319. Riflessjoni fuq Luqa 24: 46-53

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 24: 46-53

Ascension_of_Our_Lord3

L-Evanġelju skont San Luqa 24: 46-53

[Lq:24:46] F’dak iż-żmien: Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,

[Lq:24:47] u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.

[Lq:24:48] Intom xhud ta’ dan.

[Lq:24:49] U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”

[Lq:24:50] Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejh u berikhom.

[Lq:24:51] U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema.

[Lq:24:52] Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm,

[Lq:24:53] u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Int tiddubita għaliex ma tarax?

Il-Mulej jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu jagħtina d-don tal-Fidi biex aħna nagħarfuh personalment u biex nifhmu l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

Inti temmen f’Kelmtu u tfittex li tisimgħu jkellmek?

Temmen fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija?

Temmen li Hu jkun jistenniek fit-Tabernakli sieket?

Ħsieb għal Qalbek …

It-tluq u l-axxenzjoni ta’ Ġesu’ lejn is-Sema kienet kemm tmiem, kif ukoll il-bidu għad-dixxipli tiegħu. Filwaqt li kienet tmiem tal-preżenza fiżika ta’ Ġesu’ mal-għeżież dixxipli tiegħu, immarkat il-bidu tal-preżenza ta’ Ġesu’ magħhom b’mod ġdid. Ġesu’ wegħedhom li kien se jibqa’ magħhom dejjem sal-aħħar taż-żmien. Issa bħala l-Mulej u s-Salvatur imqajjem mill-mewt u gglorifikat tela’ u qiegħed in-naħa tal-lemin tal-Missier fis-Sema, Ġesu’ wiegħed li jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu li kien se jikkonsagrahom bil-qawwa tiegħu fil-festa ta’ Pentekoste, l-istess bħalma Ġesu’ kien ikkonsagrat għall-ministeru tiegħu fix-xmara Ġordan.

Meta l-Mulej Ġesu’ telaq b’mod fiżiku minn mall-appostli ma ħallihomx imnikktin jew iddisprati, anzi huma kienu mimlija bil-ferħ u b’antiċipazzjoni kbira għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

L-aħħar kliem ta’ Ġesu’ lill-Appostli jipponta lejn il-missjoni tas-salvazzjoni tiegħu u lejn il-missjoni tagħhom li jkunu xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu li bihom salvana u jxandru l-Aħbar it-Tajba ta’ salvazzjoni lid-dinja kollha. Il-ħidma tagħhom hi li jxandru l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni mhux biss lill-poplu t’Iżrael imma lin-nazzjonijiet kollha. L-imħabba t’Alla u d-don tas-salvazzjoni mhux biss għal ftit minn nies jew għal nazzjon wieħed biss, imma hi għan-nies tad-dinja kollha u ta’ kull żmien. Hi għal dawk kollha li jaċċettawha. L-Evanġelju hu l-Qawwa t’Alla, il-qawwa li taħfer id-dnubiet, li tfejjaq, li teħles mill-ħażen u l-oppressjoni u li ġġedded il-ħajja.

Inti temmen fil-qawwa tal-Evanġelju?

Ġesu’ ma fdax ix-xandir tal-Evanġelju u s-Sagramenti għall-fejqan u l-liberazzjoni f’idejn il-Knisja permezz tas-saċerdoti biss, imma fdah ukoll lil kull min kien se jemmen. Ġesu’ mqajjem mill-mewt jagħti din il-kariga kbira lil kull membru fil-Knisja. Kull min jemmen għandu sehem minn din il-ħidma glorjuża li jkun messaġġier tal-Bxara t-Tajba u ambaxxatur għal Kristu l-uniku Salvatur tad-dinja.

Aħna ma tħallejnix waħedna f’din il-biċċa xogħol għax il-Mulej innifsu jaħdem fina u permezz tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Illum, aħna nesperjenzaw Pentekoste ġdid filwaqt li l-Mulej iferra’ l-Ispirtu fuq il-poplu tiegħu l-Knisja biex iġġeddidha, issaħħaħha bħala l-Ġisem tiegħu u biex jibniha ħalli taqdi ministeru effettiv u missjoni madwar id-dinja kollha.

U inti tagħti xhieda quddiem l-oħrajn tal-ferħ tal-Evanġelju u tat-tama tal-qawmien għall-ħajja?

Itlob …

Mulej Ġesu’, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, Int timliena bi spirtu ta’ tifħir u ta’ ferħ li ebda prova ta’ din id-dinja ma jeħdulu postu, imliena bil-ferħ tal-qawmien u għinna ngħixu ħajja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lejk u għall-glorja tiegħek.

Għażiża Marija, Omm il-Knisja, itlob magħna għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu li ġġedded il-Knisja, tfejjaqha, issaħħaħha, u tibqa’ tibgħatha biex kull wieħed u waħda minna nkunu tassew xhieda quddiem kulħadd bla distinzzjoni tal-Evanġelju, afdat lilna minn Ġesu’ Ibnek. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s