It-2 taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 – Dunamis

Il-Ħadd, 13 ta’ Marzu 2022: It-Tieni taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 mmexxija minn Fr Hayden. It-tema hija Dunamis: Il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tan-nisrani. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Kieku, għeżież tiegħi, tkunu ma’ xi ħadd illi f’għajnejkom huwa importanti, huwa prezzjuż, u jgħidlek: ”Isma’, ħa jkolli mmur, ħa nitlaq jien”. U inti tibda timmissjah għax huwa importanti għalik u għażiż. Imbagħad jgħidlek: “Isma’, li jiena mmur jaqbillek, jiswa lilek, għax min se jiġi minfloki huwa ħafna importanti, iktar minni kważi. X’feeling tagħtik?

Din hija l-esperjenza li għamlu l-Appostli fl-aħħar Ċena. Isimgħu Ġesu’ x’jgħidilhom: “Ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għax jekk ma mmurx, id-Difensur, li hu l-Ispirtu s-Santu, ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħatulkom.” Araw Ġesu’ b’liema mod, għeżież tiegħi, iħejji lill-Appostli u lill-Knisja biex tilqa’ dan id-don tal-Ispirtu Qaddis t’Alla. Jiġifieri Ġesu’ nnifsu jgħidilna: “jaqblilkom li jiena nitlaq; jaqblilkom li lili ma tibqgħux tarawni fil-ġisem.” Minn jaf kieku aħna, għeżież tiegħi, ngħidu, “kemm kont nixtieq dak iż-żmien, li ngħix fi żmien Ġesu’, li kont naraĦ, noqgħod bilqiegħda miegħu, nitkellem miegħU, nisimgħU, naraĦ ifejjaq, naraĦ jippriedka, nara x’kien jagħmel. Ġesu’ qalilna: “Isma’, jaqblilkom li ma tibqgħux tarawni b’dan il-mod, għaliex meta jiena ma nibqax ngħix magħkom hekk, se nibgħat l-Ispirtu s-Santu fuqkom.”

Jaqblilna. Araw, għeżież tiegħi, kemm hu importanti dan l-Ispirtu Qaddis li fuqu qegħdin nirriflettu matul dawn l-Eżerċizzi u nitolbu l-Mulej jimliena bil-Qawwa kollha tiegħu. Ftakru li l-aħħar darba rajna x’inhu l-iskop li aħna Nsara, u nixtieq nerġa’ nsemmieha u nibqa’ ntambarha din, sakemm tkun ċara f’moħħna: li aħna Nsara, l-iskop mhux li ngħixu nies ta’ ħajja tajba, għax tista’ tkun ma temminx u tgħix ħajja tajba. Tista’ tkun Musulman, tista’ tkun Ateju, tista’ tkun Buddista, tista’ tkun ma nafx x’hiex… u tgħix ħajja tajba. Tista’ ma tersaqx lejn il-Knisja u tgħix ħajja tajba: ma tidgħix, ma tisraqx, ma toqtolx, ma tagħmilx ħsara. Il-fatt li aħna Nsara, l-iskop tal-ħajja Nisranija huwa li nkunu mimlija b’Alla, mimlija bl-Ispirtu Qaddis t’Alla. Li aħna dal-ġisem tagħna, moħħna, qalbna, ruħna, ġisimna, l-emozzjonijiet, il-ħsibijiet — dak kollu li huwa jien — Alla jrid jiġi jgħammar fih.

Jekk tridu eżempju ta’ min hu Nisrani; jekk tridu immaġni li ħa tifhmuha mill-ewwel; immaġni ta’ kif inhu n-Nisrani, jiena ma nsibx aħjar minn ta’  mara tqila, Pregnant Woman. Meta mara toħroġ tqila — u jien ma nafx x’jiġifieri, imma intom in-nisa li wellidtu tafu u tistgħu titilgħu hawnhekk u tippriedkaw ħafna aħjar minni dwar hekk — ħajtek iddur mat-tarbija li hemm ġewwa fik; ħajtek iddur magħha. Inti f’daqqa waħda tilqa’ d-don ta’ ħajja ġdida fik u ma tgħidx: “u hija, għandi ħajja ġdida fija u nibqa’ għaddejja qisu dil-ħajja m’hijiex hemm. Sfortunatament, jista’ jkun hemm min jagħmel hekk, imma normalment, sija meta kont naħdem fl-isptar u sija fil-kuntatt tiegħi man-nies bħala saċerdot, meta xi ħadd joħroġ pregnant ħajtu titbiddel: attent x’jiekol, attent għall-mistrieħ tiegħu, attent x’jiġri ġewwa fih, attent għar-rutina, attent għal kollox. Għaliex? Ħajtu minn barra titbiddel, għax hemm ħajja ġdida fih.

Issa, għeżież tiegħi, aħna hekk suppost aħna, bħal dil-mara tqila: li aħna, tant aħna mimlijin b’Alla, jekk aħna konxji, li ħajjitna suppost titbiddel madwar dil-Preżenza li nġorru ġewwa  fina. Din hija l-ħajja Nisranija. M’hijiex kwistjoni ta’: “Din tajjeb? Din ħażin? Safejn nista’ nagħmel hekk biex ma nagħmilx dnub?” Qatt irraġunajtu hekk, forsi? Safejn nista’ nagħmilha u m’hix dnub dil-ħaġa, Fr? Xi kultant iż-żgħażagħ jiġu jieħdu parir, anke fuq affarijiet sesswali: “Safejn nista’ nasal u ma niżbaljax?” Qatt saqsejtuha intom forsi? Mhux il-punt: il-ħajja tagħna titbiddel madwar preżenza; u ninsisti li din hija l-aktar ħaġa li għandna nieqsa fil-Knisja; l-iktar ħaġa li għandna nieqsa anke fil-predikazzjoni tagħna. L-iktar ħaġa li għandna nieqsa fl-għarfien tagħna.

Intom li qegħdin hawn, saqsu lilkom infuskom: “Kemm inti konxju li inti qed iġġorr preżenza ġewwa fik?” Xi kultant jista’ jkun, bħal mara li tinqabad tqila u fl-ewwel jiem forsi għadha ma ndunatx li tqila, imma dik it-tarbija ġa kienet fiha. Aħna, xi wħud minna, għadna hekk: għandna dil-preżenza t’Alla, l-Ispirtu Qaddis t’Alla fina, u għadna m’aħniex konxji. Dawn l-Eżerċizzji huma l-mumenti meta rridu niġu konxji ta’ dil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu li qiegħed fina. Kulfejn immorru, aħna l-Insara nġorru l-preżenza t’Alla. Kullimkien, amazing!

Tiftakru meta konna żgħar– jiena niftakar meta konna mmorru l-Katekiżmu, jiena kont immur l-M.U.S.E.U.M — u kienu jgħidulna l-mistoqsija, Alla fejn jinsab? X’kienet tkun it-tweġiba? “Fis-sema, fl-art u kullimkien.” Mingħajr ma ngħid li jiena xi bniedem għaref u xi supperva, kieku jiena nżid waħda: “Fis-sema, fl-art u kullimkien …u fina”. Sfortunatament, m’għamlulniex dak l-enfasi biżżejjed: li Alla lill-imgħammed qiegħed fih! Dan huwa l-kobor tagħna, għeżież tiegħi, il-kobor tagħna. U nixtieqkom, anke issa, għal ftit mumenti, hekk: a għlqu għajnejnkom ftit sekondi, insew dak kollu li hemm fikom, li għaddejtu u li qegħdin tgħaddu minnu u agħmlu dan l-Att ta’ Fidi: “L-Ispirtu s-Santu jgħammar fija.  Jiena t-Tempju tal-Ispirtu Qaddis t’Alla. Dil-Qawwa t’Alla, din id-Dunamis qiegħda fija.”

