Fejn se ssib l-imħabba li tixtieq?

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Marzu 2022: Riflessjoni minn Fr Hayden fil-laqgħa ‘Ejjew Għandi’ fil-knisja ta’ Sant’Antnin, Raħal Ġdid. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Kelma li nixtieq naqsam magħkom illum, għeżież tiegħi, qabel ma nieqfu nitolbu fl-Adorazzjoni Ewkaristika, hija meħuda mill-Vanġelu skont San Ġwann. Kelma li rċevejt fit-talb illum, jien u nitlob għalina lkoll għal din il-laqgħa. Naraw il-Mulej xi jrid jagħtina, xi jrid jgħidilna. Isimgħu, eżattament din is-silta: “Fost dawk li telgħu biex iqimu ‘l Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu minn Betsajda tal-Galilija u talbuh: ‘Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesu’. Filippu mar għand Indri u mbagħad Indri u Filippu marru jgħidu lil Ġesu’.”

Hija kelma sempliċi, qasira, għeżież tiegħi. Għandna dawn in-nies Griegi. Dawn il-Griegi min kienu? Dawn il-Griegi kienu persuni illi, jew ma kinux jemmnu, għeżież tiegħi, f’Alla ta’ Iżrael, jew inkella kienu persuni illi simpatizzanti. Kienu jħarsu lejn kif jgħixu il-Lhud u mill-eżempju tagħhom tħajru li jibdew jemmnu f’Alla. U telghu għall-Festa tal-Għid, kif kienu jagħmlu l-Lhud (li kienu jfakkru meta inħelsu mill-jasar tal-Eġittu), u f’dak il-mument dawn marru għand Indri li jmur għand Filippu u jgħidlu: “dawn jixtiequ jaraw lil Ġesu’.”

Ix-xewqa tagħhom kienet: “nixtiequ naraw lil Ġesu’’. Tinsewx, dawn ma kinux minn tal-qalba ta’ madwar Ġesu’; dawn kienu persuni li kienu ‘l bogħod, imwarrbin. Pero’ dawn il-persuni, dawn il-Griegi, għandhom ħafna x’ jgħallmuna, għeżież tiegħi, fil-mixja tagħna. Fil-mixja tagħna, bħala bnedmin, għandna xewqa profonda. Dawn jitkellmu mix-xewqa tagħhom: “nixtiequ naraw lil Ġesu’’. Mhux: “nixtiequ nisimgħu dwar Ġesu’”, imma :“nixtiequ narawh”.

Aħna fil-qalb tagħna, lkoll kemm aħna, għeżież tiegħi, għandna xewqa lkoll kemm aħna. L-ikbar xewqa profonda li l-bniedem għandu hija x-xewqa għal Alla. Pero’, għeżież tiegħi, din ix-xewqa għal Alla hija moħbija f’qalbna, ħafna drabi hija mirduma. Sejjer nispjegalkom kif hija mirduma, għaliex qabel ma mmorru għaliha, din ix-xewqa li minnha toħroġ il-ħajja kollha tagħna, il-bniedem jibqa’ jitkisser.

Ix-xewqa moħbija għal Alla timmanifesta ruħha, per eżempju, fix-xewqa profonda għall-imħabba. Fil-bniedem, f’kull wieħed u waħda minna, hemm ix-xewqa f’qalbu li jħobbu u li jiġi maħbub. L-imħabba għandha livelli differenti. Tibda mill-imħabba tad-dar: il-familja, ommok, missierek, ħutek; wara dawn tiġi l-imħabba tal-ħbieb u l-imħabba tar-relazzjoni, fejn inti tingħata kompletament għal xi ħadd. Din l-imħabba għandha l-espressjoni tagħha, fil-commitment taż-żwieġ, fil-ġisem tagħna, fis-sesswalita’ tagħna.

Pero’, għeżież tiegħi, din hija biss xrara ta’ dik l-imħabba li aħna nixtiequ, għaliex qalbna tant hija kbira, qalbna tant hija kapaċi tiflaħ imħabba, li l-ebda bniedem ma jista’ jagħtihielek to the full.

