Il-Ħadd, 6 ta’ Marzu 2022: L-Ewwel taħdita tal-Eżerċizzi tar-Randan 2022 mmexxija minn Fr Hayden. It-tema hija Dunamis: Il-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tan-nisrani. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …
MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN
Dawk minnkom, għeżież tiegħi, li rajtu l-isem ta’ dawn l-Eżerċizzi jisimhom… Tafu x’jisimhom? Hello! Dunamis hija kelma Griega, jiġifieri ma jimpurtax jekk insejtuha, li juża Ġesu’ fil-Vanġelu u li tfisser qawwa. Il-kelma ‘Dynamite’, Dinamite, propju ġejja minn din il-kelma ‘Dunamis’. Jiġifieri, din il-kelma, meta nisimgħuha, ħa naraw xi tfisser, fil-ħajja tagħna. Żommu at the backgound din l-ideja, dil-qawwa daqshekk tremenda; Dynamite, you know ?
Nixtieq nibda dawn l-Eżerċizzi, hekk, bi ħsieb li ġieni jiena u nipprepara għalihom. Ma nafx jekk qattx kellkom l-esperjenza illi, f’daqqa waħda, tiskopru li fil-mobile hemm function illi ma kontux tafu biha. Ġieli ġratilkom? Jiena ġieli ġratli illi niskopri funzjoni fil-mobile jew fil-laptop, fil-kompjuter, f’xi ħaġa jew imqar fit-Television, illi meta mbagħad tiskopriha tgħid: imma din kif ma kontx naf biha qabel? Jew kieku kont naf biha qabel kemm kienet tiffrankali xogħol! Jew inkella, kemm kienet faċli, jew inkella kif ħadd ma qalli qabel li teżisti dil-function f’dan il-mobile. U xi kultant inħoss, għeżież tiegħi, illi wħud minna se jkollna dan il-feeling la mmutu.
Milux xi ħadd qalli: “Kemm tħobb isemmi l-mewt fil-priedki tiegħek?” Għax hija verita’ għeżież tiegħi, hemmhekk toħroġ il-verita’. Xi darba, għandi feeling li xi wħud minna ħa jkollom dan il-feeling. Imma kemm kont iblah? Imma, kif ma kontx nafha dil-ħaġa qabel? Imma kif ħadd ma qalhieli ċara? Imma, kif qatt ma skoprejtha? U x’inhi din il-ħaġa iktar, illi kieku għandna bżonn niskopru x’inhi, u li jiena nħoss, għeżież tiegħi, li kif ħa nitkellmu matul dawn l-Eżerċizzi, hija l-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna. Fuq l-Ispirtu s-Santu xi drabi ftit li xejn tgħallimna. Ftit li xejn smajna priedki, ftit li xejn nitolbuh, ftit li xejn nafu lilu u x’jagħmel fil-ħajja tagħna.
Imma, kif ħa naraw, l-Ispirtu s-Santu huwa s-sigriet tal-ħajja Nisranija, li wħud minna ħa niskopruh tard, sfortunatament. Pero’ Better late than never. U biex nibda, nixtieq nistaqsikom hekk, kieku kelli… F’dawn l-Eżerċizzi, għeżież tiegħi, ħa mmorru daqsxejn deep. Mhux ħa nieqfu b’mod superfiċjali fuq il-ħajja, ħa mmorru deep fil-ħajja spiritwali tagħna, deep f’dak li jagħmilna Nsara. Għaliex? Għax xi drabi għandi l-impressjoni illi għal uħud li huma Nsara jfisser illi ndur lejn Alla fil-problemi tiegħi u tal-familja. Ejjew nammettuha, ħafna drabi, Alla jidħol f’ħajjitna minħabba l-problemi. Kieku ma jkunux il-problemi, wħud minna m’għandniex għalfejn nersqu lejn Alla. Pero’, ma jimpurtax li nibdew minn hemm. Ħafna nies marru għand Ġesu’ biex ifiqu. Bdew bil-problemi u mhux problema li tibda bil-problemi m’Alla. Pero’ hija problema jekk teħel hemm. Hija problema jekk nibqgħu hemm u għalhekk qed ngħidilkom we need to go deep fil-ħajja Nisranija tagħna, lkoll kemm aħna. Ma nistgħux neħlu mal-mumenti tal-bidu. Ma jimpurtax li meta kont żgħir kont tieħu l-ħalib, imma ma tistax tibqa’ tieħu l-ħalib tul ħajtek kollha. X’taħsbu? Għax jekk tibqa’ tieħu l-ħalib tul ħajtek kollha tafu x’jiġrilek? Hello guys, x’jiġrilek? Ma tgħix: tmut. Għandek bżonn affarijiet oħrajn. Ma tistax tagħmel a lifetime on milk. Għandek fażi li tista’ tagħmilha, imma l-bqija ta’ ħajtek trid taqleb għall-ikel ieħor, maħbubin tiegħi. U f’dawn l-eżerċizzi m’aħniex se noqgħodu nduru… Ġieli għamilna hekk: eżerċizzi fuq fejqan, eżerċizzi fuq ir-relazzjonijiet, fuq iż-żwieġ… fuq ħafna affarijiet. Imma dan li kelli ħafna f’qalbi: illi nagħmlu pass ‘il quddiem fil-mixja tagħna, immorru f’aktar profondita’.
Għal uħud, li tkun Nisrani hija basta nħobb, basta nħobb. Inħobb ‘l-proxxmu tiegħi, ma nidgħix, ma nisraqx, ma noqtolx, ma naqlibhiex lill-mara, naħdem għall-familja, inħobb il-familja. Hekk mhux tajjeb? X’hemm għalfejn noqgħod nitlob, imur il-Knisja u dal-kummiedji kollha? You know? Fl-aħħar mill-aħħar, Ġesu’ mhux biex inħobbu qalilna? Għalfejn noqgħod immur nitqarben u quddies u dawn l-affarijiet kollha? Uħud jaħsbu li sa hemm għandek tasal u hemmhekkgħandek tieqaf. Oħrajn jaħsbu, għeżież tiegħi, illi li nkun Nisrani jfisser li nagħmel id-dmirijiet reliġjużi tiegħi: immur il-quddies tal-Ħadd, irrodd is-Salib filgħodu, talba filgħaxija… M’hinix ngħid li dawn affarijiet ħżiena, essenzjali, imma hemm iktar minn hekk għall-ħajja Nisranija.
Oħrajn jistghu jgħidulek: “Jiena nemmen all right x’tgħid il-Bibbja, x’tgħid il-Knisja u nagħmel l-affarijiet tiegħi tajbin.” Jien naħseb li l-maġġoranza tagħna jkunu f’dan l-ilma, illi nemmnu u nħossuna, bejn wieħed u ieħor, li qed ngħixu tajjeb. Imma jien nixtieqkom tirrealizzaw, f’dawn l-eżerċizzi, li hemm xi ħaġa iktar profonda fil-ħajja Nisranija tagħna — x’jagħmilna Nsara. U biex nidħlu għaliha bil-mod ‘il mod, nixtieq nikkwota ftit erbgħa min-nies t’Alla.