L-aħħar darba rajna Marija x’tgħallimna dwar l-Ispirtu s-Santu; rajna li Marija l-Ispirtu s-Santu jiftħilha ħajjitha għal Ġesu’; rajna li f’Marija l-Ispirtu s-Santu jnissel fiha l-fiduċja ta’ ulied. Għalhekk, fuq il-Kalvarju, tiftakru, immeditajna kemm toqgħod siekta u rajna li lil Marija, l-Ispirtu s-Santu jgħaqqadha mal-Appostli biex titlob għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Għax l-Ispirtu s-Santu nesperjenzaw il-Qawwa tiegħU, nidħlu f’relazzjoni miegħU, daqskemm nitolbu. Mhux bil-magic.

San Pietru

Illum nixtieq nieħdu figura oħra mill-Vanġelu, il-figura ta’ San Pietru. U ħa naraw San Pietru x’jista’ jurina dwar kif jaħdem l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna, din il-Qawwa, din id-Dunamis li Ġesu’ wiegħedna. U f’San Pietru nixtieq illi nimmedittaw flimkien l-ewwel aspett (imbagħad naraw naslux għat-tieni wieħed): l-indiema. Ħa naraw kif l-indiema vera huwa l-Ispirtu s-Santu li jqanqalha fina. U l-ewwel ma nixtieq nibda huwa dan:

Kif tafu aħna għandna erbgħa Vanġeli: Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni. Fl-erbgħa Vanġeli, aħna għandna d-dnub ta’ Pietru, id-dnub tal-ewwel Papa. Mhix sabiħa din? Il-Knisja ma tibżax mid-dnubiet tal-qassisin tagħha. Il-Knisja ma tibżax mid-dnubiet tal-mexxejja tagħha. Tant ma tibżax li qegħdin miktuba: ma tistax taqra l-Vanġelu u ma ssibx id-dnubiet ta’ Pietru. Il-Knisja qatt ma ħbiethom; il-Knisja ma tiskandalizzax ruħha li minn ġewwa stess, xi drabi anke l-mexxejja, jidinbu u jidinbu gravi. Ma tibżax, fil-Vanġeli qegħdin miktubin. Jiena qabel ma nqerr personalment tgħidx kemm tikkunslani ngħid fil-Vanġelu hemm id-dnubiet tagħna il-qassisin: il-Knisja ma taħbihomx.

Aħna ngħidu li Pietru kemm-il darba ċaħad lil Ġesu’? Hello! Tlett darbiet. Nixtieq nurikom mill-Vanġelu skont San Luqa, eżattament Pietru x’ċaħad. Għax ma ċaħadx eżattament lil Ġesu’ tlett darbiet. Nisimgħuhom kull sena dawn l-affarijiet fil-Ġimgħa l-Kbira, imma nixtieq li nidħlu fil-profond u naraw Pietru x’ċaħad eżatt.

L-Ewwel Ċaħda:

Fl-ewwel ċaħda, Pietru, iva, jiċħad direttament il-persuna ta’ Ġesu’. Isimgħu lil San Luqa: “Imma kif kien qiegħed bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: “Dan ukoll kien miegħU!” Iżda hu ċaħad u qalilha: “Mara, anqas biss nafU!”

Pietru hawnhekk, għeżież tiegħi, jiċħad totalment illi jaf ‘l Ġesu’. Issa, jekk nidħlu ftit fil-fond fil-Vanġelu, din il-mara biex akkużatu lil Pietru? Hi akkużatu: “Dan kien miegħU!” U Pietru jgħid: “Jiena ma nafUx!” Għalfejn hija akkuża serja li din il-mara tagħmel lil Pietru: “Dan kien miegħU”?  Kieku jkollkom ċans taqraw il-Vanġelu ta’ San Mark, kapitlu 3, tinnutaw kif meta Ġesu’ għażel lil Pietru flimkien mall-Appostli, il-missjoni illi tah kienet din: għażilhom biex joqgħodu miegħU u jibgħathom jippriedkaw. Mela din il-mara kienet għaqlija: lil Pietru mhux qed tgħidlu tafUx, lil Pietru qed tkellmu: “you guy! Inti ġejt magħżul għal dil-ħaġa li tkun miegħu; din il-missjoni tiegħek, din hi l-identita’ tiegħek.” U Pietru jgħid, “le, ma nafUx!”’

Pietru, meta qed jiċħad lil Ġesu’, qed jiċħad il-missjoni tiegħU stess. Dan bħal meta inti tiċħad lil martek jew lil żewġek — u int miżżewweġ fil-Knisja — m’intix biss tiċħadha, tagħmel adulterju, imma qed tiċħad il-missjoni tiegħek, għax intom il-miżżewwġin għandkom missjoni fil-Knisja.

M’ilux żewwiġt koppja li t-tema tagħhom kienet Lux Amoris – Id-Dawl tal-Imħabba. Propju għaliex għarfu li jrid ikollhom missjoni fi ħdan il-Knisja, illi jkunu d-dawl tal-imħabba. Mhux l-imħabba li tingħalaq bejniethom, imma li ssir missjoni għall-oħrajn. Meta inti tiċħad iż-żwieġ tiegħek, inti tiċħad il-missjoni li Alla qed jafdalek. Jiġifieri, din ta’ Pietru hawnhekk kienet gravi, eh! Pietru ċaħad mhux biss li lil Ġesu’ jafu. Ċaħad is-sejħa tiegħU, ċaħad il-vokazzjoni tiegħu. Hi, guys: tafu kemm kienet serja? Kienet serja: ċaħdu, mhux qal, “Le! lil Ġesu’ ma nafux jiena”, u daqshekk. Ċaħad is-sejħa totali. Aħna wkoll nistgħu ngħaddu minn hekk, minn dal-mumenti, għeżież tiegħi. Nistgħu ngħidu jiġu mumenti illi… eqq, eqq,eqq… jippruvaw jgħadduna biż-żmien, jidħku bina mqar għax trodd salib fuq il-mejda tal-ikel, x’imkien, jew fuq tal-linja, jew qed tistenna x’imkien, u jwaqqgħuk għaċ-ċajt, u tistħi, tieqaf. ‘L-Mulej tiċħdU bis-skiet, mingħajr ma tgħid xejn. TiċħdU.

It-Tieni Ċaħda:

Pietru, t-tieni ċaħda tiegħu, l-istess f’San Luqa: “Wara ftit rah xi ħaddieħor u qallu: “Int ukoll wieħed minnhom.” Imma Pietru wieġeb: “Le, sieħeb, m’inhix.”

Ġesu’ fiex daħal fit-tieni waħda? Aħna mhux tlett darbiet ngħidu ċaħad lil Ġesu’? It-tieni waħda, it-tieni ċaħda, x’kienet l-akkuża fuq Pietru? “Int wieħed… Hello! Int wieħed… minnhom. Minnhom min huma? It-tnax, hija l-Komunita’, hija l-Knisja, u Pietru jgħid, “Le, m’inhix.” Tistgħu tifhmu kemm kienet gravi? L-ewwel ċaħad lil Ġesu’; ma’ Ġesu’ ċaħad il-missjoni tiegħU; issa ċaħad lill-Knisja. L-ewwel Papa dan, tafux!

Iġifieri, isma’,  jekk in-neputi, in-neputija tiegħek, uliedek, martek u żewġek ma jridux jafu bil-Knisja, Ikkonsla. Għid l-ewwel Papa hekk kien… għadda minn mument u qal, “Jien m’inhix parti minnhom dawk.” Din kienet it-tieni waħda. Ġesu’, lanqas jissemma’ fiċ-ċaħda. Qalulu, “Int wieħed minnhom.” “Le, m’inhix minnhom jiena!” Tistgħu timmaġinaw intom, imma ppruvaw immaġinawhom dawn, ippruvaw idħlu fihom b’qalbkom, bl-emozzjonijiet tagħkom. Tistgħu timmaġinaw, Pietru x’wiċċ tost kellu jkun illi l-ewwel jiċħad lill-bqija tal-Appostli mbagħad imur jippoppa sidru għax hu l-Papa, l-ewwel wieħed, eh! Taħsbu li kienet faċli għalih l’issa jmur lura? Veru kien prużuntuż u forsi kienet faċli, ma nafx. Ma taħsbu li kienet faċli għall-oħrajn li jaċċettawh? Li jaċċettawh lura u jaċċettawh lura bħala l-‘leader’ uman tagħhom, il-mexxej tagħhom?

