Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 5: 31-47

L-Evanġelju skont San Ġwann 5: 31-47
[Ġw:5:31] F’dak iż-żmien, Ġesu qal: Kieku jien kelli nagħti xhieda fuqi nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma kinitx tkun minnha.
[Ġw:5:32] Hemm ħaddieħor li jagħti xhieda fuqi, u jiena naf li x-xhieda li jagħti fuqi hu hi minnha.
[Ġw:5:33] Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità.
[Ġw:5:34] Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta’ bniedem, imma qiegħed ngħidilkom dan għas-salvazzjoni tagħkom.
[Ġw:5:35] Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu.
[Ġw:5:36] Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta’ Ġwanni; għax l-għemejjel li tani l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni.
[Ġw:5:37] U dak li jagħti xhieda fuqi huwa dak stess li bagħatni, il-Missier, li intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu l-bixra ta’ wiċċu;
[Ġw:5:38] u l-kelma tiegħu ma tinsabx fikom, għax intom m’intomx temmnu lil dak li huwa bagħat.
[Ġw:5:39] Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta’ dejjem; din tagħti xhieda għalija;
[Ġw:5:40] u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.
[Ġw:5:41] “Jiena ma nieħu ebda glorja mill-bnedmin,
[Ġw:5:42] imma jiena lilkom nafkom, naf li l-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fikom.
[Ġw:5:43] Jien ġejt f’isem Missieri, u intom ma lqajtunix; jekk ħaddieħor jiġi f’ismu stess, intom tilqgħuh.
[Ġw:5:44] Imma kif jista’ jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu?
[Ġw:5:45] Xejn la taħsbu li se nkun jien li nakkużakom quddiem il-Missier; dak li jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom.
[Ġw:5:46] Għax kieku kontu temmnu lil Mosè kontu temmnu lili wkoll, għax Mosè fuqi kiteb.
[Ġw:5:47] Imma jekk intom ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Inti tagħraf il-ferħ tal-Evanġelju ta’ ħajja meta sottomessa għal Kristu?
Dawk li opponew lil Ġesu’ rrifjutaw li jaċċettaw l-awtorita’ Divina tiegħu u l-istqarrija li hu l-Iben l-waħdieni tal-Missier. B’suppervja u b’arroganza huma riedu mingħandu evidenza għal din l-istqarrija Messjanika u l-ugwaljanza tiegħu m’Alla. Ġesu’ jwieġeb għall-akkużi li sarulu bl-evidenza ċerta tax-xhieda tiegħu, biex din l-evidenza tiegħu tkun kredibbli kien meħtieġ ta’ lanqas tnejn jew tlett xhieda. Ġesu’ jibda d-difiża tiegħu billi jsemmi lil Ġwanni l-Battista bħala xhud għaliex Ġwanni pponta lejn Ġesu’ pubblikament bħala l-Messija u ta xhieda għalih repetettivament tul ħajtu kollha. Dan insibuh l-aktar fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ jgħid b’mod ċar li xhieda akbar tal-identita’ tiegħu huma s-sinjali li wettaq. Hu juri lilu nnifsu fil-ħidma tiegħu mhux biex jipponta lejh innifsu, imma biex jipponta fuq il-ħidma t’Alla fih u permezz tiegħu. Hu jpoġġi lil Alla bħala x-xhud suprem tiegħu. Għal dawk li jaqraw bir-reqqa t-Testment il-qadim, b’mod speċjali l-kotba ta’ Mosè, huma jippuntaw lejn Ġesu’ bħala l-Messija s-Salvatur imwiegħed. Il-problema bl-Iskribi u l-Fariżej kienet li huma m’emmnux dak li kiteb Mosè. Huma xtaqu t-tifħir tal-bnedmin sħabhom u minħabba f’hekk ma setgħux jagħrfu u jifhmu l-Kelma t’Alla. Minħabba s-suppervja tagħhom ma setgħux jisimgħu l-vuċi t’Alla. Alla juri lilu nnifsu lil umli lil dawk li jafdaw mhux fihom infushom imma f’Alla. Il-Mulej jiftaħ il-widnejn ta’ dawk li huma ħerqana biex jisimgħu l-vuċi tiegħu u hu jimla lil qalbhom u lil moħħhom bl-imħabba u bl-għerf.
U inti tisma’ l-Kelma t’Alla bil-fidi u l-fiduċja u tħalliha tibdel lill-ħajja tiegħek?
Itlob …
Mulej, imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli jien nisma’ l-Kelma tiegħek b’attenzjoni u nobdiha bil-ferħ.
Marija ommi għażiża, bħalma int ħallejt il-Kelma t’Alla tgħammar fik, għallimni biex bħalek ma nħalli l-ebda Kelma t’Alla tmur fix-xejn imma nagħmel ħilti biex fija l-Kelma tiegħu tagħmel frott ta’ għemejjel tajba. Ammen.