San Franġisk ta’ Assisi
L-ewwel wieħed lil San Franġisk. San Franġisk lilna l-patrijiet jiktbilna hekk: “Ħa jħabirku biex ikollhom ix-xewqa fuq kull ħaġ’oħra.” Araw fejn ġej is-sigriet, ix-xewqa fuq kull ħaġ’oħra. Kieku ngħidilkom, fuq kull ħaġ’oħra, x’inhija l-iktar ħaġa li l-Insara, aħna li qegħdin hawn, dixxipli ta’ Ġesu’, għandna nixtiequ? Fuq kull ħaġ’oħra, l-ogħla ħaġa xi tpoġġu fiha f’qalbkom? San Franġisk jgħid hekk: “Li tiksbu l-Ispirtu tal-Mulej – l-Ispirtu s-Santu. Fuq kull ħaġ’oħra, issa dan San Franġisk illi jħobb lill-fqar, dan San Franġisk li jħobb lill-ħolqien, iħobb l-annimali, dan San Franġisk li jħobb lill-Knisja, dan San Franġisk li għandu l-pjagi, dan San Franġisk li kien fqir, eppure jgħidilna li l-iktar ħaġa li f’qalbkom għandkom tixtiequ hija li tkunu mimlija bl-Ispirtu s-Santu.
San Serafin minn Sarov
Immorru għal qaddis ieħor li huwa mir-Russja. Jismu San Serafin minn Sarov, jekk xi wħud minnkom midħla tar-Russi u tal-Ispirtwalita’ tal-Ortodossi, tafu li dan huwa l-iktar qaddis popolari għalihom. Dan jgħid hekk: “L-iskop tal-ħajja Nisranija huwa li takkwista l-Ispirtu s-Santu.” L-istess bħal San Franġisk. L-iskop li int Nisrani huwa li inti tkun mimli bl-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi.
San Pawl
Isimgħu San Pawl x’jgħidilna fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, Kap 3, vers 16: “Ma tafux li intom Tempju t’Alla u l-Ispirtu t’Alla jgħammar fikom?” Issa dan San Pawl qed jgħidha lill-Insara tal-bidu, għax din faċilment ninsewha. Meta jgħidilhom “ma tafux” mhux qed jgħidilhom “ma tafux x’qed ngħallimkom”. Qed jgħidilhom imma “din ma tafuhiex għalfejn m’intomx tgħixuha? Din hija l-qalba ta’ kollox. F’dan is-sens San Pawl qed jgħidha: il-qalba ta’ kollox li int Tempju tal-Ispirtu s-Santu. L-iskop li int Nisrani huwa li int tkun mimli b’Alla, li Alla jiġi jgħammar ġewwa fik.
San Ġwann l-Evanġelista
Isimgħu lil San Ġwann issa, fl-ewwel ittra tiegħu kap 4, vers 13 jgħidilna: “B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu.”
San Franġisk, San Serafin, San Pawl, San Ġwann kollha jaqblu, għeżież tiegħi. Il-Kelma t’Alla hija ċara. L-iskop li int Nisrani m’hux li tgħix ħajja tajba. Hawn min hu ateju u ma jemminx u jgħix ħajja tajba. Jiena naf nies hekk; għandi ħbieb li huma hekk, jistgħu jkunu wliedkom u n-neputijiet tagħkom li lejn l-għatba tal-Knisja ma jersqux, pero’ ma jaqilbux id-dinja ta’ taħt fuq. Tista’ tkun Musulman u tgħix ħajja tajba; tista’ tkun Buddista u tgħix ħajja tajba. Li nkunu Nsara hija wisq iktar profonda minn hekk. Kemm nixtieq, għax qegħdin nitilfu l-qalba tal-ħajja Nisranija, li nkunu Nsara, jiġifieri li tgħammidna, hija li aħna nkunu mimlija kontinwament bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fina. Matul l-Eżerċizzi ħa naraw dan xi jfisser, ħa nimxu biċċa biċċa. Mhux se ngħidu kollox f’daqqa, imma biċċa biċċa.
Ġesu’, fil-Kelma tiegħu, fil-Vanġelu, naraw li huwa stess jurina din ix-xewqa kbira li hu għandu li aħna nkunu mimlijin bl-Ispirtu s-Santu. Isimgħu ftit f’San Luqa, kap 12, vers 49, x’jgħidilna: “Nar ġejt inqabbad fuq din l-art, u kemm nixtieq li diġa’ qabad.” Tiftakru ftit meta l-Ispirtu s-Santu niżel f’Pentekoste fuq l-appostli, x’deher fuq rashom? X’deher fuq rashom? Issa Ġesu’ jgħid, “kemm nixtieq…” Hija waħda mill-ftit drabi li Ġesu’ jitkellem mix-xewqat tiegħu. “Kemm nixtieq, kemm nixtieq li dan in-nar tal-Ispirtu s-Santu” (Imbagħad naraw min hu l-Ispirtu s-Santu.) “diġa’ qabad.” Donnu m’għandux paċenzja jistenna li jasal Pentekoste, kieku jista’ jaqbeż. Kemm nixtieq li diġa’ qabad. Jesus is impatient that we will be filled with the Holy Spirit in our lives.
Darb’oħra ‘l waħda mara li kellha ħames t’irġiel, is-Samaritana, jgħidilha hekk f’San Ġwann kapitlu 4, vers 10: “Kieku kont taf id-don t’Alla u min hu dak li qed jgħidlek ‘agħtini nixrob’, kont tkun int li titolbu u hu jagħtik ilma Ħaj.” Din kienet waħda mara illi f’nofsinhar marret ħdejn il-bir biex timla l-ilma. In-nisa kienu jmorru jimlew l-ilma mill-bjar pero’ din tmur f’nofsinhar… tafu għaliex?
In-nisa kienu jmorru filgħodu biex jimlew l-ilma mhux f’nofsinhar. Tmur f’nofsinhar biex ma tiltaqa’ ma ħadd, għaliex tistħi turi l-istat tagħha – mara li tgħix f’adulterju. U Ġesu’ jmur jiltaqa’ magħha dak il-ħin, meta ħadd normalment ma jmur jimla l-ilma f’nofsinhar, u l-bjar fil-Bibbja huma simbolu fejn in-nies immorru jinnamraw. Jiġifieri jekk xi ħadd qed ifittex lil xi ħadd, imur ħdejn xi bir. Il-kunvent għandna wieħed. Ħdejn il-bjar, fil-Bibbja jiltaqgħu ħafna għarajjes fil-fatti, imma Ġesu’ jmur għal din u jiltaqa’ magħha bħala l-‘Għarus’ vera ta’ħajjitha.
Qed jgħidilha, fi kliem sempliċi li nifhmuh aħna: “Qalbi, inti tiġġerra mal-irġiel ħa ssib l-imħabba, u kieku taf din l-imħabba, dan id-don li nista’ nagħtik Jien, mhux int tgħidli agħtini nixrob minn dal-bir,” għax Ġesu’ qalilha “agħtini nixrob”. Hekk beda jkellimha. “Jiena ”, int kieku tgħidli, “kieku taf l-imħabba li nista’ nagħtik Jien, inti titlobhieli biex nagħtihielek”. Kont tgħidli, “agħtini minn dal-ilma.”
