304. Riflessjoni fuq Luqa 9: 51-62

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 9: 51-62

jesus-sends-disciples

L-Evanġelju skont San Luqa 9: 51-62

[Lq:9:51] F’dak iż-żmien, meta qorob għal Ġesu’ iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.

[Lq:9:52] U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod.

[Lq:9:53] Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm.

[Lq:9:54] Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”

[Lq:9:55] Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom.

[Lq:9:56] U marru f’raħal ieħor.

[Lq:9:57] Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.”

[Lq:9:58] U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta’ l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.”

[Lq:9:59] Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja.” Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.”

[Lq:9:60] Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.”

[Lq:9:61] U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar.”

[Lq:9:62] Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m’huwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti lest li timxi wara l-Mulej kull fejn jurik?

Mas-sejħa l-Mulej jagħti l-grazzja biex twieġeb u timxi warajh sal-aħħar.

Għaliex Ġesu’ joffri sfida mas-sejħa?

Ġesu’ kien dejjem onest f’li jgħid lin-nies x’kien se jiswielhom li jimxu warajh. Meta resqu lejn Ġesu’ dixxipli li kienu mħajjra jimxu warajh Ġesu’ qalilhom li din tirrikjedi s-sagrifiċċju u d-distakk minn dak li seta’ jtellef li wieħed ikun kollu kemm hu leali għas-sejħa.

Ġesu’ kien aħrax u imprudenti fil-mod kif ried lid-dixxipli jiddiskattaw rwieħhom mill-obbligazzjonijiet li ħassew li kellhom lejn l-għeżież tagħhom?

Mhux tassew, aħna liberi li niddeċiedu jekk naqbdux it-triq li Ġesu’ joffrilna, imma jekk nagħżlu li mmorru allura l-Mulej iridna nagħrfu l-prezz li titlob minna ħajja bħal din u nidħlu għaliha bil-kuraġġ u bil-liberta’.

Ħsieb għal Qalbek …

Kif tidħol l-istorja ta’ min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura?

Dak li jagħmel dan il-ġest ikun qed jikkawża li l-gandott li jkun qed jagħmel ma jibqax ġej dritt fil-mogħdija kif inhu suppost. L-istess aħna nħarsu lura lejn dak li nkunu ħallejna warajna triqatna jiżvijaw u nitilfu dak li Alla jkun ippjana għalina.

U inti lest li tmur għal għonq it-triq, dik it-triq li Ġesu’ qed joffrilek?

Il-grazzja tiegħu biżżejjed u mħabbtu hi l-qawwa tiegħek. M’hemm xejn aktar nobbli milli wieħed ipoġġi ħajtu għas-servizz tal-Mulej, is-Sid tal-Univers. Ġesu’ wiegħed li jagħti għal mitt darba iżjed lil min iħalli għall-imħabba tas-sejħa, affarijiet għeżież għalih u fl-aħħar il-ħajja eterna.

X’qed iżommok milli timxi wara l-Mulej u twettaq ir-rieda tiegħu għal ħajtek?

Itlob …

Talba ta’ Sant Injazju…

Ħu Mulej u ilqa’ l-liberta’ tiegħi kollha, il-memorja tiegħi, id-dehen tiegħi, u r-rieda kollha tiegħi. Kulma għandi u kulma hu tiegħi dan kollu inti tajtuli, lilek Mulej inroddu. Kollox hu tiegħek, agħmel minnu għal kollox kif trid int, lili agħtini mħabbtek u l-grazzja tiegħek din biżżejjed għalija.

Marija ommi, Omm tal-parir it-tajjeb għallimni nimxi wara Ibnek bil-fedelta’ u l-qdusija. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s