Aħna wkoll nistgħu naqgħu f’din iċ-ċaħda li għamel Pietru, iċ-ċaħda li jiena m’inhix parti mill-Komunita’, jiena m’inhix parti minn dik il-parroċċa tiegħi, m’inhix parti mill-Knisja, m’inhix parti mill-Komunita’ tal-familja tiegħi. Jiena m’hemmx għalfejn noqgħod immur il-Knisja biex nitlob: Alla ma jismagħnix inkellmu waħdi? Jiena m’inhix parti mill-oħrajn.

Din hija ċ-ċaħda li anke fi żminijietna għandna, it-tieni ċaħda li wħud waqgħu fiha,  u jista’ jkun li anke aħna f’xi mument naqgħu fiha. Jiena m’inhix parti miż-żwieġ, m’inhix parti mill-familja, m’inhix parti mill-Knisja, jiena għandi Alla għalija, Alla tiegħi. Jiena u Hu all right :il-bqija daqshekk.

It-tieni ċaħda li għamel Pietru kemm hu faċli li aħna nagħmluha: m’inhix parti minnhom. U ħa ngħiduha kif inhi: irridu l-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex xi drabi nibqgħu ngħidu li aħna parti minn Knisja, minn Komunita’, li xi drabi tiżbalja. Let’s face facts, illum il-ġurnata li tgħid li jiena Nisrani, jien Kattoliku u tisma’ b’aħbarijiet ta’ skandli, ibda minna tagħna l-qassisin, u tibqa’ tgħid jiena parti minn din il-Knisja. Dażgur li trid il-Qawwa t’Alla biex tagħmilha! Hija iktar faċli tgħid, “jien ma għandix x’naqsam. Iħawwdu huma u jaraw huma x’għamlu,” milli tibqa’ tgħid “imma l-Mulej sejjaħli, jien ma neħilx mall-iżbalji ta’ min imexxi, imma jiena nibqa’”. Taħsbux illi faċli biex ngħid jiena parti minnhom.

Tentazzjoni dejjem tkun: “Jien m’inhix parti minnhom”. Pero tafu xi tkun qed tgħid meta tagħmel hekk? Tkun qed tgħid illi inti aħjar. Għax il-Knisja hija l-Komunita’ tal-midinbin li qegħdin fit-triq lejn il-Qdusija u rridu verament nirrikonoxxu, inkluż aħna l-qassisin, fil-bidu tal-Quddiesa, aħna magħkom ngħidu, ‘Ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, l-akbar ħtija …”. Ma ngħidx “tal-Papa u tal-Arċisqof”, jew inti tgħid “l-akbar ħtija tal-mara jew tar-raġel jew ta’ wliedi għax huma qabżuhieli biex dgħajt”, no! Tgħid l-akbar ħtija… tiegħi. Anke aħna l-qassisin ngħiduha: “ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, l-akbar ħtija tiegħi.” Imma kemm hu faċli li ngħid le: “Jien ma għandix x’naqsam”. Pietru għamilha! Jekk nagħmluha, ma naqtgħux qalbna; jekk uliedna, familjari tagħna għamluha, ma naqtgħux qalbna.

It-Tielet Ċaħda:

It-tielet ċaħda li għamel Pietru: “Għaddiet xi siegħa u raġa’ kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: “Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija.” Imma Pietru qallu: “Ma nafx x’inti tgħid, sieħeb.”

Hawnhekk l-enfasi hu li Pietru huwa mill-Galilija. Il-Galilija x’kienet tfisser għal Pietru, biex nifhmu kemm huwa gravi li Pietru, issa ċaħadha? Il-Galilija kienet il-post fejn Ġesu’ sejjaħlu; kien il-post fejn Pietru ra lil Ġesu’ jagħmel il-mirakli; kien il-post fejn Pietru sema’ lil Ġesu’ jippriedka; kien il-post fejn Pietru qabad qabda kbira ta’ ħut. Tiftakruh dak l-episodju? Kien il-post fejn Pietru mexa fuq l-ilma. Tiftakruha dil-ġrajja? Pietru f’daqqa waħda jiċħad l-esperjenzi kollha li kien għamel ta’ Ġesu’. Meta ċaħad il-Galilija, ċaħad l-esperjenzi kollha li għamel ta’ Kristu. Aħna wkoll għeżież tiegħi nistgħu ngħaddu minn dil-ġrajja: illi jiġi mument meta jiena niċħad l-esperjenzi li għamilt ta’ Kristu; il-mument fejn naf li Ġesu’ huwa Ħaj; il-mument meta l-Mulej fejjaqni; il-mument meta l-Mulej tani l-paċi f’qalbi; il-mument meta kont f’pellegrinaġġ u Alla tani ċerta faraġ, dawl, konsolazzjoni, u fejqan. Mort marid u forsi ma fiqtx, imma ġejt b’rassenjazzjoni fil-qalb tiegħi. Kollha mumenti meta naf li jiena missejt ‘l Alla b’idejja. Naf li kienu l-mumenti t’Alla fil-ħajja tiegħi.

Pietru jiċħad l-esperjenza ta’ Kristu, l-esperjenza tal-mirakli ta’ Ġesu’. Tistgħu tirrealizzaw, għeżież tiegħi, Pietru mhux sempliċiment ċaħad lil Ġesu’ tlett darbiet, konxji issa kemm kienet gravi?

Pietru jiċħad:

  1. Il-persuna ta’ Ġesu’
  2. Il-vokazzjoni tiegħu
  3. Il-Komunita’, lill-Appostli, lill-Knisja u
  4. L-esperjenzi kollha.

X’kien fadallu jiċħad? Kollox ċaħad. Kollox! Meta ċaħad il-Galilija, ċaħad li huwa sema’ t-tagħlim saħansitra ta’ Ġesu’. Anke t-tagħlim ta’ Kristu. Pietru litteralment ċaħad kollox!

Għeżież tiegħi kien gravi, eh! Gravi! Pietru mess il-qiegħ, naħseb, ħafna aktar minna li qegħdin hawn. L-ewwel Papa tal-Knisja miss il-qiegħ ħafna aktar minna li qegħdin hawnhekk. Allura, Pietru, għeżież tiegħi, kif minn dan il-qiegħ nett li waqa’ fih, jispiċċa dak li hu: San Pietru? Min għamilha fih din il-bidla sħiħa?

Ġesu’ fil-Vanġelu ta’ San Ġwann jgħidlilna hekk: “Meta jiġi Huwa, l-Ispirtu s-Santu, juri d-dinja li għandha żball dwar id-dnub.” It-traduzzjoni Maltija issemmi “żball”, imma l-kelma propja Griega — għax il-Vanġelu hu miktub bil-Grieg — hija elenco. Billi dil-kelma ma tfissirx “żball”, nistgħu noħorġu t-tifsira ta’ dis-sentenza, aħjar, hekk: “Meta jiġi l-Ispirtu s-Santu, jikkonvinċikom hu dwar id-dnub tagħkom u jwassalkom għall-indiema.” Pietru jurina, għeżież tiegħi, x’kapaċi tagħmel fina din il-Qawwa tal-Ispirtu. Il-Katekiżmu tal-Knisja jgħallimna hekk: “Hu l-istess Spirtu li jikxef id-dnub, hu d-Difensur li jagħti lill-qalb tal-bniedem il-grazzja tal-indiema u l-konverżjoni.” (KKK 1433) Mela min jagħtina l-grazzja tal-indiema u l-konverżjoni? Min? Għajtu għax jiena trux. Min? L-Ispirtu s-Santu. Mela, qalbi, ħi, insa l’int ħa tikkonverti lil xi ħadd fil-familja tiegħek, insa u toqgħodx tiffrikja u titbaqbaq; m’int ħa tikkonverti lil… ħadd! Konvinti minnha? Issa morru fil-paċi. M’int la se tikkonverti lil martek, la lil żewġek, la ‘l-kappillan, lil ħadd mhu ħa tikkonverti, la l-uliedek, la n-neputijiet tiegħek, la l-pro-neputijiet tiegħek. Aħna ma nistgħu nikkonvertu lil… ħadd! Imma dak li jista’ jikkonverti lil kulħadd huwa… l-Ispirtu s-Santu. Prosit! L-Ispirtu s-Santu huwa, jekk taraw, għeżież tiegħi.