U l-ikbar żball li aħna nagħmlu, meta naqtgħu lil Ġesu’ ‘l barra minn ħajjitna, huwa illi dak li Alla biss jista’ jagħtina, nippretenduh mingħand xulxin. Jekk inti, mingħajr ma taf, ta, tippretendi mingħand żewġek, martek, il-ġuvni, it-tfajla tiegħek li jagħtuk dik l-imħabba kompleta, totalment perfetta, inti ngannat u qed tgħix f’illużjoni.

Għax dik l-imħabba totali, perfetta, kif qed tfittixha inti, ma tista’ qatt issibha f’żewġek u martek mija fil-mija. Ħa ssibha biss f’Alla l-imbierek. Dik hija x-xewqa tagħna li aħna fil-profond għandna.

Meta aħna naqtgħu ‘l barra lil Alla minn ħajjitna, nippretendu wisq mingħand xulxin. Irriflettu fil-fond fuq dan li qed ngħidilkom: Iktar ma s-soċjeta’ tagħna titbiegħed minn Alla, iktar nippretendu mingħand xulxin; għax dak li suppost nirċevuh mingħand il-Mulej f’ħajjitna rridu nirċevuh mingħand il-bniedem, għalkemm il-bniedem huwa limitat.

Żewġek li int iżżewwiġt huwa raġel midneb, qalbi; martek hija mara midinba. Wegħedna x’wegħedna fuq l-altar, midinbin dħalna u midinbin ħriġna: qabel iż-żwieġ u wara — midinbin. Midneb taf x’jiġifieri? Egoist, jiġifieri limitat: aħna nwegħdu fiż-żwieġ, min minnkom iżżewweġ, imħabba fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa. Totali! Totali!

Meta niġu għas-Si u n-No fil-ħajja ta’ kuljum, nirrealizzaw kemm hi diffiċli; xi drabi nwegħdu mħabba li aħna m’għandniex il-kapaċita’ li nistgħu ngħixuha fil-milja tagħha, to the full. Għalhekk min jiżżewweġ fil-Knisja jiżżewweġ fis-Sagrament: għaliex? Għax dak li jwiegħed ma jafx jgħixu, mhux kapaċi jgħixu fil-milja tiegħu — hemm bżonn l-imħabba t’Alla biex ngħixuh.

Kemm nixtieqkom nifhmu dan. Kieku nifhmu dan, ma nippretendux iżżejjed (mhux dak li hu leġittimu). Jekk nifhmu dan, li l-imħabba vera fil-qalb tiegħi fl-aħħar mill-aħħar totalment f’Alla biss nista’ nsibha, kieku nagħdru ħafna aktar lil xulxin; kieku naċċettaw iktar l-iżbalji ta’ xulxin; naċċettaw aktar id-dgħjufija ta’ xulxin; għaliex aħna bix-xewqa kollha li għandna li nħobbu lil xulxin, aħna dgħajfa. Aħna dgħajfin, naqgħu malajr, maħbubin tiegħi.

Il-Kelma t’Alla tgħidilna “miskin il-bniedem li jpoġġi t-tama tiegħu fil-bnedmin”, anke l-bnedmin li jħobbuk. Jiena nimmeravilja ruħi, b’mod speċjali f’dawn il-ħmistax-il sena li ili saċerdot, kif xi drabi, l-ikbar imħabba issir l-ikbar mibgħeda. L-ikbar imħabba li ssib fiż-żwieġ issir l-ikbar mibgħeda: jiġifieri tara persuni li kienu jinnammraw, joħolmu, ma nafx x’hiex, imbagħad tarahom isiru qishom kelb u qattus, jitqatlu iktar mill-ikbar għedewwa. Tgħid dawn huma l-istess nies, l-istess persuni? Sa jdaħħlu t-tfal fil-piki ta’ bejniethom.

