259. Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 37-40

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 6: 37-40

imagenesdejesusconsolando

L-Evanġelju skont San Ġwann 6: 37-40

[Ġw:6:37] F’dak iż-żmien, Ġesu qal lill-folla: “Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ‘il barra;

[Ġw:6:38] għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.

[Ġw:6:39] Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.

[Ġw:6:40] Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’inhi l-ħajja?

Żgur li Ġesu’ ried ifisser b’mod ċar li hi aktar minn sempliċiment eżistenza fiżika. Il-ħajja li jirreferi għaliha Ġesu’ hi f’għaqda m’Alla, l-awtur ta’ din l-istess ħajja. Wieħed ikun qed jgħix tassew jekk jgħix f’relazzjoni m’Alla l-Ħaj. Relazzjoni ta’ fiduċja, t’imħabba u t’ubbidjenza. Dan hu dak li Ġesu’ jagħmel possibli. Relazzjoni t’imħabba m’Alla li ħalaqna biex ngħixu fl-imħabba miegħu. Ħadd ma jista’ jidħol f’din it-tip ta’ relazzjoni u ta’ ħajja jekk mhux permezz ta’ Ġesu’. Hi relazzjoni li sseħħ kif ngħidu f’waħda mit-talbiet tal-Quddiesa: “Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu.’

Inti sodisfatt mis-sempliċi eżistenza fiżika jew taspira u tixxennaq għall-ħajja vera?

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jagħmel tlett stqarrijiet.

L-ewwel, huwa joffri lilu nnifsu bħala ikel spiritwali li jipproduċi l-vera ħajja t’Alla fina b’referenza għall-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija li jgħajjixna mhux biss għal din il-ħajja, imma li Bih ngħixu għall-ħajja fl-eternita’.

It-tieni, Ġesu’ jwiegħed relazzjoni li ma tispiċċax u ħelsien mill-biża’ li tista’ tiġi minsi jew maqtugħ minn Alla.

It-tielet, Ġesu’ joffrilna t-tama li naqsmu miegħu fil-qawmien tiegħu.

Dawk li jilqgħu lil Ġesu’ bħala Sidhom, il-Mulej u s-Salvatur, ikunu mqajma għall-ħajja immortali miegħu meta hu jerġa’ jiġi fl-aħħar jum.

U int qed tgħix il-ħajja li Ġesu’ joffrilna li taf li se twasslek għall-qawmien mill-mewt u l-ħajja ta’ bla tmiem fit-tgawdija tal-ġenna fiż-żmien li ġej?

Kemm u kif qed tirsisti għaliha?

Itlob …

Mulej Ġesu’, l-mewt tiegħek ġabitilna l-ħajja u t-tama fejn qabel kien hemm biss id-disperazzjoni u t-telfien. Agħtini t-tama ċerta tal-ħajja ta’ dejjem u tal-ferħ li jiġi mill-għarfien tal-imħabba bla qies li biha tħobbni.

Għażiża Marija, għallimni nħalli lil Alla jkabbarli l-fidi u l-ubbidjenza lejh ħalli nwettaq ir-rieda tal-Missier tas-sema bħalma int Ma, wettaqtha b’fedelta’ f’għaqda m’Ibnek u mad-dixxipli tiegħu sal-aħħar. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s