Issa ejjew neżaminaw lilna innfusna. Kemm-il darba tlabna l-Ispirtu s-Santu għall-konverżjoni ta’ xi ħadd? Kemm-il darba nippruvaw inkunu aħna li nikkonvertu n-nies? Kemm-il darba nippruvaw inkunu aħna li nikkonvinċu n-nies? “Ma jridux jisimgħu, Fr.” Ġieli tiġi xi omm tgħidli: “Uliedi ma jridux jisimghu, Fr.” U taf x’ngħidilha f’qalbi? “U inti ma tridx tisma’ minni. Għax meta ħa ddaħħalha f’moħħok l’int ma tistax tikkonverti ‘l uliedek?“ “Ma jridx jisma’ ir-raġel.” Ngħidilha: “Int mhux aħjar minnu: hu ma jridx jinbidel u int ma tridx tinbidel lanqas — billi taċċetta li ma tistax tbiddlu.” Għandna bżonn nitolbu aktar: naf x’qed ngħidilkom.

Jiena rajt nies – m’għandix il-ħin nirrakuntalkom stejjer — kemm Malta, kemm barra minn Malta, meta kont qed nippriedka barra. Rajt nies li kulħadd qata’ qalbu minnhom u l-Ispirtu t’Alla kif biddilhom. Bħalissa qed tiġini f’moħħi, meta kont għadni iżgħar. Jien iltqajt ma’ Ġesu’ ta’ tlettax-il sena u ta’ ħmistax-il sena kont bdejt immexxi dawn it-tip ta’ laqgħat u gruppi eċċ… U darba kont qed immexxi laqgħa tard l-Isla, kien it-Tnejn, il-Knisja ta’ San Filippu, għadni niftakar. U kif spiċċajt, kien hemm żewġt irġiel mill-grupp fejn kont qed nippriedka u qaluli: “Isma’, ġie wieħed mill-Belt irid jiltaqa’ miegħek”. Qaluli “pero’, oqgħod attent!” Kont għadni żgħir, ta’ fifteen. Qaluli: “Ġie biex jagħmel għalik, dan.” Anqas nafu minn Adam jien. Għidtilhom: “tinkwetawx, oqgħodu miegħi, ħa naraw x’jiġri.” U dan ġie b’raghwa f’ħalqu. Kien involut f’ħafna affarijiet ta’ barra minn hawn. Smajtu, ħallejtu jiżvoga, u għidtlu: “Tixtieq nagħmel talba miegħek?” u għamilna talba flimkien. Fi ftit sekondi, dan, l-Ispirtu t’Alla bidillu qalbu. Tal-familja tiegħu ma ridux jemmnu li dan tbiddel hekk, bi proċess. Ma sarx qaddis, imma dak kollu li kien hemm: dik ir-rabja, dak id-dagħa, dak kollu li kien hemm, f’mument ta’ Qawwa tal-Ispirtu t’Alla, biddlu. Dawn ġrajjiet li għadhom jiġru llum fi żminijietna.

Sfortunatament, aħna, anke fil-Knisja, nitkellmu ħafna minn x’jagħmel il-bniedem u meta nitkellmu minn x’jagħmel il-bniedem, dejjem nitkellmu mill-iżbalji, għax aħna l-bnedmin żbalji nagħmlu, imma ftit nitkellmu minn x’qed jagħmel l-Ispirtu t’Alla!

Il-Knisja tkun aktar sabiħa, vivaċi, vibranti, ħajja jekk nagħtu l-ispazju ‘l-Ispirtu s-Santu jaħdem u nitkellmu minn x’jagħmel l-Ispirtu s-Santu. M’għandniex bżonn noqgħodu ngħidu n-nies li qed jagħmlu ħażin. Jafu. X’se jikkonvinċihom? L-Ispirtu t’Alla. Għandna bżonn nitolbu mill-qalb li l-Ispirtu t’Alla jmiss il-qalb tagħna, tal-bnedmin, fejn qed jiżbaljaw. Huwa Hu biss, emmnuni li huwa Hu biss, l-Ispirtu s-Santu biss, u ħadd iktar, li jista’ jibdel qalb il-bniedem. Aħna ma nikkonvinċu ‘l ħadd: lanqas il-Knisja ma tikkonvinċi ‘l xi ħadd. M’għandniex għalfejn noqgħodu ninkwetaw, għax hekk hi r-realta’. Hu l-Ispirtu s-Santu li jista’ jikkonvinċina, li qegħdin żbaljati eċċ…

Issa, meta l-Ispirtu s-Santu niżel f’Pietru, f’Pentekoste, nixtieqkom tirrealizzaw il-bidla li għamel Pietru. Issa intom kważi sirtu esperti tad-dnub ta’ Pietru, vera? Vera? Tafu Pietru x’għamel eżatt. Ħa nsemmalkom Pietru, meta niżel l-Ispirtu s-Santu u mar jippoppa sidru u jagħmel l-ewwel priedka f’Pentekoste. Isimgħu lin-nies x’qalilhom: “Intom neħħejtuH billi sallabtuH, ta’ nies ħżiena.” Imbagħad qalilhom: “Mela ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesu’, li intom sallabtuH, Alla għamlu Mulej u Messija.” In-nies setgħu qalulu: “U inti li ċħadtu.” Qalilhom: “intom sallabtuH”. Tinnutaw Pietru, kif jinżel l-Ispirtu s-Santu fuqu, huwa meħlus mill-passat tiegħu.

Pietru ma jmurx joqgħod jghidilhom: “Isma’ ħi, jien għamilt ħafna ħażen, ta; jien lil Ġesu’ ċħadtu, għażilni u bagħatni biex ngħidilkom biex intom tikkonvertu.” Le!, ma marx jgħid hekk, Pietru. L-Ispirtu s-Santu, meta f’qalbna jnissel l-indiema vera, jitlaq minn fuq ħajjitna l-ġudizzju tal-passat tagħna. Ftakru ħaġa: l-Ispirtu ħażin, Satana, x-Xitan, dejjem ifakkrek fl-iżbalji tal-passat tiegħek: l-Ispirtu s-Santu ma jfakkrekx fil-passat tiegħek, once li tindem u tqerr. L-Ispirtu s-Santu jeħilsek, jilliberak. Araw Pietru jmur jippriedka ħieles mill-passat tiegħu. Kemm għandna bżonn, għeżież tiegħi, inħallu ‘l dan l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna jilliberana u ma ngħixux ġo gaġġa f’ħajjitna; jeħlisna kompletament mill-passat tagħna; jeħlisna mid-dnubiet tagħna, mill-istejjer tagħna, mill-ġrajjiet tagħna.

Kull qaddis għandu passat u kull midneb għandu futur. Tridux ngħiduha flimkien? Kull qaddis għandu… u kull midneb għandu… Mela, l-Ispirtu s-Santu, verament għeżież tiegħi, ikun hu li jikkonvinċina mill-passat tagħna biex jeħlisna. Ix-xitan jurik id-dnub tiegħek biex isallbek, l-Ispirtu t’Alla jikxef id-dnub tiegħek biex ifejqek u jeħilsek minnu.

