Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 9: 38-43, 45, 47-48
L-Evanġelju skont San Mark 9: 38-43, 45, 47-48
[Mk:9:38] F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesu: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu m’huwiex wieħed minn tagħna.”
[Mk:9:39] Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi.
[Mk:9:40] Għax min m’huwiex kontra tagħna, huwa magħna.
[Mk:9:41] “Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.”
[Mk:9:42] “Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.
[Mk:9:43] U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli li tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex.
[Mk:9:45] U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern.
[Mk:9:47] U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern,
[Mk:9:48] fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Inti tifraħ bit-tajjeb tal-oħrajn?
Ġesu’ jċanfar lid-dixxipli tiegħu għall-għira u s-suspett li kellhom. Kienu rritati li xi ħaddieħor li ma kienx mill-kumpanija tagħhom kien qed iwettaq ħidma spiritwali f’isem Ġesu’. Waslu saħansitra biex waqfuh għax hu ma kienx mill-grupp tagħhom. Ir-risposta ta’ Ġesu’ kienet mimlija għerf. ‘Ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi, imma mbagħad malajr se jkollu l-ħila jgħid kontra tiegħi.’
U aħna m’aħniex bħad-dixxipli wkoll meta nirritaw irwieħna bit-tajjeb ta’ ħaddieħor li qisu jiddi aktar minn tagħna?
San Pawl jgħid: ‘L-imħabba mhijix għajjura, imma tifraħ bit-tajjeb.’ Dan insibuh fl-ewwel ittra lill-Korintin kapitlu 13 versi minn 4 u 6. L-għira hi dnub għax twassalna biex niddejqu fuq dak li għandu jagħmilna ferħana, jiġifieri t-tajjeb tal-proxxmu tagħna.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ kien qed jeseġera meta ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu jużaw miżuri drastiċi biex jevitaw il-ħażen u l-konsegwenzi ta’ ħsara tiegħu?
Hekk bħal ma’ tabib jista’ jneħħi parti mill-ġisem ta’ bniedem biex ikun jista’ jippriserva l-ħajja tal-ġisem kollu hekk aħna għandna nkunu lesti li nitbegħdu minn kull ħaġa li twaqqgħana fid-dnub u twassalna għall-mewt spiritwali. Ġesu’ jwissi lid-dixxipli tiegħu r-responsabbilta’ tremenda li huma għandhom li ma jħallu l-ebda ostaklu fit-triq tal-oħrajn, iġifieri li ma jagħtux eżempju ħażin li jista’ jwassal lill-oħrajn biex jaqgħu fid-dnub.
U int b’liema ħeġġa u mpenn qed tbiegħed minnek u minn ħaddieħor kull okkażjoni tad-dnub?
In-nies madwarek jilmħu fik bniedem t’eżempju tajjeb?
Jekk bniedem dgħajjef ikun fir-riskju li jitlef il-fidi int x’tagħmel? Tinġarr ma’ xi tagħlim kontra dak li jgħallem Kristu u l-Knisja jew tgħin lil din il-persuna bl-eżempju aktar milli bi kliemek biex terġa’ ssib it-triq li tkun tbegħdet minna?
Itlob …
Mulej, imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli jiena ngħaddi l-ferħ tal-Vanġelu tiegħek lill-oħrajn.
Għażiża Marija, ommna lkoll int li preservajt is-safa li biha żejjnek Alla u kont t’eżempju anke għalina llum, nitolbok biex b’talbek tgħallimni nkun strument f’idejn Alla, strument ta’ tama, ta’ mħabba u ta’ dawl biex ħuti l-bnedmin ukoll isibu ħajja ġdida u ħelsien mid-dnub u l-korruzzjoni tal-ħażen. Ammen.