Ġesu’, f’dal-kuntest iqabbel l-Ispirtu s-Santu mal-ilma li jaqtagħlna l-għatx vera fil-ħajja tagħna. Darba minnhom f’Ġwanni 7:37 jgħidilna: “Min jieħdu l-għatx jiġi għandi u jixrob.” Aħna għandna l-għatx fil-ħajja tagħna. Aħna għandna l-għatx għal Alla, pero’ ħafna drabi dan l-għatx għal Alla nippruvaw naqtgħuh b’affarijiet oħrajn. Għandna għatx għall-ferħ u nippruvaw naqtgħuh b’affarijiet oħra. Min jaqtgħu fid-droga, min jaqtgħu fil-karrieri, min jaqtgħu fil-flus, min jaqtgħu fil-popolarita’, min jaqtgħu f’sess sfrenat, min jaqtgħu f’diversi relazzjonijiet, min jipprova jaqtgħu fil-pornografija. L-għatx, il-vojt li hemm fil-qalb tagħna naraw kif se naqtgħuh u Ġesu’ jgħidilna: “Min hu bil-għatx, dan l-għatx li hemm fil-qalb tagħna, l-għatx għall-imħabba vera, l-għatx għal paċi vera, l-għatx għall-ferħ veru? Ejjew għandi u ħuduh b’xejn: irrid nagħtihulkom”. U dan hu l-Ispirtu s-Santu.
Ġesu’, qabel ma tela’ s-sema, naraw dix-xewqa ta’ Ġesu’ li jagħtina dan l-Ispirtu tiegħU. F’waħda mill-aħħar kliem, jgħid lill-Appostli f’San Luqa, Kapitlu24, Vers 49, hekk: “U jien, araw, nibgħat fuqkom lil Dak li wiegħed Missieri; imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma jkun libbiskom bil-qawwa Dunamis tiegħu.” L-aħħar ħaġa li Ġesu’ jgħidilhom hi din: “isma’, titlilqux ‘l barra minn hawn; ibqgħu hawn sakemm l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqkom.” Daqshekk kienet importanti li jirċievu l-Ispirtu s-Santu. Ġesu’ ma qalilhomx: “Jiena għallimtkom; jiena tajtkom l-eżempju tiegħi; jien għidtilkom x’għandkom tagħmlu: issa morru għamluh.” Le! Ħafna drabi, hawnhekk where we miss everything in the Church. Hawnhekk fejn nitilfu kollox fil-Knisja. Naħsbu li, għax aħna nafu, għax tgħallimna, għaliex xi wħud minna studjana – forsi aħna qassisin, patrijiet, sorijet, isqof, kardinali bil-Papa b’kollox… naħsbu li, għaliex nafu, għax tgħallimna jew ngħallmu, dan hu biżżejjed. Mhux vera.
Ġesu’, wara li għallem, jgħidilna: ”Ieqfu, stennew! Li taf, li tgħallimt, li taf il-verita’, li taf x’inhi s-sewwa, li taf il-Bibbja, il-Kelma t’Alla, it-tagħlim tal-Knisja, li tiġi l-Quddies u tisma’ l-Kelma t’Alla mhuwiex biżżejjed. Għandek bżonn il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.” Għaliex? Għaliex il-Kelma t’Alla, il-Verita’, dak li Alla jrid minna, mingħajr il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, aħna ma nistgħux ngħixuh.
Issa din Ġesu’ jafha dwarna: il-problema hi li aħna ma nafuhiex dwarna. Tafu kemm ma nammettuhiex dil-ħaġa? Ħudu intom ġenituri. Kemm-il darba tippretendu li għaliex lil uliedkom għidtulhom xi ħaġa, suppost jobdukom. Kemm-il darba għamiltuha din? Għax għidtha, tippretendi li jifhmuk u li jobduk. Jekk lir-raġel tiegħek għidtlu xi ħaġa, tippretendi li għandu jifhmek u jobdik. L-istess il-mara tiegħek. Tafu li Ġesu’ minna ma jippretendihiex din? Ġesu’ ma jgħidilniex “għax għidtilkom, nippretendi li tafuha u tagħmluha.” Ġesu’ tant jafna, tant jaf kemm aħna dgħajfin, tant jaf li dak li jgħidilna aħna ma nistgħux ngħixuh bil-qawwa tagħna biss, tant jaf li aħna t-tajjeb neħlu quddiemu għax aħna dgħajfa u l-ħażin jattirana aktar, xi drabi. Ġesu’ tant jaf illi aħna ngħidu mhux ħa nagħmilha, mhux ħa nagħmilha, mhux ħa nagħmilha, izda niġi fl-okkażjoni u nagħmilha. Bħad-dieta, mhux ħa niekol, mhux ħa niekol, mhux ħa niekol; jiġi dak il-ħin u niekol. Eżattament bil-maqlub nagħmlu, u tista’ mhux iddum tgħid, għax dak il-ħin taqa’.
Tant jafna Ġesu’ li jgħidilna: “ Wait, stennew! Għandkom bżonn il-qawwa tiegħi biex tgħixu sewwa.” Din hija l-qawwa Dunamis tal-Ispirtu s-Santu. M’hijiex fil-qawwa tagħkom li tistgħu tagħmluha. L-istess Ġesu’, fl-Atti tal-Appostli, qabel ma jitla’ s-sema, jgħidilhom: “Imma intom tirċievu l-qawwa Dunamis, meta jiġi l-Ispirtu s-Santu fuqkom.”
Issa, għeżież tiegħi, rridu nagħmlu dil-mistoqsija. Jekk Alla wiegħdna dil-qawwa kollha, heqq, fejn qiegħda? Fejn qiegħda, f’ħajjitna, din il-qawwa? Staqsi lilek innifsek: “Int qed tgħix minn din il-qawwa?” u tifhem għaliex dawn l-Eżerċizzi. Staqsi lilek innifsek: “Fejn qed tħalli l-qawwa t’Alla taħdem fik?” Iva jew le? Ġesu’, l-ikbar rigal, don li jista’ jagħtina hu l-Ispirtu tiegħU. Tant li meta Ġesu’ qam mill-mewt u lill-Appostli nefħilhom, tafu x’qalilhom? Hello! “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.” Ir-rigal ta’ Kristu Rxoxt x’inhuwa? L-Ispirtu s-Santu. Il-qalba tal-Festi tal-Għid x’inhuma? Ġesu’ għalfejn miet u rxoxta? Biex jimlina bl-Ispirtu tiegħU. Għalhekk. Din hija l-qalba u l-quċċata li xi drabi lanqas biss aħna konxji tagħha. Il-quċċata. Aħna bdejna r-Randan nhar l-Erbgħa. Taf fejn irid iwassalna r-Randan? La fil-Ġimgħa l-Kbira u lanqas fl-Għid: f’Pentekoste! Hemm hija l-quċċata tal-ħajja Nisranija — Pentekoste.
Ftakru din: fil-Milied Alla huwa magħna, mhux hekk? Sar bniedem fostna. Fl-Għid Alla hu għalina. Imut, għal min? F’Pentekoste Alla huwa fina. Christmas is God with us, Easter is God for us, Pentecoste is God in us and that’s the climax.
Dik hija l-quċċata, għeżież tiegħi, imma sfortunatament aħna ngħixu wisq Kristjaneżmu fuq barra. Issa jerġgħu jibdew il-purċissjonijiet, nerġgħu nibdew niġru bl-istatwi tal-Irxoxt, nerġgħu nibdew nagħmlu dan kollu fil-Knejjes tagħna, bla, bla, bla… Il-Mulej ibierek lil kulħadd, pero’ konxji dan kollu għaliex? Li aħna biex nimtlew minn ġewwa u ħalli naraw xi jfisser li nkunu mimlija bl-Ispirtu s-Santu.