Araw ftit f’liema areas, maħbubin tiegħi, inħossu li għadna qegħdin inġorru l-passat magħna. Xi drabi faċilment, ilkoll kemm aħna ta, jkollna dak l-episodju, dik il-ġrajja, illi nibżgħu li ninqabdu biha. Dik ix-xi ħaġa l’inti għamilt u ħbejtha f’ħajtek. U ħafna drabi, meta hemm ġrajja li aħna rridu naħbuha, nispiċċaw nigdbu biex ngħattu l-ewwel gidba; nispiċċaw nagħmlu t-tieni żball biex ngħattu l-ewwel żball; nispiċċaw naqgħu f’ħafna taħwid biex ngħattu l-ewwel taħwid li għamilna. Għaliex il-ħażen iwelled il-ħażen. Għalhekk, l-Ispirtu s-Santu jrid jeħlisna, biex ma nibqgħux ngħixu f’din il-biża’, f’dan it-terrur tal-iżball tal-passat tiegħi. Li nkun ħieles ta’ vera, li nkun ħieles minn ġewwa, ħieles fil-moħħ tiegħi, nakkwista l-paċi, għeżież tiegħi. Dan hu l-Ispirtu s-Santu li jagħmilha.

Jiena ntqajt ma’ persuni li anke għamlu atti krimnali kbar. Kriminalita’ kbira, jiġifieri fuq livell ta’ qtil, traffikar, kemm Malta u kemm barra fis-safar tiegħi u persuni, illi meta tkun imxejt magħhom, tara kemm kienet diffiċli li jinħelsu, li jaħfru lilhom innfushom eċċ… U meta jħallu ‘l-Ispirtu t’Alla jaħdem fihom, tara l-ħelsien anke mill-passat; it-tama li jiena nista’ ngħix fil-paċi minkejja il-passat tiegħi. Kemm nixtieqkom, maħbubin tiegħi, li lkoll kemm aħna, hu x’inhu l-passat tal-iżbalji tagħna, bħal Pietru, noħorġu minn hawn ħielsa u ma nibżgħux li jagħlqulna ħalqna għax ifakkruna fil-passat tagħna. Le, Pietru ma beżax ixandar, ma beżax jippriedka; għaliex kien jaf li hu maħfur, meħlus. L-Ispirtu s-Santu ġab dil-bidla fih.

San Pietru jgħallimna u jurina wkoll, għeżież tiegħi, li ħafna drabi l-Ispirtu s-Santu biex jagħtina dan il-ħelsien, din l-indiema, ħafna drabi juża l-Kelma t’Alla. Ħafna drabi juża l-predikazzjoni kif qed nagħmlu issa, juża l-Bibbja. Isimgħu ftit meta Pietru jagħmel l-ewwel priedka tiegħu f’Pentekoste, isimgħu x’jiġri issa mhux fih…s’issa rajna x’ġara fih…isimgħu x’jiġri fin-nies li jisimgħuh jippriedka, isimgħu: “Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom.”

Pietru tafu x’qalilhom qabel? Qalilhom, “Intom li qtiltuH.” Il-Kelma t’Alla tgħid “laqtilhom qalbhom”. Min qed jagħmilha din? M’humiex huma. X’laqtilhom qalbhom? Kliem Pietru? Le! Min laqtilhom qalbhom? L-Ispirtu s-Santu. Għaliex il-bniedem normalment jekk tgħidlu, “żbaljat f’din il-ħaġa”, aħna ħafna drabi nibqgħu tfal. Tifel x’jagħmel meta tgħidlu: “żbaljajt”? X’jgħidlek? “Mhux jien, mhux jien, le, le, mhux jien.” “Min waqqa’ l-vażun, ja brikkun?” “Dak waqa’ waħdu, mama’!” Tiftakru, meta konna żgħar?

It-tfal hekk, pero’ għeżież tiegħi, wħud minna l-kbar hekk aħna. Kulħadd mhux jien, imqar id-dar: “Min ħalla dawk maħmuġin?” “Mhux jien…”. Kulħadd iwaħħal f’kulħadd, fuq ix-xogħol, l-uffiċċju: “Min?” Ħadd m’hu, ħadd m’hu.

In-nies normalment, ilkoll kemm aħna, jekk xi ħadd jikxiflek l-iżball tiegħek, inti tirritalja, int tipproteġi ruħek, tiddefendi lilek innifsek: “mhux jien” jew inkella “Mela nsejt x’għamilt int?”… “Mhux inti bdejt!”… “Mhux int ipprovokajtni!” Imqar fi ġlieda fiż-żwieġ, mill-ewwel tipponta subgħajk lejn ħaddieħor.

Biex xi ħadd turih, ittemmgħalu, ħa tifhmuni, ittemmgħalu d-dnub tiegħu f’wiċċu u jgħidlek, “żbaljat!,” qed tiġri xi ħaġa kbira, guys!  Dan hu dak li jagħmel l-Ispirtu t’Alla. Pietru, meta jippriedka, jgħidilna: “Laqathom dan il-kliem.” U x’qalulu? “L-aħwa, x’għandna nagħmlu?” Ma ħarġux jattakkaw lil Pietru. Għidulna x’għandna nagħmlu. Araw x’jagħmel l-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi! Meta Pietru qed jippriedka, tistgħu timmaġinaw lil San Pietru kif baqa’ xxukkjat? Dan ħareġ jippriedka. Ma kienx jaf x’se jkun ir-rispons; ma kienx jaf x’se jiġri. In-nies jolqothom u jgħidulu,” Piet, għidilna x’se nagħmlu quddiem l-iżball tagħna”. U Pietru jweġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesu’ Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla sejħilhom.”

Pietru jgħidilhom: “Indmu, tgħammdu u tirċievu l-Ispirtu.” Araw, għeżież tiegħi, kemm hu sabiħ l-Ispirtu s-Santu x’jagħmel fina, meta aħna nismgħu l-Kelma t’Alla kif qed nagħmlu issa u nħallu l-Ispirtu s-Santu jaħdem vera, r-reaction tagħna tkun mhux, “Kemm jaf, kemm dejjaqni, kemm ma nafx x’hiex, kemm dħakt.” Eh! Mela qisna qegħdin circus hawn, jew? “X’għandi nagħmel?” Tinduna meta tara l-Ispirtu s-Santu jaħdem fik, forsi fil-bidu toqgħod tgħid: “Hmm.. Dan għalija, qed jibbuttjali? Xi ħadd qallu?”, No? Imma meta tkun fil-fond, tħalli l-Ispirtu s-Santu t’Alla jaħdem, tgħid; “X’għandi nagħmel? Kif għandi nagħmel biex ninbidel? X’hemm bżonn jitbiddel fija?” U din hija l-Qawwa t’Alla. Aħna naqraw il-Bibbja, mhux biex nitgħallmu l-Bibbja: biex nikkonvertu, biex il-Kelma t’Alla tibdilna, titrasformana. Niġu l-Knisja aħna biex nitbiddlu, imma ħafna drabi niġu l-Knisja biex nagħmlu d-dmir reliġjuż:” Ħares il-Ħdud u l-btajjel kollha.” Profondament, ma niġux il-Knisja għalhekk, niġu mhux biex naqdu dmir, niġu biex fis-smiegħ tal-Kelma t’Alla nħallu l-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu jitrasformana. Il-Knisja hija l-Komunita’, il-post, fejn aħna niġu biex niġu ttrasformati, mhux biex niġu nagħmlu d-dmirijiet reliġjużi tagħna.

Saqsi lilek innifsek kemm ilek tiġi l-Knisja fiex tbiddilt, int?

Meta tiġi għall-quddies b’liema feeling tiġi? Tittikkja d-dmir jew tiġi b’qalbek miftuħa biex titbiddel? Il-Knisja niġu bħal meta tmur tixxemmex. Meta tmur tixxemmex ma tippretendix illi toħroġ kif dħalt; tippretendi li tismar jew tiħmar, mhux hekk? Il-Knisja għalhekk niġu biex nismaru jew niħmaru, biex nitbidlu, biex bil-qawwa tal-Kelma li nisimgħu, bil-qawwa tat-Tqarbin li nagħmlu, inħallu l-Mulej jittrasformana, inħallu l-Ispirtu s-Santu jibdilna minn ġewwa. Għalhekk, wieħed mill-agħar dnubiet kontra l-Ispirtu s-Santu, tafu x’inhu? Huwa li tirreżisti, tirreżisti l-Ispirtu s-Santu. Meta kien l-aħħar darba li mort il-quddies jew smajt programm reliġjuż jew qrajt il-Bibbja u tgħid, “laqtitni dik il-ħaġa”, hemm l-Ispirtu qed jaħdem fik. X’sar minnha? Ħdimt fuqha? Tbiddilt fuqha? Hemmhekk Alla qed ikellmek! L-Ispirtu t’Alla qed jaħdem fik! Irrealizza li qed jaħdem fik… imma qed tħallih ikompli jaħdem fik? Qed tħallih ikompli jibdlek: jew insejtha, irreżistejtha, jew għidt le, ma tgħoddx għalija, u tħallijjha tmut.