Din hi l-imħabba kollha? Araw kif l-imħabba kapaċi titbiddel saħansitra f’mibgħeda. L-iktar persuna li ħabbejt f’ħajtek kapaċi ssir l-ikbar għadu tagħha u int l-istess persuna. Ara l-bniedem aħna f’qalbna dil-fraġilita’, din id-dgħjufija tagħna x’qawwa għandna li l-imħabba tista’ ssir mibgħeda. U ħadd minna ma jista’ jagħti garanzija lil xulxin li din ma tiġrix: anqas jien bħala saċerdot, fuqi nnifsi, għax aħna lkoll midinbin u dgħajfin.

Irridu nidħlu b’saqajna mal-art ngħixu l-ħajja: xi wħud jgħixu fil-qamar, għandu jkun. Nagħmew! Iridu nkunu konkreti! Aħna l-bnedmin dgħajfin, anke jekk inwegħdu mħabba lejn xulxin: kun konxju li żewġek, il-boyfriend tiegħek, martek, it-tfajla tiegħek hija persuna dgħajfa. Nagħmlu kemm nagħmlu ħilitna, jibqa’ l-element ta’ dgħjufija. Meta aħna naċċettaw id-dgħjufija ta’ xulxin, nirrealizzaw min jista’ jimlieli qalbi to the full? Jekk ma għandniex il-Mulej f’ħajjitna, ħa ngħixu l-ħajja b’ħafna diżappunti fejn tidħol l-imħabba tagħna: mhux biss taż-żwieġ, anke tal-familja. Tista’ tagħti ħajtek għal Uliedek. Ħadd ma jieħu għalih: mhux vera li t-tfal jitilgħu kif trabbihom. Jiena nagħmilha ma’ spectrum wiegħsa tas-soċjeta’ u ma nażżardax ngħixha għax inħossni nweġġa’ n-nies meta ngħixha. Hemm min rabba’ tajjeb ħafna u t-tfal ma telgħux kif rabbihom, hemm ħafna fatturi u għalhekk qatt tħossukom guilty jekk it-tfal ma jitilgħux bil-valuri li tajtuhom, imma hemmhekk tħossukom diżappuntati fl-imħabba. Min se jagħtik, bħala ġenitur, l-imħabba vera li timla l-qalb tiegħek? Li tissupera d-diżappunti li jista’ jkollok? Hija din l-imħabba t’Alla. l-bqija nibqgħu b’ċerta vojt u dwejjaq fil-ħajja tagħna.

Mela din ix-xewqa għal Kristu, għeżież tiegħi, hija ħafna drabi hija moħbija f’din ix-xewqa għall-imħabba. Fejn se nsib l-imħabba perfetta? Pero’ din ix-xewqa hija moħbija wkoll fix-xewqa għall-ferħ. Fejn se nsib il-ferħ veru fil-ħajja tiegħi? U hija importanti li nagħmluha dil-mistoqsija. Il-mistoqsija għalina l-bnedmin mhux jekk għandix inkun ferħan. Għandek dritt li tkun ferħan: Alla ħalaqna biex inkunu ferħanin. Il-mistoqsija hija: Fejn se nkun ferħan? Fejn se nsib il-ferħ tiegħi? Mhux jekk għandix inkun ferħan, imma fejn se nsib il-ferħ tiegħi?

U, għeżież tiegħi, il-ferħ tagħna nistgħu nsibuh jew fil-popolarita’, jew għaliex japprovawna, jew għax jagħtuna l-prosit, jew għax nagħmlu s-suċċessi, jew għax naqilgħu l-flus, jew għax ngħaddu minn promotion għall-oħra, minn karriera għall-oħra, jew għax nirnexxu f’dak li nagħmlu.

