🌻 Veru li x-xitan, lil dawk li jikkonsagraw ruħhom lilu, huwa kapaċi jagħtihom dak kollu li jitolbuh? X’inhuma dawk l-affarijiet li ġeneralment jitolbu lix-xitan? Dawn huma:
- ġid materjali, poter,
- sess sfrenat,
- ħakma fuq l-oħrajn,
- unuri,
- suċċess,
- ħajja twila,
- vendetta minn xi ħadd li jkun weġġaħhom,
- saħħa fiżika u fakultajiet oħra fiżiċi ‘il fuq minn normal u oħrajn…
🌻 Xi wħud, mingħand ix-xitan, ma rnexxielhom jiksbu xejn minn dan kollu li semmejna. Ħafna oħrajn imtlew bit-tama għaliex għall-ewwel irċevew xi ħaġa minn dak li talbu imma mbagħad kollox waqaf hemm. Oħrajn, li huma l-ftit, dehrilhom li l-ħajja tagħhom inbidlet kompletament: saru fortunati f’kollox, donnhom jirnexxu f’kull proġett u attivita’ li jagħmlu, jirnexxielhom jiksbu poter u ħakma fuq l-oħrajn, il-ġid materjali ma jonqoshomx. Fi ftit żmien għamlu karriera, kisbu fama, suċċess, dħul finanzjarju, posizzjonijiet soċjali ta’ importanza.
🌻 Imma x-xitan huwa ‘missier il-gideb’ u għalhekk dak li jagħtik huwa biss apparenti u għal ftit żmien. Huwa fil-fatt ma jistax jiggarantilek li dak li wegħdek, iwettqu. Jiġi mument li dak l-imperu li tant jidher kbir f’għajnejk, jaqa’ kollu f’daqqa u miegħu jfarrak lil dawk kollha li poġġew it-tama u l-fiduċja tagħhom fih!
🌻 Forsi xi wħud jistgħu jgħidulek: imma għaliex kultant nitlob lil Alla u donnu ma jismanix filwaqt li x-xitan jagħtik dak li titolbu? Tajjeb inżommu f’moħħna li x-xitan jagħtik dak li trid u mhux dak li għandek bżonn għax hu, fil-verita’, ma jimpurtahx minn ħajtek, imma għax għandu mibegħda lejk, irid biss ikissrek u permezz tiegħek jivvendika ruħu minn Alla, iweġġa’ lil Alla. Dan bħal meta l-ġenituri jċaħħdu lil uliedhom minn xi ħaġa li jafu li tista’ tagħmlilhom il-ħsara jew li għadu mhux il-waqt li jkollhom. Jekk it-tifel jirnexxielu jakkwista dak li jrid mingħand il-ħbieb tiegħu, jibda jaħseb li l-ħbieb iħobbuh aktar mill-ġenituri tiegħu, li l-ħbieb jimpurtahom minnu aktar mill-ġenituri tiegħu u l-ħbieb huma b’saħħithom (finanzjarjament) aktar mill-ġenituri tiegħu. Imma fil-verita’ ma jkunx hekk. Dik li minn naħa tal-ħbieb tidher ‘imħabba’ ma tkun imħabba xejn għax dak li jagħtuh jista’ jwassal biex jagħmillu ħsara għal saħħtu jew għal ħajtu.
🌻 Irridu nżommu f’moħħna li l-għan ewlieni tax-xitan huwa li jbeżża’ u jħawwad l-erwieħ biex ikaxkarhom fid-disperazzjoni jew fid-dnub u biex iwassalhom fit-telfien ta’ dejjem. Hu jaf li meta l-bniedem ibati ikun aktar faċli li jirribella kontra Alla u għalhekk jipprova jġiegħel lill-bniedem ibati permezz ta’ wegħdiet fiergħa li ma jwasslu mkien ħlief għad-distruzzjoni tiegħu innifsu. Imma Alla qatt ma jabbanduna il-kreaturi tiegħu f’ħalq ix-xitan u joffrilu l-mezzi kollha biex jirċievi l-għajnuna neċessarja biex ikun jista’ jieqaf lix-xitan, jikkumbattih u jirbaħlu.