Dawn m’għamlux hekk. Qalulu: “Piet, għidilna x’għandna nagħmlu.” Meta kienet l-aħħar darba li mort għand qassis mhux biex isolvilek il-problemi, imma tmur għandu u tgħidlu: ‘Fr, kif nista’ nitbiddel fuq din il-ħaġa, jien?’ Qatt għamiltha? U jekk għamiltha, meta kienet l-aħħar darba li għamiltha?

Għidtilkom, għeżież tiegħi, li dawn l-Eżerċizzi rridu nagħmlu pass ftit iktar ‘il quddiem, għax ħafna drabi drajna li niġu l-Knisja, anke dawn il-laqgħat, kollox idur madwar il-mard u l-problemi tagħna. OK, il-Mulej jaċċettana, imma jrid xi ħaġa iktar profonda minna, għeżież tiegħi. Jien nixtieq inħeġġikom li jekk hija l-Kelma li din il-qawwa li biha l-Ispirtu t’Alla jnissel l-indiema u l-konverżjoni fina, nixtieqkom tagħmlu mill-qalb, kulħadd kif jaf hu, kulħadd kif jista’ għax nifhem liċ-ċirkustanzi fil-ħajja mhux ta’ kulħadd l-istess, anke l-ħin, iż-żminijiet, imma nixtieqkom mill-qalb li lkoll li qegħdin isegwu dawn l-Eżerċizzi tieħdu deċiżjoni, illi l-Bibbja, il-Kelma t’Alla ssir parti minn ħajjitkom. Daqskemm huwa l-maktur illi nġorru fuqna, daqskemm iġġorru l-affarijiet fil-handbag, intom in-nisa, iġorr l-Kelma t’Alla miegħek, allura:

L-ewwel ħaġa, jekk ma għandekx Bibbja, mur ixtri waħda. Mur ixtri waħda. Għandna l-Bibbja bil-Malti; għandna żewg verżjonijiet. Mur f’ħanut reliġjuż u ixtri Bibbja jekk ma għandekx. Min iħobb l-affarijiet teknoloġiċi, niżżluha bħala application. Hija faċli llum: qiegħda fuq il-mobile, anke bil-Malti. Imma qisu li ħadd minnkom hawn ma jkollux il-Kelma t’Alla. Din hija għodda, Dunamis – Qawwa f’idejn l-Ispirtu s-Santu. Ma tistax ma tkunx f’idejna, u once li qiegħda għandna, nibdew bil-mod-il mod, fittxu laqgħat fejn tistgħu tmorru tisimgħu dwar il-Kelma. Hemm dik li jgħidulha l-Lectio Divina: ħudu inizjattivi, fittxu, isimgħu, aqraw waħedkom, toqgħodx tgħid kif ġieli jgħidu wħud: ”Ħeqq Fr, ma nifhimhiex.” Hemm l-Ispirtu s-Santu jgħinek tifhem. Hemm bżonn li l-Ispirtu s-Santu jaħdem bil-Knisja li tfehmna hi l-Bibbja; mhux kulħadd ifehmna kif jidhirlu moħħu. Imma taqtax qalbek! Meta qed taqra, l-Ispirtu t’Alla jfehmek, itik dawl imqar żgħir. Isimgħu San Ġwann x’jgħid fl-ewwel Ittra tiegħu: “Fikom qiegħda tgħammar id-dilka (hija l-qawwa) li intom irċevejtu mingħandu, u għalhekk intom ma għandkomx bżonn min joqgħod jgħallimkom. Għaliex id-dilka tiegħu (l-Ispirtu s-Santu) tgħallimkom hi dwar kollox, u t-tgħallim tagħha huwa veru, u m’huwiex xi gidba, u la darba hu hekk, mela ibqgħu dejjem fih kif tgħallimkom hi.” Alla jgħammar fik u quddiem il-Kelma tiegħu itik dawl; imqar dawl ċkejken. Tgħidx le!

Jien waħda mill-affarijet li nieħu pjaċir nagħmel il-ħabs hija li ngħin min qiegħed il-ħabs jibda jitlob bil-Bibbja. Għandna Bibbji differenti bil-Malti, bl-Ingliż u b’lingwi differenti minħabba li fil-ħabs tagħna għandna nies ġejjin minn diversi partijiet fid-dinja u tibqa’ imbellaħ. Jien nibqa’ imbellaħ illi tibda bil-mod il-mod tgħidlu, “aqra din is-silta u mbagħad ejja għidli; meta qrajtha u tlabt ftit biha, x’ġie f’moħħok, x’ġie f’qalbek?” Tibqa’ imbellaħ, eh! M’ilux kelli wieħed Afrikan u sabni kont mixi fil-ħabs. Qalli — u veru ggustajtu — qalli: “Fr Hayden, I need to talk to you”. Għidtlu: “X’għandek bżonn, qalbi?” bl-Ingliż, no? Qalli: “Can you teach me how to pray?” Wow! Qatt mort għand qassis int u għidtlu, “għallimni nitlob?” “Can you teach me how to pray?”. Qbadt it-Testment il-Ġdid, b’mod sempliċi għallimtu ftit kif jista’ jaqra b’dan il-mod u għidtlu, “tinkwietax, tippruvax tifhem kollox, l-Ispirtu t’Alla fik ħa jnebbħek.” Imbagħad, għamilnieha dak l-ħin stess. Għidtlu, “ejja nagħmluha bħala exercise”. U għamilna kwarta u qrajna s-silta flimkien. Għidtlu, ”issa oqgħod ftit bi kwietek, tkellem f’qalbek ma’ Ġesu’, ara x’jiġi f’moħħok u f’qalbek, imbagħad għidli.” Imma bqajt iċċassat. Jiġifieri dan, li qatt ma fetaħ il-Bibbja f’ħajtu, qalli, “I truly think Jesus is telling me to follow Him, and to leave these things behind me in my life.”…u semmihom.

Hija l-qawwa tremenda tal-Kelma, għeżież tiegħi. Il-qawwa tal-Kelma hija Dunamis, Dynamite f’idejn l-Ispirtu t’Alla. Aħna fil-Knisja, ħafna minna, l-Kelma li San Pawl jgħidilha li hija xabla tal-Ispirtu s-Santu serquhielna minn idejna. M’hijiex f’idejna u allura nibilgħu kollox, nibilgħu kulma nisimgħu, nibilgħu kulma jgħidulna.

Il-Kelma t’Alla, meta aħna nitolbu biha, bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi, turina hi x’inhu tajjeb u ħażin. Ħafna drabi llum fi żminijietna x’inhu tajjeb u ħażin huwa determinat minn żewġt affarijiet: x’jgħidu l-maġġoranza u x’inħoss. Araw jekk hux hekk.

1. Il-Maġġoranza It-tajjeb u l-ħażin illum sar il-maġġoranza x’jgħidu, pero’ ftakru, għeżież tiegħi, jekk minn mija, disgħa u disgħin jgħidu li dil-ħaġa hija ħażina u hija tajba, anke jekk wieħed biss jgħid li hija tajba, dak il-wieħed biss qiegħed fil-verita’. Il-maġġoranza mhux bilfors inkunu fil-verita’ fil-ħajja tagħna, mhux bilfors, u aħna l-Insara rridu noqgħodu attenti għaliex xi drabi qed jiġrilna illi ġisimna hawn u, ifhmu ħalli tifhmuni sew, ġisimna hawn imma moħħna m’huwiex f’idejna. Aħna l-Insara ġisimna hawn nitolbu, imma moħħna min jikontrollahulna? F’moħħna, min jifta’ l-ideat fih? Moħħna min jinfluenzahulna? Il-mentalita’ tagħna f’idejn min qiegħda?