Pero,’ għeżież tiegħi, irrealizzaw li dan huwa ferħ illi jintemm maċ-ċirkustanzi. Huwa kollu ferħ mibni maċ-ċirkustanzi tal-ħajja tagħna. Kif iċ-ċirkustanzi jitbiddlu, nibdew inħossuna mdejqin, inħossuna falluti, inħossuna li spiċċajna f’xi ħaġa agħar. Irrealizzaw kemm, tant drabi, dak li kien ferħ isir niket. Meta l-affarijiet materjali ta’ din id-dinja jsiru l-qalba tal-ferħ tagħna, kif jispiċċaw huma, spiċċajna aħna magħhom. Niġu qisna ndannati, qisna mdejjqin, u l-ferħ jitbiddel f’sense of loss. Kelli u issa ara xi tlift! Irrealizza li l-ferħ tiegħek, f’daqqa waħda, jsir telfa fuq ħafna affarijiet f’ħajjitna.

Ix-xewqa għall-ferħ, bħalma hi ghall-imħabba, għeżież tiegħi, hija xewqa għal Ġesu’. Ġesu’ qalilna: “Jiena ġejt biex il-ferħ tiegħi ikun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” Tafu kemm hi qawwija din? Ġesu’ qal: “Biex il-ferħ tiegħi ikun fikom…” Tafu xi jfisser? Li Ġesu’ is a happy guy. Ġesu’ għandu l-ferħ fil-qalb tiegħu. Huwa l-ferħ t’Alla u qed jgħidilna li biex il-ferħ tiegħu ikun fina, irid jagħtina mhux biss imħabbtu imma l-ferħ tiegħu stess, għeżież tiegħi. “Biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ,” jfisser li mingħajr il-ferħ t’Alla f’qalbna, l-ferħ tagħna m’huwiex sħiħ, għeżież tiegħi. U dak li Ġesu’ jgħidilna huwa verita’.

Wħud minna nibqgħu nfittxu l-ferħ fid-droga, nibilgħu sustanzi biex inkunu ferħana u nispiċċaw dejjem meqruda. Xbajt nara nies bid-drogi, għeżież tiegħi, jien. Xbajt. Nies illi mingħalihom se jsibu l-ferħ f’dawn l-ambjenti jew nies li ħa jsibu l-ferħ jiġru minn relazzjoni sesswali għall-oħra u fl-aħħar dejjem tibqa’ vojt iktar milli kont qabel.

Illum irridu nħallu lil Ġesu’ joħroġna, għeżież tiegħi, minn din il-mentalita’. Kulħadd irid jara hu l-qalb tiegħu. Jekk il-ferħ tagħna qed jintrabat ma’ dak li jispiċċa, aħna l-iktar nies ta’ min jibkina fil-ħajja, għax il-ferħ tagħna ħa jitlaq. Ix-xewqa għal Ġesu’ hija propju din: il-ferħ li se jibqa’ kif iridna Ġesu’. Pero’ din ix-xewqa għal Kristu, għeżież tiegħi, kif nistgħu aħna ngħinu anke ftit lilna nfusna biex hi tikber mill-ġdid f’ħajjitna?

1. Nagħmluha ma’ min jemmen

L-ewwel ħaġa, minn tlett affarijiet,  hi li noqgħodu attenti ma’ min nagħmluha. Għaliex jekk tagħmilha ma’ persuni li Kristu m’hux f’ħajjithom, fl-aħħar ħa ssir bħalhom. Jekk ħa tagħmilha ma’ persuni li qed ifittxu l-ferħ u l-imħabba tagħhom fil-ġiri ‘l hemm u ‘l hawn, fl-aħħar ħa ssir hekk int ukoll. Imma, jekk tagħmilha ma’ persuni li jemmnu, il-fidi hija bħal virus li jittieħed imma li minħabba fiha m’għandniex bżonn inżommu s-social distance u nilbsu maskri: għall-kuntrarju, għandna bżonn nieħdu l-virus tagħha, anzi. Il-fidi, ħafna drabi, aħna nippruvaw nitgħallmuha; but faith is not always thought, faith is caught.

Il-fidi m’hemmx għalfejn xi drabi jkollok min jgħallimielek. Agħmilha ma’ min jemmen u ssir temmen. Il-Malti jgħidilna: “agħmilha ma’ min hu zopp u f’għeluq is-sena ssir zopp bħalu”. Vera? Agħmilha ma’ min jemmen u ssir temmen bħalu; m’hemmx għalfejn ikollok min jippriedkalek ħafna. Għax il-fidi tittieħed.

