Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 7: 1-8, 14-15, 21-23
L-Evanġelju skont San Mark 7: 1-8. 14-15. 21-23
[Mk:7:1] F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejh,
[Mk:7:2] u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom m’humiex indaf, jiġifieri m’humiex maħsulin.
[Mk:7:3] Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa;
[Mk:7:4] hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż.
[Mk:7:5] Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skond it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom m’humiex indaf?”
[Mk:7:6] Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub : Dan il-poplu, bix-xufftejn biss jaghtini gieh, imma qalbhom hija l bogħod minni.
[Mk:7:7] Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’
[Mk:7:8] Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.”
[Mk:7:14] Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni!
[Mk:7:15] Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem.”
[Mk:7:21] Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żina, serq, qtil,
[Mk:7:22] adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha.
[Mk:7:23] Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’jagħmel persuna mtebbgħa u ħatja tad-dnub?
Ġesu’ jakkuża lill-Fariżej u lill-Kittieba minn żewġ affarijiet.
L-ewwel: Għall-ipokresija tagħhom. Kienu jidhru li qed jimxu skont il-liġi t’Alla biex jintgħoġbu min-nies filwaqt li f’qalbhom kien hemm ħsibijiet u intenzjonijiet ħżiena.
It-tieni: Akkużahom li abbandunaw il-Kelma t’Alla billi imponew fuq il-poplu l-argumenti u l-interpretazzjonijiet tagħhom ta’ dak li Alla ried.
Ġesu’ japplika għalihom il-profezija t’Iżaija li nsibuha: F’Iżaija Kap 29 vers 31 li kien akkuża lin-nies ta’ żmienu li lil Alla b’fommhom biss ibierkuh imma qalbhom kienet ‘il bogħod minnu għax ma kienux jobdu l-liġi t’Alla.
Ħsieb għal Qalbek …
Alla fil-ħniena tiegħu dejjem lest li joffrilna bla ħlas il-maħfra tiegħu, il-fejqan, u l-grazzja li negħlbu d-dnub u l-ħażen f’ħajjitna. Imma biex nirċievu din il-ħniena u l-għajnuna t’Alla, aħna għandna nistqarru ħtijietna mas-saċerdot li jirrapreżenta lil Kristu fil-Qrar. Permezz ta’ qrara tajba l-Ispirtu s-Santu jnaddafna minn dnubietna b’dan is-Sagrament li nistgħu nirċievu kull meta nħossu l-bżonn.
Jekk ilek ma tersaq lejn dan is-Sagrament li permezz tiegħu terġa’ ssir ħabib m’Alla, itlob lill-Mulej biex jurik ħtijietek b’mod ċar u jagħtik il-kuraġġ u l-qawwa li tindem, tqum u tmur f’riġlejn saċerdot. Taqtax qalbek u tħallix lix-xitan joqgħod jgħidlek li int għalxejn tqerr għax terġa’ taqa’. Alla jara l-intenzjonijiet tajba tiegħek u bil-qawwa tal-istess Sagrament jagħtik il-grazzji li teħtieġ biex tikkumbatti id-dnub f’ħajtek. Alla jobgħod lid-dnub fik imma jħobb lilek tant li miet għalik. Tħallix għal għada. Għada jista’ jkun tard wisq.
Itlob …
Mulej, agħtini l-grazzja li nersaq ta’ spiss biex nirċievi l-maħfra tiegħek fis-Sagrament tal-Qrar u tħalli l-ebda skuża f’moħħi żżommni ‘il bogħod milli nitħabbeb miegħek u ngħix b’qalb safja.
Għażiża Ommi Marija, dawwalni bid-dawl t’Ibnek ħalli f’ħajti qatt ma nagħti l-ġenb dawk l-affarijiet meħtieġa li għandhom iwassluni biex darba niġi ngawdikom fil-ġenna. Ammen.