Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 10: 35-45
L-Evanġelju skont San Mark 10: 35-45
[Mk:10:35] Fdak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejn Ġesu u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.”
[Mk:10:36] “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom.
[Mk:10:37] U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.”
[Mk:10:38] Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”
[Mk:10:39] “Għandna,” qalulu. Mbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien;
[Mk:10:40] imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.”
[Mk:10:41] L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni.
[Mk:10:42] Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom.
[Mk:10:43] Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom,
[Mk:10:44] u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd.
[Mk:10:45] Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġesu’ għamel xi ħaġa li wieħed ma jistennihiex. Hu għaqqad l-awtorita’ mas-servizz u s-sagrifiċċju. L-offerta tal-ħajja tiegħek għall-benefiċċju tal-oħrajn. L-awtorita’ mingħajr l-imħabba b’sagrifiċċju hi brutali u egositika. Il-Kalċi li kellu f’moħħu Ġesu’ kien wieħed qares u li jinvolvi s-Salib.
Ħsieb għal Qalbek …
X’tip ta’ Kalċi għandu f’moħħu l-Mulej għalina?
Għal uħud mill-appostli dan il-kalċi kien jikkonsisti f’sofferenza fiżika u t-taqbida ħarxa tal-martirju. Imma għal ħafna minna jikkonsisti fir-rutina twila tal-ħajja Nisranija, fid-doveri, fis-sagrifiċċji li tirrikjedi, diżappunti, taqbid u tentazzjonijiet.
In-Nisrani jrid ikun lest li jħalli ħajtu fil-martirju u jkun lest li jmut għalih innifsu kuljum fis-sagrifiċċji żgħar u kbar li jkun hemm bżonn jagħmel.
Inti li lest li tagħmel dan u li sservi lill-oħrajn fuq l-istess passi u eżempju tal-Imgħallem tagħna Ġesu’ ?
Itlob …
Mulej Ġesu’, agħmilni qaddej fis-Saltna tiegħek. Qaddej li jaf iħobb u jservi lilek u lill-oħrajn aktar milli jfittex milli jkun maħbub u servut mill-oħrajn. Ħeġġeġ lil qalbi bin-nar Divin tiegħek, ħalli nkun nista’ nagħti minni nnifsi b’ġenerożita’ u nservi lil kulħadd bil-ferħ, bi mħabba għalik. Ammen.