Kristu Rxoxt, l-ikbar rigal li jrid jagħtik huwa l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu t’Alla, huwa l-ikbar ħaġa li jrid jagħtina. Għeżież tiegħi, xejn iktar minn hekk. Tant hu hekk li Ġesu’ ġie fid-dinja biex jagħtina l-Ispirtu tiegħU, illi San Ġwann il-Battista, meta ġie biex jintroduċi ‘l Ġesu’ u l-missjoni tiegħU, tafu Ġwanni l-Battista kif jiddeskrivi ‘l Ġesu? Isimgħu: “Jiena ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu.” Ġwanni l-Battista jintroduċi lil Ġesu’ bħala dak li l-missjoni tiegħU hija li lilna jimliena, jgħammidna bl-Ispirtu s-Santu. Il-kelma tgħammed ġejja mill-kelma Griega Baptizo, Baptisme li tfisser tgħoddos. Il-Magħmudija hija, biex niftehmu, majnata f’Alla; biex niftehmu l-Magħmudija hija majnata f’Alla. Qatt xi ħadd għoddoskom hekk f’daqqa waħda? Aħna mgħaddsin fiH. Kif kien jgħid Dun Ġorġ Preca: “Aħna bħal ħuta fl-ilma, aħna fl-ilma u l-ilma fina.” Li nkunu Nsara hija li nkunu mimlija bl-Ispirtu t’Alla. L-akbar xewqa ta’ Ġesu’ li jiena u int inkunu mimlija bl-Ispirtu s-Santu; li kull bniedem jimtela bl-Ispirtu s-Santu.
Issa Pentekoste meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq il-Knisja xi jfisser? Xi tfisser tkun mimli bl-Ispirtu s-Santu? X’jiġri?
San Pawl jispjega dan b’mod sabiħ fl-ittra tiegħu lir-Rumani, kapitlu 5, vers 5. Jgħid hekk: “L-imħabba t’Alla ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu.” Ħa nifhmuha x’jiġifieri. Aħna nistgħu ngħidu li Ġesu’ tana l-Kmandament tal-Imħabba. Iva jew le? Hu qalilna li “l-ikbar Kmandament huwa li…” Hello! “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien u ħobb lil Alla b’qalbek kollha eċċ….” Pero’ dak mhux biżżejjed. Bl-Ispirtu s-Santu fina, Ġesu’ qisu għamel hekk. Qisu jgħidlek, immaġinah…mhux se jagħmilha. Fuq kollox, ma nafx, imma immaġinah kieku Ġesu’ kellu jidhirlek eh …u aħna għandna devozzjoni tal-Qalb ta’ Ġesu’. Naħseb smajtu biha mhux hekk? Immaġinaw kieku Ġesu’ jidhirlek u jkollu qalbu f’idu. Timmaġinawh? Kif tridu intom — Ġesu’ b’qalbu f’idu. Imbagħad jgħidlek: “Din hija Mħabbti, din hija Qalbi”, u fl-id il-leminija, immaġinawh.. eh …għandu qalbu. Imbagħad b’idu x-xellugija, jdaħħalha f’sidrek hekk, jiftaħlek sidrek, jagħmillek heart transplant u jaqlaghha. Imbagħad jaqbad l-id l-oħra, plugged in bil-laser, u jpoġġilek qalbu u jgħidlek: “Issa mur u għix b’qalbi; mur u ħobb lil żewġek b’qalbi; mur u ħobb lil martek b’qalbi; mur u ħobb ‘l-għedewwa tiegħek b’qalbi; mur u ħobb ‘l-qassisin li jiżbaljaw b’qalbi; mur u ħobb ‘l min iweġġgħek b’qalbi; mur u ħobb lill-ġirien li jqabbżuhielek b’qalbi; mur u ħobb lill-boss tax-xogħol antipatku li għandek b’qalbi; mur u ħobb lil dawk li jqabbżuhielek b’qalbi; mur u ħobb lil dawk li trid tisplodihom minn quddiem għajnejk b’qalbi;… agħmel lista. Dan hu Pentekoste.
Ġesu’ mhux qalilna morru ħobbu. Għalhekk għidt, “min jgħid ‘u ija mhux l-importanti li nħobb’”. Le! Li nħobbu biex? B’qalbU. U dak jiġifieri li nkunu mimlija bl-Ispirtu s-Santu, kontinwament. Għalhekk il-miżżewġin jiżżewwġu fil-Knisja u nitolbu l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqhom wara t-talba tal-Missierna: għaliex l-imħabba li jwegħdu fuq l-altar ma jistgħux jgħixuha bil-qawwa tagħhom. Irridu ngħixu l-imħabba bil-qawwa tal-Ispirtu fina, bil-qawwa t’Alla fina, għaliex aħna limitati. Anke l-iktar persuni li għażilt li tħobb ikollok aptit tibgħathom jixxejjru f’ħajtek? Jiġrilkom hekk intom? Jekk le, għandkom problema, jekk ma jiġrilkomx hekk. Jekk jiġrilkom, intom normali għax il-ħajja hekk hi, imqar uliedek għeżież. Imqar uliedek għeżież, tħobbhom kemm tħobbhom, jiġi mument ikollok aptit… Għax aħna limitati and it’s fine guys :ħadd minna ma twieled Superman. Anke fil-Knisja jista’ jkollok lill-kappillan li jqabbiżielek; jista’ jkollok ma nafx min, idejqek. Insomma, ahna limitati!
Imma aħna rridu nirrealiżaw din. Il-bqija nkunu bħal kulħadd. Aħna l-Insara hemm qawwa fina; hemm id-Dunamis. Hemm din il-qalb ġdida li tħabbat. Aħna l-Insara, jekk għamilna din l-esperjenza. Jekk le, nixtiequha f’dawn l-Eżerċizzi li l-Mulej jagħtihielna. Aħna ngħixu ħajja ġdida. U x’inhi dil-ħajja ġdida? Aħna ma ngħixux irtukkjati, m’aħniex nies tal-facial, aħna. Tmur tagħmel facial u ftit wara trid tmur tagħmel ieħor għax malajr jerġa’ jmur. Tiżboħ xagħrek u jerġa’… jerġa’ jiġi abjad u trid terġa’ tmur tagħmlu. M’aħniex nies tal-patching: aħna nies biex insiru ħolqien ġdid, jgħidilna San Pawl. Dil-ħajja radikali, ġdida, Nisranija.
Saqsi lilek innifsek: “Inti f’ħajtek tista’ tgħid li qed tgħix ħajja ġdida, ħajja differenti? Ħajja mhix mibnija fuq x’jgħidu l-maġġoranza, x’jaħseb min ma jemminx; mhix mibnija fuq l-għira, fuq il-pika, fuq il-mibgħeda, fuq ir-regħba għall-flus, fuq li nghaffeġ lil ħaddieħor. Imma ħajja ġdida, ħajja li jrid jagħtini Ġesu’, il-ħajja ta’ qalbu, il-ħajja tal-imħabba tiegħU, il-ħajja tal-Ispirtu tiegħU fil-ħajja tiegħi. Dan jiġifieri nkunu mimlijin bl-Ispirtu s-Santu li jagħtina qalbu. L-Ispirtu s-Santu huwa l-imħabba t’Alla. L-imħabba li biha Alla jħobbna jagħtihielna f’qalbna.