Il-fidi tidher fl-għajnejn, il-fidi tidher fit-tbissima, il-fidi tidher fil-kuraġġ. Fil-kuraġġ li bniedem għandu li, għax jemmen, kapaċi jaffronta l-marda tiegħu, kapaċi jaffronta ż-żmien iebes tal-ħajja tiegħu, kapaċi jaffronta l-fallimenti kollha tiegħu. Il-fidi taraha, il-fidi tittieħed. Meta tara lil xi ħadd li jemmen, taf x’tgħid? “Dak għandu xi ħaġa li jien ma għandix. Minn fejn ġabha?”

Meta kont naħdem l-isptar, kont taraha d-differenza bejn min jemmen u min ma jemminx — minn kif imutu. L-istess marda u l-istess uġigħ, imma tara li min jemmen imut fil-paċi u fis-sliem; iżda min ma jemminx, jibqa’ jitqabad sal-aħħar, imdejjaq, lanqas jaf x’se jagħmel b’ħajtu u donnu ħa jmut indannat. L-iktar esperjenzi li kienu jweġgħuni kien meta jiena kont inkun nassisti n-nies  waqt is-siegħa tal-mewt, u dawn ma jkunux jemmnu. Kont taraha d-distinzjoni ċara quddiem għajnejk: persuna li temmen, tħalli l-paċi warajha, imma min ma jemminx iħalli firdiet, dannazzjoni, piki, għira… minn kollox.

Imma l-fidi ma għandix bżonn dejjem nisimgħu, rridu narawha. U jien inħeġġiġkom, għeżież tiegħi, ejjew induru madwar persuni li jemmnu, ejjew nagħtu dan ir-rigal ta’ xulxin. Aħna l-Insara llum għandna bżonn din l-esperjenza li ngħinu lil xulxin nemmnu b’dan-il mod. Għaliex ħafna drabi l-ambjenti tax-xogħol, l-ambjenti tad-divertiment, l-ambjenti anke fil-familji tagħna stess m’humiex bilfors jgħinuna nemmnu. M’humiex bilfors naraw il-fidi fihom. Anzi naraw negattivita’, qtigħ il-qalb, dagħa, Alla ma jeżistix, ħajja bierda. U allura, rridu ndawru lilna nfusna, iridu nagħżlu aħna, dik hija l-Knisja. Il-Knisja huma nies dgħajfin li qed jippruvaw jagħmlu mixja ta’ fidi, imma għandna bżonn is-sapport ta’ xulxin. Mela sib persuni li jemmnu għax il-fidi tittieħed, għeżież tiegħi.

2. Nitolbu ta’ kuljum

Ħaġ’oħra li dix-xewqa l-Mulej kabbarha fina hija li nitolbu, imma li nitolbu f’sens li jkollna relazzjoni m’Alla. Mhux nitolbu meta jiena qiegħed fil-bżonn: li nibni relazzjoni ta’ kuljum, li ta’ kuljum niddedika ftit ħin jien u Ġesu’ fil-ħajja tiegħi. Jekk il-ħin għal xulxin jieqaf, l-imħabba tibred u nieħdu lil xulxin for granted, anke fir-relazzjoni taż-żwieġ. Ir-relazzjoni tagħna m’Alla, mhux sempliċement bil-Quddies tal-Ħadd tinbena, għeżież tiegħi. Il-Quddies tal-Ħadd nagħmluha b’obbligu. Int immaġina tkellem ‘l martek jew ‘l żewġek nhar ta’ Ħadd, 40 minuta, u jekk tista’ tagħmilha 30 minuta aħjar minn 40 minuta. Taħseb li tista’ tibni relazzjoni hekk ma’ xi ħadd? Tibnuha? Nidħku bina innfusna nkunu qegħdin.

