħna. U allura, iva, jekk inti mweġġa’, fittex ġustizzja. Imma, bħala Nisrani, ngħidlek f’isem il-Mulej, fittex ukoll li taħfer, għax il-maħfra tfejjaq, daqskemm tfejjaq il-ġustizzja. U l-maħfra tfejjaq u tipprevjeni l-ġustizzja milli ssir vendikazzjoni.

“Tibżax!” ngħidha wkoll f’dan il-mument lil min hu responsabbli jagħmel ġustizzja fil-qrati tagħna. Billi nagħmlu ġustizzja vera, ġustizzja bla dewmien, ġustizzja ma’ kulħadd, mingħajr uċuħ u mingħajr favuri. Tibżgħux, min hu responsabbli, jkun ġust fil-verita’ fis-soċjeta’ tagħna.

“Tibżgħux!” nixtieq ngħidha wkoll għeżież tiegħi lis-soċjeta’ sħiħa tagħna, is-soċjeta’ li tibda minn hawn, għax aħna parti mis-soċjeta’. Min qiegħed hawn mhux maqtugħ mis-soċjeta’; aħna s-soċjeta’. Pero’ ngħid ukoll lis-soċjeta’ illi tgħix barra minn hawn, “La tibżax!” tkunu differenti; tibżgħux tagħmlu kummenti li m’humiex ta’ ġudizzju u kundanna fuq min hu qiegħed hawn; tibżgħux tmorru kontra l-kurrent u ma tiktbux “nagħlqu ċ-ċavetta u narmuha”; tibżgħux ma tiktbux dawn l-affarijiet; tibżgħux tagħtu ċans lil min qiegħed hawn li jirrijabilita ruħu fis-soċjeta’; tibżgħux tagħtu ċans ta’ xogħol ‘il min qiegħed hawnhekk; tibżgħux toħorġu l-pożittiv; u titkellmu fit-tajjeb dwar persuni li qegħdin hawnhekk magħna; tibżgħux tkunu soċjeta’ li kapaċi tilqa’ lura lil min żbalja.

Aħna b’saħħitna bħala soċjeta’ daqskemm nagħtu spazju lil min żbalja. Soċjeta’ li ma tagħtix spazju lil min żbalja, titlef il-qawwa tagħha. Is-soċjeta’ hija fil-qawwa tagħha daqskemm hi kapaċi tgħożż u tagħti spazju l-iktar nies dgħajfin, ibda mit-tarbija fil-ġuf, tkompli fl-anzjan li wasal biex imut u fil-persuni li żbaljaw, li wħud minnhom qegħdin hawn u wħud minnhom m’humiex hawn għax ma nqabdux.

Għeżież tiegħi, San Ġużepp hu bniedem b’saħħtu, jagħti ċans fil-ħajja tiegħu. Marija ma żbaljatx pero’ hu ma fhemhiex. Imma jagħtiha ċans, jagħti ċans lil Alla fil-ħajja tiegħu biex ikellmu; jagħti ċans lit-tarbija Ġesu’ biex tgħix; jagħti ċans li dan il-mument ta’ fraġilita’ fil-ħajja tiegħu jsir mument t’Alla. Ejjew mill-qalb, għeżież tiegħi, lkoll kemm aħna, ilkoll kemm aħna li qegħdin insegwu, llum naddottaw il-frasi, illi San Ġużepp irċieva: “La tibżax!”

Minn hawn u ftit ieħor se nitqarbnu; ħa nirċievu lil Ġesu’; ħa nirċievu l-qawwa tiegħu għax faċli tgħid, “la tibżax!” Il-biża’ twaħħlek, il-biża’ tipparalizzak, il-biża’ ma tħallikx timxi, il-biża’ ma tħallikx tara tajjeb. Imma bil-qawwa ta’ Ġesu’ ġewwa fina, aħna li nemmnu għandna tama li ħadd ma jista’ jeħodhielna.  Minn qalbi ngħidilkom, għeżież ħuti, la tibżgħux! U tħallu lil ħadd jisirqilkom it-tama li l-Mulej illum qiegħed jagħtikom f’din il-festa ta’ San Ġużepp.

Ibqgħu mexjin, kunu fil-Verita’, il-Verita’ teħlisna. Kristu huwa magħna u man-naħa tagħna, anki fl-iżbalji tagħna biex jagħtina tama ġdida, biex jaħfer in-nuqqasijiet tagħna. Noħorġu minn din l-Ewakristija, għeżież tiegħi, persuni tassew imġedda, b’kuraġġ fil-qalb tagħna, il-mixja u l-ħajja tagħna tkompli.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s