Issa għeżież tiegħi, il-Mulej jista’ jagħtina din il-grazzja li aħna dan inħossuh. Jiena naqsam magħkom li fil-ħajja tiegħi, ta’ tlettax-il sena għamilt din l-esperjenza li għadni sal-lum ma ħriġtx minna f’ħajti. Kien mument meta ħassejt din l-imħabba tal-Ispirtu t’Alla tidħol fija u bkejt, u bkejt fuq li bkejt, u l-uniku talba li tlabt dak il-ħin kienet din: “Mulej ieqaf ħobbni!”, għax ħassejtni qed immut bl-imħabba. I felt literally dying out of love , u għalhekk jiena konvint minn dan.
Hija din l-imħabba biss li timbuttani, anke quddiem l-ikbar kriminali li niltaqa’ magħhom il-ħabs u barra t-triq, mingħajr biża’, u tħalli l-imħabba t’Alla tibqa’ tħobb fik. Hija din biss li tagħtina l-konvinzjoni li ma taqta’ qalbek minn ħadd, lanqas jekk tara kollox bil-maqlub; lanqas jekk ħajtek tħossha piramida, hekk, il-piż kollu fuqek, id-dinja kollha kontrik, il-ħażen kollu jsaltan! Jekk taf min jgħammar fik u temmen x’jgħid San Ġwann: “He who is in you is greater than He who is outside of you.” Min jgħammar fik huwa ikbar u iktar qawwi — Dunamis — mid-dinja ta’ barra. Din l-imħabba t’Alla hija ikbar mill-mard tiegħek, hija ikbar mill-problemi tiegħek, hija ikbar mid-djufija tiegħek, hija ikbar mid-droga, mit-terroriżmu, mill-adulterju, mill-gwerer. Hija ikbar minn kollox.
Mhux bilfors nagħmlu din l-esperjenza hekk kif qed niddeskriviha jien, kif irċevejtha jien. Għal uħud tista’ tkun konvinzjoni li bil-mod ‘il mod li tikber u li l-Ispirtu t’Alla jagħtina. Għall-oħrajn, hemm bżonn ngħixuha b’aktar fidi. Anke jekk ma nħossuhiex. Ma jimpurtax. Ġesu’ qatt ma wegħedna li “tħossu Mħabbti”. Qalilna: “Emmnu fi Mħabbti.” Li nemmnu li jħobbna, li nemmnu anke jekk din il-qawwa ma nħossuhiex qiegħda fina. U din mhix diffiċli biex nifhmuha.
Intom il-qawwa tal-mediċina dejjem tħossuha fikom? Iva jew le? Naħseb ħafna drabi ma nħossuhiex, pero’ taħdem. Inti ma tieħux pillola u tghid lit-tabib tieghek: “Dott m’jien inħoss xejn, ta!” Ikkalma, dik taħdem fis-skiet, imma taħdem. Ma jiġrix hekk. Taħdem fis-skiet. Hemmhekk qiegħda u qed taħdem. Intom qalbkom il-ħin kollu tħossuha tħabbat? Allaħares, kieku għandkom problema. Imma taħdem. Intom konxji l-ħin kollu li tieħdu n-nifs? Le, Allaħares! Tkunu konxji biss meta jkollkom problema, taqta’ nifsek. Imma n-nifs hemm qiegħed. Għall-uħud minna din l-esperjenza tal-Ispirtu fina hija silenzjuża, siekta; imma hija qawwija! Iżżommok għaddej mingħajr ma taf, għeżież tiegħi.
Xi drabi Alla jagħtina dil-grazzja, forsi f’Quddiesa, f’mument ta’ talb, f’adorazzjoni. f’pellegrinaġġ. Tgħid: “X’paċi ħassejt fit-talb tiegħi!” Ġieli għamiltuha din l-esperjenza? Dak l-Ispirtu s-Santu. “X’ferħ kien hemm f’dak il-mument ta’ talb!” Hija l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. “X’għaqda ħassejt!” Hija l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. “Kemm inħossni ninġabar!” Hija l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Xi drabi jagħtina din il-grazzja li nħossu l-preżenza tiegħU, ħafna aktar minn qatt qabel.
Biex nifhmu aktar, issa, dan l-Ispirtu s-Santu li huwa Alla, it-tielet Persuna tat-Trinita’ qaddisa: Missier, Iben, u Spirtu s-Santu. Titħawwdux ħafna għax nitkellmu mit-Trinita’. Ħarsu lejn ix-xemx. Ix-xemx għandek ix-xemx li huma l-gassijiet, għandek id-dawl u għandek is-sħana. Tista’ tifridhom minn xulxin? Ma tistax. Alla hekk qisu: il-Missier hu x-xemx fiha nnfisha, Kristu hu d-dawl u s-sħana hu l-Ispirtu Qaddis. Ma tistax tifridhom minn xulxin.
Biex nifhmu dan l-Ispirtu s-Santu x’jagħmel fina, flok ma noqgħod ngħidilkom x’jagħmel fina, matul dawn l-Eżerċizzi se nieħu persuni fil-Bibbja illi juruna l-Ispirtu s-Santu x’għamel fihom. Dawn huma:
- Il-Madonna
- San Pietru
- San Pawl
L-Ispirtu s-Santu ħafna drabi ma narawhx, imma naraw l-effetti tiegħu. Darba minnhom Ġesu’ l-Ispirtu s-Santu qabblu mar-riħ. Għaliex? Qalilna: “Ir-riħ ma tafx minn fejn hu ġej u fejn hu sejjer”. Hekk hu l-Ispirtu t’Alla; għax ir-riħ ma tarahx, imma tara l-effetti tiegħu. Ħa tagħmel xi grigalata u ara r-riħ tarahx: imma l-effetti tiegħu fis-siġar, fit-toroq, fil-baħar tarahom. L-Ispirtu t’Alla fina, anke jekk ma narawhx, imma naraw l-effetti Tiegħu. U allura, jiena nixtieq nurikom l-effetti tal-Ispirtu s-Santu f’xi nies, ħalli fihom, bl-isbah mod naraw, l-Ispirtu t’Alla x’jagħmel fina. L-ewwel waħda hija l-Madonna u ħa nieħu malajr tlett aspetti li l-Ispirtu s-Santu jagħmel ġewwa fiha.
Il-Madonna
L-ewwel: Il-Madonna hija l-ewwel waħda fil-Bibbja fit-Testment il-Ġdid li tesperjenza d-Dunamis, il-Qawwa t’Alla. Meta l-Anġlu Gabrijel deher lill-Madonna, x’qalilha, fost ħafna affarijiet? “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa (Dunamis) tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. Għalhekk daK li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin l-Għoli.”
L-Ispirtu s-Santu, x’inhi l-ewwel ħaġa li għamel f’Marija? Itaqqalha b’Ġesu’, jiġifieri l-ewwel ħaġa li jagħmel l-Ispirtu s-Santu fina jiftħilna qalbna beraħ għal Kristu. L-Ispirtu s-Santu huwa Hu li jiftħilna qalbna għal Ġesu’, għeżież tiegħi.