Imma xi drabi aħna Nsara li kuntenti nidħku bina nfusna fil-fatt, għax ir-relazzjoni mal-Mulej ma nibnuhiex bit-twettieq ta’ sempliċi obbligu. Irridu nagħmlu ħafna iżjed minn hekk. Dak hu l-obbligu, dak huwa l-minimu li l-Knisja titlob minna. Qisu bħal meta l-ġenituri jisfurzaw lil uliedhom jieħdu għall-inqas l-ikel neċessarju biex jibqgħu ħajjin. Imma nafu li ma nistgħux dejjem tmur fuq il-minimu, għax naf li dak se jispiċċa, dak m’hux biżżejjed. Aħna, jekk irridu nibnu relazzjoni, maħbubin tiegħi, jekk irridu verament din ix-xewqa li hemm f’qalbna għal Alla tinqata’, li tilħaq il-milja tagħha, irridu l-commitment fil-ħajja tat-talb.

Irridu niddeċiedu. Il-ħin, jekk irriduh, nafu nsibuh. Ġieli smajtuni ngħidilkom dal-eżempju. Meta kont naħdem l-isptar qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd li f’daqqa waħda jgħidulu: “għandek cancer” u hu jgħidilhom: “Isma’, jien tant għandi x’nagħmel, ta, li m’inix ġej għall-kura.” Kollox nafu nirranġaw meta nimirdu u l-istess nies, bl-istess xogħol, bl-istess impenji, imma …kollox nirranġaw. Ħadd ma jgħidlu: “Ara, Profs, jien f’dak il-ħin għandi l-Gym, ma nistax niġi,” jew: “F’dak il-ħin jiena nkun irrid nara dak ix-show, fdak il-ħin jiena rrid nara Netflix, f’dak il-ħin għandi biċċa xogħol”,… “jimporta niġi f’xi ħin ieħor?” Ħadd u qatt ma jirrispondieh hekk.

Imma, kulħadd iwieġbu: “Dott, x’ħin hu tajjeb għalik? Għidli, ħalli niġi.” Kollox nirranġaw meta rridu, fil-bżonn. U ma tkunx ta’ darba dik, taf, għax jekk tmur għat-terapija u tieħu ma nafx x’hiex, trid teħodha regolari …u dejjem insibuh il-ħin ghal appuntamenti bħal dawn, dejjem nirranġaw. Għaliex? Għax konvinti li għandna bżonnhom.

Jekk aħna konvinti li l-imħabba u l-ferħ tagħna ħa nsibuhom f’Ġesu’, nagħmlu ħilitna biex nirranġaw it-time-table tagħna. U jien nixtieq nagħmlilkom dil-proposta minn qalbi, maħbubin tiegħi. Oħorġu minn din il-laqgħa llum mhux biss bid-determinazzjoni, illi lil Ġesu’ għandna bżonnu fil-ħajja tagħna, għall-imħabba vera u għall-ferħ veru. Li tiddeċiedu, ibdew intom, tistenniex lil ħaddieħor, li tieħu bis-serjeta’ l-laqgħa tiegħek ma’ Ġesu’ kuljum, it-talb tiegħek. Aqra biċċa mill-Kelma t’Alla, segwi mumenti ta’ talb online jekk jgħinuk, ersaq għall-Quddies ta’ kuljum jekk tgħinnek, żidha matul il-ġimgħa jekk tmur il-Ħadd biss, jekk tmur darba mur darbtejn, agħmel pass ‘il quddiem, kulħadd fejn qiegħed, nagħmlu pass ieħor ‘il quddiem, għaliex meta aħna nidħlu bil-mod il-mod f’dir-relazzjoni mal-Mulej, il-qalb tagħna titkebbes, għeżież tiegħi, il-qalb tagħna titkebbes. Mela, nagħmluha ma’ min jemmen, nemmnu, nitolbu.

