Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 20: 19-23
L-Evanġelju skont San Ġwann 20: 19-23
[Ġw:20:19] Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”
[Ġw:20:20] Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.
[Ġw:20:21] Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”
[Ġw:20:22] Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.
[Ġw:20:23] Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Int esperjenzajtu l-ferħ tal-Qamwien?
Ġesu’ mqajjem mill-mewt irivela l-glorja tal-qamwien tiegħu lid-dixxipli b’mod gradwali u fuq perjodu ta’ żmien. Anke wara li d-dixxipli raw il-qabar vojt u semgħu r-rapporti li Ġesu’ deher lin-nisa kienu għadhom dgħajfa fil-fidi u beżgħana li setgħu jiġu arrestati mill-awtoritajiet Lhud. Meta Ġesu’ dehrilhom offrilhom provi tal-qawmien tiegħu billi wriehom il-pjagi tal-passjoni tiegħu, idejh u ġenbu minfuda. Hu ikkalma l-beżgħat tagħhom u ġabilhom il-paċi. Il-paċi li tgħaqqad il-midinbin u li tagħmilna ħbieb m’Alla.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ għamel xi ħaġa li biss l-imħabba u l-fiduċja jistgħu jagħmlu. Hu ta l-inkarigu lid-dixxipli dgħajfa u magħluqa fihom infushom biex iwasslu l-Evanġelju sa truf l-art. Din li bgħatt lid-dixxipli hi parallella għal meta l-Missier bgħatt lil Ġesu’ fid-dinja. Ġesu’ wettaq il-missjoni tiegħu permezz tal-imħabba u l-ubbidjenza perfetta għar-rieda tal-Missier.
Hu sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u jsejjaħ lilna wkoll bl-istess mod. L-istess bħal ma’ ta lill-ewwel dixxipli d-don tal-Ispirtu s-Santu hu jonfoħ fuqna l-istess Spirtu s-Santu li jimliena u jsaħħaħna bil-qawwa u bil-grazzja tiegħu biex aħna wkoll inwettqu din l-istess sejħa bħad-dixxipli. Permezz tad-don tal-fidi nxandru li Ġesu’ hu l-Mulej u Alla tagħna. Hu miet u qam ħalli aħna wkoll nistgħu nqumu għal ħajja ġdida fih. Il-Mulej joffri lil kull wieħed u waħda minna ħajja ġdida fl-Ispirtu tiegħu biex aħna nsiru nafuh personalment u nimxu f’din it-triq ta’ ħajja ġdida permezz tal-qawwa redentiva tiegħu li kiseb bil-qawmien tiegħu mill-mewt.
U inti qed tgħixha l-Kelma t’Alla u xxandarha bil-kliem u l-eżempju ta’ ħajtek?
Tħallih l-Ispirtu s-Santu jitrasformak u jgħallmek iżjed biex tkun tixbah lil Kristu?
Kemm titolbu jgħinnek tirbaħ fuq in-nuqqasijiet u d-dgħjufijiet tiegħek u kulma jista’ jżommok lura milli twettaq ir-rieda tal-Missier?
Itlob …
Mulej Ġesu’ permezz tar-rebħa tiegħek fuq id-dnub u l-mewt, inti ssaltan fuq l-qawwa tad-dlamijiet. Għenni nersaq lejk u nafda f’Kelmtek li tagħti l-ħajja.
Ħelwa Marija Tempju tal-Ispirtu s-Santu, itlob miegħi u mal-membri kollha tal-Knisja għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu bl-istess mod kif kont preżenti u tlabt mad-dixxipli t’Ibnek dakinhar ta’ Pentekoste. Għallimni nħalli l-Ispirtu t’Alla jqawwini fil-fidi tiegħi fil-wegħdiet tiegħu, fit-tama tiegħi fil-qawwa tal-qawmien mill-mewt u fil-ħajja ta’ dejjem miegħu fil-ġenna. Ammen.