Issa nibdew anke ngħaddu għall-affarijiet prattiċi. Xi drabi tinkwetaw għax it-tfal ma jersqux lejn il-Knisja u tipprova tbellgħalhom lil Ġesu’. Mhux aħjar titlob l-Ispirtu s-Santu jiftħilhom qalbhom għal Ġesu’, għax huwa Hu li jista’ jagħmilha din? Aħna xi drabi nippruvaw u jgħidilna: “Toqgħodux tippruvaw timponu, forsi jkollhom raġun xi kultant”. Aħna ma nistgħu qatt nimponu. Irridu nitolbu ‘l-Ispirtu s-Santu jiftaħ qalb il-bniedem. Għaliex?
Darba minnhom Ġesu’ qalilna: “Ħadd ma jiġi għandi jekk il-Missier ma jiġbdux lejja.” Dik il-ġibda lejn Ġesu’ hija l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna. Huwa Hu biss li jista’ jiġbidna lejn Kristu. U ejjew nitolbuha dil-ħaġa, anke għalina: “iġbidni lejn Ġesu’, iġbed id-dinja lejn Ġesu’, iġbed lil uliedi lejn Ġesu”.
Meta għandna nies mimlija bl-Ispirtu s-Santu, jitkellmu dwar Alla. Meta għandna nies vojta minn Alla, moħħhom biss fihom infushom, ħi, u tieħdux għalikom, x’antipatija, xi dwejjaq tgħix ma’ nies bħal dawn. Tikkrepa xi kultant min il-ħin kollu moħħu fih innifsu. Tgħidlu xi ħaġa: “U kieku taf lili! Għandi din… Ħa ngħidlek xi xtrajt jien…” Il-Mamma mia! Għalaq ħalqek titkellimx dwarek. Int, int, int xi dwejjaq fik! Mamma mia! Tat-tqalligħ ċerti persuni, ehe, tat-tqalligħ. Dik il-verita’, jien dak il-feeling ikolli; issa ma nafx intom. Issa, jekk intom differenti, qaddisin lesti. Jien għad irrid insir qaddis. Imma ċerti nies tat-tqalligħ tgħix magħhom u tismagħhom jitkellmu. Kollox huma, Ġesu’ tiegħi!
Kemm huma sbieħ imbagħad in-nies t’Alla, mimlijin bl-Ispirtu s-Santu li jkunu jbatu. Qed niftakar f’patri, meta kont għadni nistudja l-universita’. Meta kont niġi mill-universita’ kont indur bih. Kollha konna induru bil-patrijiet il-morda aħna l-patrijiet iż-żgħar. Mhux jien biss. U kellna wieħed, kien għadu żgħir, marad żgħir ħafna u dejjem fis-sodda. Kellu l-ispine miksura, problemi ta’ nervituri. U kull darba li mmur lura u ngħidlu “Fr kif inti?”, it-tweġiba tiegħu kienet tkun, “Kif inti Hayden?” Ma jitkellimx dwaru, minkejja li qed ibati. Kellna bżonn naħsluh aħna, inbiddlulu l-ħarqa aħna, nitimgħuh aħna għal snin sħaħ, mhux ghal darba fil, imma qatt ma smajtu jgorr. Dak bniedem t’Alla, bniedem mimli bl-Ispirtu t’Alla! Imbagħad tarana, meta aħna vojta mill-Ispirtu s-Santu, vojta minn Alla fina, l-iċken ħaġa inkabbruha daqs dinja!
Għeżież tiegħi, kollox traġiku, kollox l-aħħar tad-dinja f’ħajjitna. U għaliex jien? U għaliex hekk? Kollox, kollox, kollox. Min hu mimli bl-Ispirtu s-Santu, ma jitkellimx dwaru; jitkellem dwar Alla. Imma anke fiż-żwieġ, familja, fil-kunventi, fil-parroċċi, fuq ix-xogħol, il-bniedem t’Alla, in-Nisrani, kullimkien mhux hu fiċ-ċentru – il-Mulej, anke fl-iktar mumenti iebsa jiftħilna qalbna, kif għamel f’Marija. Il-Madonna infatti, fl-ikbar kriżi fit-tieġ ta’ Kana ma tmurx tippoppa sidirha ħa ssolvi l-problema hi. Lanqas xejn. “Agħmlu li jgħidilkom Ġesu’.” Min hu mimli bl-Ispirtu s-Santu jipponta lejn Kristu. Trid tkun taf int intix mimli bl-Ispirtu s-Santu? Ara lejn min tipponta f’ħajtek, jekk hux kollox lejk jew lejn Alla.
Marija, għeżież tiegħi, turina ħaġ’oħra, illi l-Ispirtu s-Santu inissel fina l-fiduċja ta’ulied f’Alla. U tafu fejn naraw l-Ispirtu s-Santu jaħdem fil-Madonna b’mod daqshekk qawwi? Fejn? Fejn taħsbu? Fuq il-Golgota. Fuq il-Golgota, San Ġwann jgħidilna: “Kien hemm wieqfa ħdejn is-Salib ta’ Ġesu’, Ommu.” U nafu li l-Madonna, skont il-Vanġelu, la kienet qed tqatta’ xagħarha għax Ġesu’ miet; la kienet qed tgħidlu: “U għaliex lili, minn fuq li għidtlek ‘iva’; għaliex għamiltli hekk? Għaliex għamiltli hekk? X’għamiltek jien? Ma stajtx tieħu ta’ ħaddieħor illi ma jħobbx lil Alla? Jiena nħobbok, għidtlek ‘iva’, qlajtli l-inkwiet ma’ San Ġużepp minnfuq li għidtlek ‘iva’. Dak li ħadt… X’għamiltlek?” Qagħdet tgħidlu hekk?… Iva, idħku xi wħud minnkom hekk intom – iva, idħku bikom infuskom. Qagħdet tgħidlu hekk? Le! Le! Ma qagħditx tgħid hekk. “Eeeeeeeeeh!” Għamlet hekk? No. Imma l-Vanġelu jgħid… Idħku, idħku, ta. Il-Vanġelu jgħidilna li Marija kienet wieqfa, kienet siekta. Il-Madonna, isimgħuni, kienet qed tgħajjat; imma l-għajta tagħha kienet is-skiet. Il-bniedem mimli bl-Ispirtu t’Alla, is-skiet isir l-ikbar għajta tiegħu. Is-skiet isir l-ikbar karba, is-skiet quddiem il-ħażen, quddiem it-tbatija li tgħaddi minnu, quddiem Alla, tiskot. Huwa l-mod kif tafda lil Alla totalment. Bis-skiet tagħha l-Madonna kienet qed isseħħ fiha dak li San Pawl jgħidilna: “U intom għax ulied Alla, Alla bagħat l-Ispirtu t’Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba! Missier!” Il-Madonna fuq il-Golgota tgħajjat: “Abba! Missier!” Tafda ruħha f’idejn il-Missier, f’silenzju totali.
Hemm Salm li jiena jfakkarni ħafna fil-Madonna fuq il-Golgota li jurina l-Ispirtu t’Alla x’jagħmel fina. Salm 4 versi 5-6 jgħid hekk: “Triegħdu bil-biża’, u la tidinbux; aħsbu f’qalbkom billejl, u isktu! Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu u ttamaw fil-Mulej.”
