260. Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 41-51

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 41-51

jesus-speaking-crowd-1103410-wallpaper

L-Evanġelju skont San Ġwann 6: 41-51

[Ġw:6:41] Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, ‘Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.’

[Ġw:6:42] U bdew jgħidu: “Dan m’huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ‘l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema’?”

[Ġw:6:43] Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom.

[Ġw:6:44] Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.

[Ġw:6:45] Hemm miktub fil-Profeti, ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.

[Ġw:6:46] Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier.

[Ġw:6:47] Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.

[Ġw:6:48] Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.

[Ġw:6:49] Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu;

[Ġw:6:50] dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.

[Ġw:6:51] Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Alla joffri ‘l poplu tiegħu l-ħajja bl-abbundanza, imma aħna nistgħu nitilfuha. Liema huwa l-Ħobż tal-ħajja li Ġesu’ joffrilna?

Fi żmien Ġesu’ diversi nies qalu: ‘Kif jista’ Ġesu’ li hu biss Bin il-mastrudaxxa jagħmel dak li qed jgħid? iġfieri jagħtina Ġismu u Demmu bħala nutriment li jagħtina l-ħajja ta’ dejjem?’ u stagħġbu bih.

Fi żminijietna wkoll isib min igorr u jikkritika u jgħid: ‘Imma li tiekol il-Ġisem u tixrob id-Demm ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija mhux xi ħaġa li tgħallimna meta konna żgħar? X’relevanza għad għandha llum fiż-żmien meta n-nies tagħti importanza lix-xjenza li tipprova b’mod materjali dak kollu li hawn madwarna?

L-istess bħal uħud minn nies ta’ żmien Ġesu’ hemm ukoll dawk li fi żminijietna jinsew li Ġesu’ huwa Alla u li għalih xejn ma hu impossibli. Hemm oħrajn imbagħad li jaċċettaw il-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, imma l-fidi tagħhom hi dgħajfa. Oħrajn jgħidu li jemmnu, imma l-azzjonijiet tagħhom jinegaw dan l-istess twemmin. Huma ma jirċievux lil Ġesu’ daqshekk spiss daqskemm jistgħu. Jista’ wieħed jimmaġina bniedem bil-ġuħ fil-pajjiżi tat-tielet dinja li hu għażżien wisq biex imur iġib ħobża offrutha lilu bla ħlas?

Uħud mill-Insara jiriċievu lil Ġesu’ fl-Ewkaristija bi gratitudni u ringrazzjament. Oħrajn jaħsbu li qegħdin jagħmlu favur lil Kristu jew lis-saċerdoti tiegħu. Numru ta’ nies ftit jibbenifikaw min-nutirment spiritwali li Ġesu’ fl-Ewkaristija jrid jagħtina għaliex jersqu għat-Tqarbin b’nuqqas ta’ ħsieb jew preparazzjoni.

Ħsieb għal Qalbek …

Hemm imbagħad dawk l-Insara li jagħrfu li l-Ħobż Imqaddes li nirċievu minn fuq l-altar tal-Mulej huwa Ġesu’ nnifsu li jżommna b’saħħitna u ħajjin f’ruħna minn issa u għal dejjem fl-eternita’.

Inti x’tip ta’ atteġġament qed tieħu lejn Ġesu’ Ħaj fl-Ewkaristija li kontinwament jistiednek biex tgħix bih?

Itlob …

Mulej Ġesu’, inti l-veru ħajja tagħna li tgħajjixna f’dan iż-żmien u għal dejjem fl-eternita’, agħmel li dejjem infittex lilek li int il-Ħobż li nżilt mis-sema u li nsib fik in-nutriment u l-qawwa li għandi bżonn biex inħobbok u nservik b’qalbi kollha, agħmel li dejjem ngħix fil-ferħ, fil-paċi u fl-unjoni mal-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fiż-żmien t’issa u f’dak li ġej. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s