🌻 Għall-kuntrarju, aħna li rċevejna l-Ispirtu s-Santu li Ġesu’ wegħedna li ser jibgħattilna, għandna aktar għarfien dwar Ġesu’ minn nies li għexu meta kienu fid-dinja. Infatti, dawn ma kienux għadhom irċevew l-Ispirtu s-Santu li xogħolu hu li:
- jfakkarna t-tagħlim ta’ Ġesu’
- ikabbar fina l-fidi
- u jgħinna nfasslu ħajjitna bil-mod kif iridna Ġesu’.
🌻 Prova ta’ dan, għandna kliem Ġesu’ stess meta, qabel ma kien ser jinfired mid-dixxipli qallilhom:
- “…ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, l-Ispirtu s-Santu ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom” (Ġwanni 16: 7)
u aktar:
- “L-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.” (Ġwanni 14: 26)
🌻 Mela Alla uża l-Persuna ta’ Ġesu’ biex iwasslilna l-Kelma tiegħu. Fil-preżent, ma biddilx il-mod ta’ kif iwasslilna l-Kelma tiegħU. Hu għadu u jibqa’ jinqeda b’persuni,
- bil-Papa,
- bl-Isqfijiet u s-Saċerdoti magħqudin miegħu
- u b’kull min hu ta’ xhieda vera għaliH, anki lilna wkoll.
🌻 Għandna wkoll is-Sagrament tal-Ewkaristija (il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ġesù nnifsu) li nistgħu naraw, immissu u nirċievu ġewwa fina.
🌻 Niftakru wkoll fil-kliem li qal Tumas qabel ma ra lil Ġesu’ mqajjem mill-mewt: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx” (Ġwanni 20: 25). U ma ninsewx x’qalu Ġesu’ meta deher: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġwanni 20: 29).