Ħa nispjegawh għal Marija. “Triegħdu bil-biża’’ X’inhi dil-biża’? Tiftakru meta aħna konna żgħar, għamilna l-Griżma u qalilna nirċievu is-Seba’ Doni tal-Ispirtu s-Santu? Tiftakru x’kienu? Ħa nara.. Għerf, Fehma, Kunsill, Qawwa, Xjenza, Pieta’ u Biża’ t’Alla. Hemm hi: il-Biża’ t’Alla. M’hijix biża’ minn Alla. Il-biża’ t’Alla hija, illi jkollok tfajla li tant tħobbha u tibża’ għaliha li ħadd ma jeħodielek. Ikollok il-pet, li tant tħobbu lill-pet, (għax hawn min iħobb lill-‘pets’ aktar minn nies, no?) li jara li ħadd ma jagħmillu xejn. Li jkollok karozza li tibża’ għaliha, li ma jmurx xi ħadd jagħmillek l-iċken girfa fuqha. Tibża’ għaliha, toqgħod attent. Din hija l-Biża’ t’Alla: lil Alla tant inħobbu li nibża’ għaliH. L-ewwel ħaġa li hemm f’Marija hi li qiegħda tibża’ għall-preżenza t’Alla fil-qalb tagħha.
“U la tidinbux!” Kif tidneb? Billi teħodha kontra Alla. Marija tiskot biex ma tidnibx, ma teħodhiex kontra Alla, ma tgħidx paroli fil-vojt. “Aħsbu f’qalbkom bil-lejl” Liema hu l-lejl? Huwa l-lejl meta l-affarijiet jiġu kollha kontra. Il-Madonna fejn kienet iżżomm il-Kelma t’Alla skont San Luqa? Kienet toqgħod taħseb fuqha, iżżommha f’qalbha, bejna u bejn ruħha, bil-lejl, meta kollox jiġi kontra. “Aħseb f’Alla fik u iskot!”, jgħid is-Salm. Arawha: mimlija bl-Ispirtu t’Alla, tibża’ għal Alla, taħseb fuqu f’qalbha, tiskot.
“Offru s-sagrifiċċju li għandkom tagħmlu.” X’inhu das-sagrifiċċju biex tafda lil Alla? Hija r-rieda tiegħek, għax quddiem it-tbatija, ejja nkunu onesti, aħna nissupervjaw. Hekk aħna, quddiem it-tbatija, qisna tfal żgħar — insabbtu saqajna. Vera jew le? Nissupervjaw. Marija ma tagħmilhiex. Is-sagrifiċċju huwa li… Mulej għandi aptit narma nidgħi, imma niskot. Tidgħi, tafu x’iġifieri? Tagħmel ħaqq minn Alla, tiġġudika lil Alla, li qed jagħmel huwa ħażin mhux tajjeb, li ma jħobbokx, li ma jifhmekx, li hu kontrik. Dak hu s-sagrifiċċju li l-qawwa tal-Ispirtu tagħmel fina: li nieqaf dak il-ħin u ma nirribellax. “U ttamma fil-Mulej.” Li nafdawh fil-ħajja tagħna. Araw, l-Ispirtu t’Alla x’jagħmel f’Marija fuq is-Salib. Mela, l-ewwel ħaġa li jagħmel f’Marija li jiftħilha qalbha għal Ġesu’.
It-tieni, illi tafda. Fiduċja għamja li Alla, anke mill-ħażin kapaċi joħroġ it-tajjeb. Dik hija li nemmnu fil-qawwa t’Alla: il-qawwa t’Alla li ġieli tneħħi l-ħażen u ġieli l-ħażen tħallih biex mill-ħażin joħroġ it-tajjeb. Min jemmen, hekk jagħmel. Min jemmen mhux joqgħod igorr dwar il-ħażen li hawn fid-dinja; imma min jemmen kapaċi jara ‘l Alla bil-qawwa tiegħu, bid-Dunamis tiegħU, kif Alla kapaċi mill-ħażin joħroġ it-tajjeb.
Il-Madonna emmnet li mis-Salib se joħroġ il-Qawmien u għalhekk tiskot u tafda; li mit-tbatija se toħroġ is-Salvazzjoni tagħna; li mit-tbatija ġej l-Għid. Aħna nemmnu din, li Alla mit-tbatija joħroġ il-ġid? Mit-tbatija li twelled toħroġ ħajja ġdida? Jew nieqfu mas-sofferenza u noqgħodu ngorru? L-Ispirtu s-Santu jaħdem nħalluH fina meta ma hemmx il-garr fil-ħajja tagħna, imma hemm il-fiduċja.
It-tielet u l-aħħar ħaġa li l-Ispirtu s-Santu narawh jagħmel f’Marija. Il-Madonna rajniha mela f’Nazaret quddiem Gabrijel, rajniha fuq il-Kalvarju, fl-aħħar tappa ‘l-Madonna narawha wkoll fiċ-Ċenaklu. Tafu li l-Atti tal-Appostli jgħidilna illi meta Ġesu’ qalilhom biex jistennew l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqhom, x’għamlu? Marru fiċ-Ċenaklu, fil-kamra ta’ fuq, jitolbu flimkien ma’ Marija. Marija nsibuha hemmhekk titlob mal-Appostli. Għalxiex? Biex jiġi l-Ispirtu s-Santu. Mela Marija tgħallimna din il-ħaġa, il-bżonn li aħna nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqna. Ġesu’, meta tgħammed fil-Ġordan, l-Ispirtu s-Santu meta niżel fuqu? Waqt li kien qed jitlob. Isimgħu x’jgħid San Luqa: “Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesu’ tgħammed hu wkoll u waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu u niżel fuqU l-Ispirtu s-Santu.”
Għeżież tiegħi, aħna għandna bżonn nitgħallmu nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jinżel fuqna u jtina l-qawwa tiegħu mill-ġdid. Nixtieq nagħlaq b’sebgħa kwalitajiet ta’ dan it-talb li joħroġu minn kif għamlet il-Madonna mal-Appostli.
L-ewwel ħaġa – Talb li joħroġ mill-bżonn, li tħoss il-bżonn tal-Qawwa t’Alla. Jekk xi ħadd ma jkunx irid jiekol għax ma għandux ġuħ, għandu problema. U l-problema hi kif ħa tqabbdu l-ġuħ. Jekk ma tikolx, jekk għandek il-ġuħ u ma tikolx minħabba d-dieta alright. Imma, jekk imurlek l-aptit, għandna problema. Issa, jekk imurilna l-aptit għal Alla, għandna problema.
L-Eżerċizzi jiġu mhux biex nitgħallmu affarijiet ġodda. Imma l-ezerċizzi qishom bħal meta tkun għaddej minn quddiem xi Confectionery u xxomm dik ir-riħa tfuħ, ma tafx… ta’ dak li jogħġbok imma li propju qabel ma kellekx ħsiebu. Imma dak il-ħin, moħħok jibqa’ itektek sakemm tmur tixtrih bl-aptit li tqabbadlek. L-Eżerċizzi dawk li huma: tkun għaddej minn quddiem dil-Confectionery u dal-iblah ta’ quddiemek, bil-kelma tiegħu u bil-Kelma t’Alla, qed jipprova jqabbadlek dan l-aptit għal Alla u jiftaħlek l-istonku biex tħoss il-bżonn tal-Mulej.