Darba qed nisma’ lil xi ħadd illi ddur id-dinja jippriedka tajjeb ħafna, mar jippriedka f’post, (ma rridx nsemmi postijiet għax ma rridx nidħol f’intriċi politiċi) u meta kien f’post iltaqa’ ma xi ħadd imlaħħaq fil-pajjiż u qallu: “ isma’, imma dawn l-Insara kollha kif irnexxielkom tħawwdu dak illi huma jemmnu u baqgħu mmorru l-Knisja xorta?” U dan ix-xi ħadd qallu: “Il-Knisja imorru b’ġisimhom, imma moħħhom huwa f’idejna!” Dan huwa l-gwaj tal-Insara llum. Moħħna f’idejn min qiegħed? Il-Kelma t’Alla tgħidilna: “Aħsbu kif jaħsibha Kristu Ġesu’.” Imma kif ħa tkun taf kif jaħsibha Ġesu’, jekk ma taqrax il-Kelma tiegħu? L-Ispirtu s-Santu b’hekk jiffurmalna ‘l moħħna, mhux b’xi jgħidu l-ħafna, l-maġġoranza.

2. Kif inħoss jien. Tajjeb u ħażin, kif inħoss jien; għax jien ma nħossx li qed nagħmel ħażin. Qatt smajtuha din? U kemm-il darba nismaghha jien: “Ma nħoss li qed nagħmel xejn ħażin ta, Fr.” Iva?.. u dejjem ngħid l-istess eżempju. Intom li tafuni, dejjaqtkom bih. Jiena meta kont l-isptar kont niltaqa’ ma’ nies illi ma jħossu xejn, jagħmlulhom M.R.I. u jsibulhom marda. Qatt smajtuha din, eh? Ma tħoss xejn, jagħmlulek CT Scan, M.R.I., jgħidulek “isma’, għandna cancer, ta.” Ikun fuqek u ma tħossux.

Mela fil-ħajja, ftakru li mhux kif tħossok, kif inti, għax tista’ tkun ħażin u tħossok…? Fhimtuha. Mhux kif tħossok: kif int, anke spirtwalment. Għax jiena “nħossni,”: mhux kif tħossok, qalbi, kif int. U kif se tkun taf kif int? Saħħtek tmur scan, M.R.I. L-iscan u l-M.R.I. tagħna x’inhuwa? Il-Kelma t’Alla u l-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi.

Jekk jien ma narax ħajti fid-dawl tal-Ispirtu t’Alla, ma narax ħajti fid-dawl tal-Kelma ta’ Ġesu’, jien ma nafx inhix tajjeb. Nista’ nħossni tajjeb u nkun żbaljat. Ġesu’ qalilna: “Jiena l-Verita’, jiena t-Triq, jiena l-Ħajja.” Propju r-Randan hu mument, għeżież tiegħi, li aħna fih għandna bżonn nerġgħu npoġġu lilna nfusna fil-Mulej. U mhux x’jaħsbu l-maġġoranza u mhux xi nħossu, imma l-Ispirtu t’Alla, fid-dawl tal-Kelma t’Alla u t-tagħlim tal-Knisja, hu jurini l-Verita’.  

Biex nagħlaq, hekk, nixtieqkom nagħrfu li l-Ispirtu s-Santu jaħdem b’mod partikulari f’din l-indiema fis-Sagrament tal-Qrar. Ħa nsemmalkom it-talba li s-saċerdot jgħidilna meta jaħfrilna dnubietna, li xi drabi sfortunatament, jew it-tort tagħna jew it-tort tal-qassis, ma nisimgħuhiex. Għax jew waqt li nitolbu l-Att tal-Indiema s-saċerdot jgħid it-talba jew ma jkollniex moħħna hawn u ma nisimgħux x’jgħidilna. Isimgħuha u ħa taraw kif jidħol l-Ispirtu s-Santu fiha. Isimgħuha:

Alla, Missier il-ħniena, bil-mewt u l-qawmien t’Ibnu għall-ħajja ħabbeb id-dinja kollha miegħu, u sawwab fuqna l-Ispirtu qaddis tiegħu għall-maħfra tad-dnubiet, Hu, bil-ministeru tal-Knisja, jaħfrilek dnubietek u jagħtik is-sliem. U jiena naħfirlek dnubietek fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Tirrealizzaw is-saċerdot jgħidilna, “Sawwab l-Ispirtu s-Santu fuqna għall-maħfra ta’ dnubietna?” Huwa l-Ispirtu li jinżel fuqna fil-Qrar u jagħtina dik il-paċi li tħoss wara li tqerr, taħsibx li hi xi ħaġa psikoloġika, ta. Qlajt balla mill-istonku. Dik il-paċi huwa l-Ispirtu li niżel fuqek fis-Sagrament tal-Qrar. Huwa l-Ispirtu li tħossok meħlus, huwa l-Ispirtu s-Santu li Ġesu’ jibgħat fuqna f’dan il-mument, għeżież tiegħi. U nixtieq inħeġġiġkom għalhekk li tersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar. Ftakru li Ġesu’ fil-Qrar jaħfer kollox. Meta s-saċerdot jgħidilna: “u jien naħfirlek dnubietek”, dak il-“Jien” tafu min hu? Hu Ġesu’ fis-saċerdot. Il-Jien hu Ġesu’ fis-saċerdot bħal meta fil-Konsagrazzjoni l-qassis jgħid: “Ħudu u kulu, dan hu ġismi”, Ġesu’ jkun qed jgħidha permezz tiegħu. Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien qal: “Ġesu’ jissellef fomm is-saċerdot, f’dawn il-mumenti.”

Alla jaħfer kollox fil-Qrar, għeżież tiegħi. Il-Bibbja tgħidilna: “Hu li jaħfer dnubietek kollha,” u ftakru li Ġesu’ huwa marid bid-dimensja, meta jaħfer jinsa, ma jerġax jiftakar. Isimgħu l-Kelma t’Alla x’tgħidilna: “Jien, Jien hu, li nħassar dnubietek minħabba fija  u ħtijietek iżjed ma niftakarhomx.”

“Jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.”

“U hu jerġa’ jħenn għalina, jixħet ħżunitna taħt saqajh, jarmi ħtijietna kollha f’qiegħ il-baħar.”

Il-baħar tal-ħniena tiegħu jarmi u jinsa u jgħerreq, għeżież tiegħi. Jekk xi ħadd minnkom ilu ma jqerr ma jafx mnejn ħa jibda, agħmlu qrara ġenerali ngħidluha, iġifieri titlob lill-Mulej maħfra tad-dnubiet ta’ ħajtek kollha, kemm dawk li qerrejt, kemm dawk li nsejt, kemm dawk li ma ftakartx, kemm dawk li stħajt. Ibda mill-ġdid dan ir-Randan, ersaq, agħmel din il-qrara, verament bil-Qawwa tal-Ispirtu u nħeles mill-passat bil-Qawwa tiegħU. Ħalliħ jikkonvinċik l-Ispirtu t’Alla li l-Missier tagħna tas-sema jaħfrilna d-dnubiet ta’ ħajjitna kollha u jinsiehom — ma nibqgħux niftakruhom, għeżież tiegħi.

Il-Qrar huwa laqgħa ma’ Ġesu’, mhux mad-dnub tagħna. Ħa tmur tiltaqa’ ma’ Ġesu’ f’dak il-mument. M’hemmx għalfejn immorru ħafna mbeżżgħin u nibżghu li Allaħares insejna xi ħaġ’apposta, bla ma naf x’hiex. Immorru laqgħa ma’ Ġesu’ li hu ta’ Qalb ħelwa u umli, għeżież tiegħi, li jieħu pjaċir bina l-midinbin. It-tabib imorru għandu l-morda: x’jistenna mhux mard quddiemu? Jekk tmur għand tabib u tgħidlu: “Ok”, jgħidlek, “x’ġejt tagħmel, ħi? Toqgħodx taħlili l-ħin; jien lil min hu marid irrid: għalhekk qiegħed hawn” U Ġesu’ hekk hu fil-Qrar, għeżież tiegħi. Il-Qrar hu Att t’Umilta’. Il-Bibbja tgħidilna, “Alla jieqaf lis-supperv u jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli.”