3. Lil Alla nagħtuh raġun

Ħaġ’oħra li tgħin biex il-qalb tagħna titkebbes b’din ix-xewqa għal Alla, għeżież tiegħi, huwa li lil Alla dejjem nagħtuh raġun, anke meta ma nifhmuhx, anke meta ma naqblux miegħu, anke meta ngħaddu minn ċirkustanzi li jġgħaluk tiddubita jekk il-Mulej jeżistix, jekk il-Mulej iħobbokx. Anke meta f’qalbek iqumu ħafna mistoqsijiet. Għaliex jien? Għaliex lili? Għaliex aħna? Għaliex lil familiti? Għaliex lil uliedi? Għandna lista ta’ mistoqsijiet fuq hekk. Għaliex uliedi jixtiequ jkollhom it-tfal, imma ma jkollhomx, imma min hu tqil, it-tfal jabortihom? Għaliex min iħawwad jimxi ‘l quddiem u min jimxi sewwa, jaqlagħha?

Ħafna drabi, dawn il-mistoqsijiet f’qalbna jwassluna biex nidgħu, mhux bilfors bil-“haqq”. Li tidgħi tfisser li tagħmel Ħaqq minn Alla, li tiġġudika l-Alla li ma jħobbokx, li nesiek, li ma jafx x’inhu jagħmel, jew li ma jeżistix. U hemmhekk ix-xewqa tagħna għal Alla nibdew noqtluha. Mela, nidraw ngħidulu: “Mulej ma nifhmikx, imma nagħtik raġun.”

Xi drabi, għeżież tiegħi, ftit minna, naħseb, nifhmu mrta immorru għal operazzjoni s-Surgeon x’qed jagħmlilna. Naħseb, il-maġġoranza tagħna ma nifhmux is-Surgeon x’qed jagħmlilna. Naħseb il-maġġoranza tagħna ma nifhmux il-mediċina li nieħdu x’fiha. Pero’ għax nafdaw, inħalluh iraqqadna, ma nafux kif se noħorġu mil-loppju, ma nafux kemm se ndumu, ma nafux x’qegħdin jagħmlu. Meta tkun taħt il-loppju, tkun taf x’qed jagħmlulek? Ikollok fiduċja totali.

Intom qatt għamiltu operazzjoni u qabel lis-Surgeon tgħidlu: “Tista’ turini ċ-ċertifikati tal-eżamijiet tiegħek?” U jekk qed joperak fil-qalb, tgħidlu: “Isma’, meta studjat il-Kardjoloġija, kemm ġibt marki fl-eżami?” Forsi, heqq, għadda bi żbrixx, dana: ġab 50/100,  għadda bl-eżatt. Imma, ma tkunx taf inti kemm ġab dan, pero’ tafdah b’mod għami, fl-iktar mumenti iebsa u diffiċli. U ma tarahx u ma tħossux.

Mhux anke lil Alla ma tarahx u ma tħossux? Għandna bżonn, għeżież tiegħi, biex ix-xewqa għall-Mulej ma nitilfuhiex f’ħajjitna, fi żmien iebes. Ngħidilkom dan minn qalbi: agħtu raġun lill-Alla, anke jekk ma nifhmuhx. Għidulu: “Mulej, ma nifhmekx, imma nfaħħrek!Il-Mulej b’hekk ntuh raġun, għeżież tiegħi, billi nfaħħruh fl-iktar mumenti iebsa. Ħuduha din id-deċiżjoni, illi flok tirrabja, flok tgorr, iddeċiedi li fil-mumenti iebsa ‘l-Mulej faħħru.

M’hemmx għalfejn tagħmel xi litanija, m’hemmx għalfejn taqbeż u tgħola. Għidlu: “Mulej ma nifhmekx, imma nfaħħrek f’dawn iċ-ċirkustanzi; ma nifhimx kollox, imma nemmen li idejk hija hawnhekk; ma nifhimx għalfejn għaddej minn din l-inġustizzja; ma nifhimx għalfejn għaddej minn dan l-adulterju; ma nifhimx għalfejn ġejt ittradut/a; ma nifhimx għalfejn qed nagħmel ħilti kollha u l-affarijiet qed jiġuni kontrija; ma nifhimx għalfejn qed nipprova nirranġa ż-żwieġ, imma aktar m’hu qed nipprova, żewġi jew marti qed jitbiegħdu aktar minni; ma nifhimx għalfejn aktar ma qed nipprova niġbed lil uliedi lejn it-triq it-tajba, aktar huma ma jridux jisimgħu. Ma nifhimx, pero’ nemmen l’int qiegħed hemm; li l-aħħar kelma hija tiegħek, Mulej; li int qed tmexxi l-istorja ta’ ħajti. Hekk, għeżież tiegħi, inkunu qegħdin inħallu l-qalb tagħna verament ma tibridx minn din ix-xewqa għal Alla.