It-Tieni – Nitolbu b’ubbidjenza lejn Alla. Ġesu’ qalilhom imorru jitolbu. Mhux għax inħoss li għandi nitlob. Il-Mulej qalilna, “Itolbu”, għeżież tiegħi, mela, anke jekk ma nħossux dan il-bżonn, nagħmluha xorta. Il-mediċina, meta m’ għandekx aptitha, teħodha xorta għax għandek bżonnha, b’ubbidjenza lejn it-tabib. Nitolbu.
It-Tielet – Nitolbu b’fidi li nemmnu li dak li nitolbu ħa naqilgħuh. Ġesu’ qalilna: “Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom… Mela, jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier fis-smewwiet jagħti Spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.” Ġesu’ wegħedna li jekk se titolbuni għal din il-Qawwa, għal din id-Dunamis, jiena se naghtihielkom. M’hijix “forsi naghtihielkom”, “se naghtihielkom”. Meta aħna dgħajfin, hi x’inhi d-djufija tagħna, għandna bżonn din il-Qawwa. Nitolbu għaliha.
Ir-Raba’ – Nibqgħu kostanti fit-talb. L-Appostli għamlu disat ijiem jitolbu biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu, għeżież tiegħi. Waħda mill-affarijiet kif nitolbu l-ħin kollu, kostanti, mhux billi ngħidu l-ħin kollu t-talb (tas-soltu). Ma nistgħux. Trid tmur taħdem, trid issajjar, trid tiknes, trid tnaddaf, trid tixtri, jqabbżuhielek meta qed issuq fit-traffiku jew ma nafx x’hiex… Il-ħajja trid tgħixha, u mhux se noqgħodu ċiċċi beqqi nitolbu ‘l-Ispirtu s-Santu, aħna, mhux hekk? Imma kif nistgħu nitolbu l-ħin kollu? Billi nixtiequ. Bix-xewqa. Billi fil-qalb tagħna niftakru, every now and then niftakar: “Ejja Spirtu s-Santu!” Talba sempliċi li żżomm lil qalbek għaddejja. Matul il-ġurnata tħossok ħa tirrabja: “Ejja Spirtu s-Santu!” Iqabbżuhielek: “Ejja Spirtu s-Santu!” Diffiċli taħfer: “Ejja Spirtu s-Santu!” Titlef il-paċenzja: “Ejja Spirtu s-Santu!” Tibgħathom jixxejjru: “Ejja Spirtu s-Santu! Imma mbagħad tibgħatux jixxejjer jekk jiġi, imma, ghidlu: “Ejja Spirtu s-Santu! Ejja!” Talb qasir, imma mill-qalb.
Il-Ħames – Talb marbut ma’ sawm u karita’. Meta aħna nsumu, m’hix kwistjoni li noqgħodu niċċaħdu mill-ħelu u mil-laħam u minn dawn l-affarijiet kollha. Il-punt huwa li qalbna tinfetaħ. L-ikel, meta moħħna dejjem fl-ikel, moħħna fina nfusna, vera? Innutaw: l-ikel iġiegħelek dejjem moħħok fik innifsek. Meta int issum u l-karita’ vera tafu kif inhi skond il-Knisja? Karita’ vera hija jekk inti ddeċidejt illi tagħmel sawma mis-sigaretti, ara kemm iffrankajt mis-sigaretti u tihom karita’. Il-karita’ suppost tfisser li dak li niffrankaw mis-sawm suppost li ntuh karita’. Jiena rrid nagħmel sawma ma narax TV. Issa dak il-ħin ngħaddih ngħin lil ħaddieħor, nisma’ l-mara aktar, nisma’ t-tfal aktar, noqgħod aktar mal-familja — u mhux nagħmel l-affarijet biex nħossni tajjeb jiena. Sawma tajba, għad-dieta, le! Biex ningħata lill-oħrajn, biex inħobb, għax l-Ispirtu s-Santu jiġi fina biex iħobb. Allura, meta aħna naghmlu hekk, insumu biex nħobbu, inħejjulhu l-art tajba.
Is-Sitt ħaġa hija – Li nitolbu ma’ Marija. Mhux hekk kienu qed jagħmlu l-Appostli fiċ-Ċenaklu? Jitolbu magħha, meta Eliżabbetta ltaqgħet mal-Madonna u semgħet leħenha, Eliżabbetta ntliet bl-Ispirtu s-Santu. Meta l-Appostli talbu ma’ Marija, l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq il-Knisja. Aħna tafu kif nitolbu ma’ Marija? Bit-talba tar-Rużarju. It-talba tar-Rużarju hija Ċenaklu. Nidħlu mill-ġdid mal-Madonna u nitolbu. Waqt li qed nitolbu l-Ispirtu t’Alla jinżel fina. Għaliex ir-Rużarju jġib ħafna paċi, iġib ħafna mirakli, ħafna fejqan, ħafna ħelsien, jgħaqqadna ma’ Ġesu’? Għax hemm l-Ispirtu t’Alla li jkun qed jaħdem. Mela, nitolbu ma’ Marija.
L-aħħar ħaġa u nagħlqu biha: l-Appostli talbu flimkien. Jien nixtieq nipproponielkom li matul dawn l-Eżerċizzi nitolbu flimkien u nitolbu flimkien b’talba li l-Knisja ilha titlobha snin twal, mijiet ta’ snin, ngħidulha t-talba tal-Veni Creator. Din t-talba li qassamtilkom. Aqbduha f’idejkom issa. Ħa nagħlqu billi nitolbuha. Nixtieqkom illi din it-talba, xi darba jkollkom ċans taqrawha vers, vers u tidħlu fil-fond tagħha. Din it-talba nixtieqkom fiż-żmien li ġej, matul dan iż-żmien tal-Eżerċizzi, anke ‘l quddiem jekk tridu, titolbuha kuljum u meta qed titolbuha ftakru, araw, kemm qegħdin nies, Knisja mimlija, qegħdin nitolbuha flimkien qisna kontinwament f’Ċenaklu. Ejjew naraw li dawn l-Eżerċizzi ħa jdaħħluna fil-qalba tal-ħajja Nisranija, din l-imħabba t’Alla ġewwa fina li ħa tgħinna ngħixu, ħa tgħinna nħobbu, ħa tagħtina s-sens veru tal-ħajja. Imma nitolbuha flimkien u mill-qalb. Ejjew flimkien, issa nitolbuha b’vuċi waħda, minn qalbna, b’xewqa ħerqana.
Ħallieq ta’ kollox, ejja,
o Spirtu, żur lil ruħna:
bil-grazzja tiegħek fawwar
il-qlub maħluqa minnek.
Int Difensur u Faraġ,
id-don ta’ Alla l-Għoli,
għajn ħajja, nar, imħabba,
u qawwa tar-ruħ tagħna.
Int turi l-qawwa t’Alla
bis-seba’ doni tiegħek:
int mill-Missier imwiegħed
biex tagħti l-kliem lil fommna.
Mexxina fid-dawl tiegħek,
bi mħabbtek imla qalbna,
bil-qawwa tiegħek wettaq
il-ġisem dgħajjef tagħna.
Biegħed minn fostna l-għadu,
fis-sliem għal dejjem żommna;
jekk int quddiemna timxi,
neħilsu minn kull deni.
Kun fina, w bid-don tiegħek
nagħrfu l-Missier u l-Iben
u nemmnu b’fidi sħiħa
li int l-Ispirtu tagħhom. Ammen.