Il-Qrar m’hemmx għalfejn ikun fit-tul, fil-qosor, short, sweet, to the point, m’hemmx għalfejn toqgħod tgħid l-istejjer u d-dettalji bla, bla, bla, mhux il-punt għeżież tiegħi. Nistqarru fil-qosor ħafna. L-isbaħ qrara hija qasira, mhux twila. Il-ħalliel it-tajjeb fuq is-salib qallu, “Ftakar fija” u din kienet l-att tal-indiema tiegħu. Qallu, “illejla tkun il-ġenna.” Anqas iddum minuta dik il-qrara. Imma kienet mill-qalb, sinċiera. Hija din il-laqgħa ma’ Ġesu’ vera, maħbubin tiegħi.

Fil-Qrar mhux Councilling, m’hemmx għalfejn immorru għall-problemi tagħna. Dawk minnkom li forsi avvanzajtu fl-eta’, tħallux il-passat jittorturakom. Kemm nara anzjani, għeżież tiegħi, xi drabi ttorturati. Anke intom żgħar ħa tgħaddu minnha din tal-passat la tikbru. Hemm fażi fil-ħajja meta l-passat jibda jiġi qisu vidjo dejjem quddiemek. Tibda tarah u l-guilts jibdew tilgħin, b’mod speċjali ta’ dawk li ħadd ħliefkom ma jaf. Tafu int biss. Fittxu mela morru fil-Qrar eħilsuh, għeżież tiegħi, u rċievu dil-grazzja.

Il-Qrar hija laqgħa ma’ tabib. Inti għand tabib tgħid, bhalma hawn min jgħidlek, “Fr, jiena mmur inqerr dejjem l-istess.” Imma inti, meta timrad, u timrad l-istess, ma tmurx għand it-tabib? Terġa’ tmur. Jekk imradt bl-istess marda, ma tgħidx: “u… l-istess ħa mmur ngħidlu?”: terġa’ tgħidlu l-istess għax reġa’ għandek bżonn il-kura. Ma tgħidx: “iva, ta, jien kont ħadtha dik il-kura. Allura, issa ma neħodhiex għax ġa’ kont ħadtha. Le, terġa’ tmur. L-istess il-Qrar, għeżież tiegħi.

Il-Qrar hawn min jgħidlek: “Fr, imma jiena naf li ħa nerġa’ naqa’: xi mmur inqerr nagħmel?” Intom, hawn xi ħadd minnkom illi għandu xi garanzija illi għax ħadt il-kura żgur mhux ħa terġa’ timrad? Dażgur li nerġgħu nimirdu, u nerġgħu mmorru. Il-Qrar, għeżież tiegħi, m’għandux limitu. Darba kont imsiefer u kien hemm xi ħadd li fil-bidu tas-safra ggustajtu. Qalli, “ġejt għandek, Fr,” qalli, “aħfirli bil-credit.” Din qatt ma smajtha jien. Għidtlu, “xi trid tgħid biha?” Qalli, “ara, aħfirli minn qabel id-dnubiet kollha li ħa nagħmel f’dis-safra,” Ġħidtlu, “prosit għalik, kemm taħsibhom sew, int!” Issa biex tkunu tafu, dan il-qrar bil-credit ma jeżistix. Pero’, ghallinqas, dan kien konvint minn din il-ħaġa li l-Mulej jaħfer, għax minn qabel ried jitolbu maħfra ta’ dak li kien jaf li ħa jiżbalja. Jien inħobbhom nies hekk, tgħiduli xejn, għax huma onesti, sinċiera ma jilgħabuhiex u m’humiex ipokriti, għeżież tiegħi.

Issib min jgħidlek, “M’għandi xejn xi nqerr.” Qatt mortu għand it-tabib biex tagħmlu routine check, eh? Ma tmurx għax qed tħoss xi ħaġa, imma bħala rutina. It-testijiet tad-demm jien nagħmilhom kull sitt xhur. Rutina. Tagħmluhom intom? Rutina, mhux għax għandek xi ħaġa, routine, iżżommok għaddej. Il-Qrar irid ikun parti mir-rutina tagħna, rutina tajba. Meta taf li trid tmur tqerr, l-Ispirtu s-Santu jibda jaħdem fik. Jibda jgħinek teżamina l-kuxjenza. tistenniex li tħoss xi rimors biex tmur tqerr; tistenniex li tħoss xi marda biex tmur tagħmel it-testijiet. Mur regolari, biex jekk hemm xi ħaġa naqbduha. Mhux hekk nirraġunaw għas-saħħa tagħna? Hekk ukoll irridu nirraġunaw għal ruħna. Allura l-aħħar ħaġa li rrid inħeġġiġkom għaliha, għeżież tiegħi, hija din:

Illi l-Qrar nagħmluh regolari f’ħajjitna. Jiena naħseb li fid-dinja tal-lum, tal-inqas għandna bżonn inqerru kull ġimgħatejn; naħseb kull ġimgħatejn għandna bżonn nersqu lejn il-Qrar. Ngħixu f’realta’ li faċilment nidinbu lkoll kemm aħna, għeżież tiegħi. Ma ngħixux f’ambjent li hu Nisrani. Xi kultant l-ambjent tagħna stess ma jgħinnix: id-dar, fuq ix-xogħol, x’naraw fuq t-T.V — hemm tant tentazzjonijiet li faċilment naqgħu fihom. Ma naqgħtux qalbna, imma nħeġġiġkom agħmlu l-Qrar tagħkom regolari fil-ħajja tagħkom. U l-Ispirtu s-Santu li jaħdem f’dal-mument, araw għeżież tiegħi din l-esperjenza ta’ Pietru li rajna ċ-ċaħdiet kollha li għamel kif l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu f’Pentekoste, kif biddlu, ħelsu mill-passat tiegħu, tah il-qawwa li jippriedka, il-qawwa tal-Kelma tiegħu li kkonvertiet ‘l-oħrajn u rajna kif bil-qawwa tal-Kelma l-Ispirtu s-Santu jibqa’ jaħdem fina biex inissel fina l-indiema. L-Ispirtu t’Alla jinżel fuqna fis-Sagrament tal-Qrar biex jagħtina din il-maħfra. Jalla San Pietru nħarsu lejh b’dal-kuraġġ.

Daqt ikollna l-Papa fostna, s-suċċessur ta’ Pietru. Dal-Papa huwa l-265 Papa wara Pietru, iġifieri ġie l-266 Papa. Meta narawh irridu niftakru li Alla jagħżel l-ikbar midinbin biex jagħmilhom l-ikbar qaddisin u dak li jagħmilha hu l-Ispirtu s-Santu. Ejjew nitolbuh flimkien, nitolbu l-“Veni Creator” u, kif għidtilkom, nibqgħu nitolbuha, għeżież tiegħi, kuljum din it-talba — qisna Ċenaklu.

Ħallieq ta’ kollox, ejja,
o Spirtu, żur lil ruħna:
bil-grazzja tiegħek fawwar
il-qlub maħluqa minnek.

Int Difensur u Faraġ,
id-don ta’ Alla l-Għoli,
għajn ħajja, nar, imħabba,
u qawwa tar-ruħ tagħna.

Int turi l-qawwa t’Alla
bis-seba’ doni tiegħek:
int mill-Missier imwiegħed
biex tagħti l-kliem lil fommna.

Mexxina fid-dawl tiegħek,
bi mħabbtek imla qalbna,
bil-qawwa tiegħek wettaq
il-ġisem dgħajjef tagħna.

Biegħed minn fostna l-għadu,
fis-sliem għal dejjem żommna;
jekk int quddiemna timxi,
neħilsu minn kull deni.

Kun fina, w bid-don tiegħek
nagħrfu l-Missier u l-Iben
u nemmnu b’fidi sħiħa
li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.

Mur għat-3 Taħdita

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s