  1. Nagħmluha ma’ min jemmen.
  2. Nitolbu ta’ kuljum.
  3. U ‘l Alla ntuh raġun fl-iktar ċirkustanzi iebsa tagħna.

B’hekk, ix-xewqa tagħna għal Ġesu’ ma nitilfuhiex. Aħsbu fuqhom dawn la tmorru lura: kif tieqaf tagħmilha ma’ min jemmen, kif tieqaf titlob, kif tibda tiġġudika lil Alla u tgorr kontra l-istorja ta’ ħajtek, ix-xewqa għal Alla f’qalbna noqtluha aħna stess.

X’jiġrilna mbagħad, għeżież tiegħi? Imbagħad nitilfu t-tama, imbagħad naraw kollox ikrah, imbagħad naraw kollox dlam, imbagħad naqgħu f’dipressjoni, imbagħad inħossuna li dħalna fi sqaq li qatt ma noħorġu minnu, imbagħad nixbgħu ngħixu, imbagħad ngħidu x’sens għandha l-ħajja? Imbagħad nibda ngħidlu Mulej ħudni. Wħud minna qisna qed nistennew il-mewt tiġi fuqna biex neħilsu minn din id-dinja, għax tlifna s-sens vera tal-ħajja tagħna, li kull imħabba u kull ferħ, anke fl-iebes, ħa nsibuh fil-Mulej.

Mulej kont naf li qatt ma tlaqtni

Il-Ħadd li għadda f’omelija li għamilt qsamt esperjenza ta’ wieħed raġel illi akkumpanjat lilu u ‘l martu fil-mewt ta’ bintu, tifla żghira, meta kont naħdem fl-isptar. Għexna l-mument tal-mewt sal-aħħar. Kienet ilha xi tmin snin fuq magni. Qatt ma ninsa, dan ir-raġel, kif mietet it-tifla, jien ma kellix kliem. M’inix missierha jew ommha. Imma dan ir-raġel, kif mietet it-tifla, daħħal idu fil-but. Jien għedt :”Min jaf x’se jagħmel?” Daħħal idu fil-but ta’ wara, ħareġ santa tar-Redentur tal-Isla, għamilha hekk fuq it-tifla. Qallu: “Mulej, kont naf li qatt ma tlaqtni!”

Dak hu bniedem, għeżież tiegħi, tad-demm u l-laħam. Huwa missier li mietet bintu, f’idejh u f’idejn martu, li fil-mument tal-mewt tagħha, dar lejn Alla u qallu: “Mulej kont naf li qatt ma tlaqtni.” M’hux xi qaddis għandu xi festa dan: huwa raġel komuni, ma jiġix laqgħat ta’ talb, m’huwiex f’xi għaqda, f’xi grupp. Imma għandu din ix-xewqa sempliċi għal Alla, fil-ħajja ta’ kuljum. Raġel tas-santi t-talb tiegħu, imma b’fidi konkreta.

Aħna lesti llum nagħmlu din it-talba ta’ dan ir-raġel Malti li lanqas nafu min hu? “Mulej kont naf li qatt ma tlaqtni”.

Ejjew niġu quddiem Ġesu’ nilqgħuh f’nofsna fl-Ewakristija u mill-qiegħ nett ta’ qalbna nixtiquh, illum, nitlobuh ikebbes qalbna mill-ġdid b’din ix-xewqa għalih u noħorġu minn hawn determinati li l-ferħ u l-imħabba tagħna fil-milja tagħhom f’Ġesu’ biss nistgħu nsibuhom.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s