250. Riflessjoni fuq Ġwanni 1: 47-51

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 1: 47-51

Jesus-and- angel

L-Evanġelju skont San Ġwann 1: 47-51

[Ġw:1:47] Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.”

[Ġw:1:48] Natanjel staqsieh: “Kif sirt tafni?” U Ġesù wieġbu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu.”

[Ġw:1:49] “Rabbi,” qallu Natanjel,”int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael!”

[Ġw:1:50] Ġesù wieġbu: “Qiegħed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn!”

[Ġw:1:51] U żied jgħidlu: “Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u niżlin fuq Bin il-bniedem.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif nistgħu nsiru nafu għalina nfusna u ngħinu oħrajn biex isiru jafu b’ċertezza li Ġesu’ huwa veru l-Iben t’Alla u s-Salvatur tad-dinja?

Mill-Vanġelu tal-lum nagħrfu li argumenti għaqlin biss rarament inebħu n-nies għall-Evanġelju, imma laqgħa personali ma’ Ġesu’ Kristu għandha l-qawwa li titrasforma l-ħajja ta’ bniedem għal dejjem. Natanjel sab li Ġesu’ hu aktar milli kien ittama u ħolom dwaru. Alla poġġa f’kull qalb għatx u xewqa kbira biex insiru nafu lil min ħalaqna u ngħixu fl-imħabba tiegħu għal dejjem. Kien għalhekk li Santu Wistin stqarr: ‘Int għamiltna għalik o Alla u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx Fik.’

Natanjel laqa’ lil Ġesu’ bħala l-Iben t’Alla u s-Salvatur. Ġesu’ minn naħa tiegħu, hu li ra x’hemm f’qalbu, wrieh li l-wegħdiet u l-profeziji kollha tat-Testment il-Qadim kienu issa qed iseħħu bih.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej Ġesu’ jiftaħ triq quddiem kull wieħed u waħda minna biex minnha nitilgħu l-ġenna. Hu nnifsu hu s-sellum li Ġakobb fit-Testment il-Qadim ra f’ħolma li tah Alla, imma sa minn din id-dinja stess is-Saltna t’Alla hi preżenti f’dawk li jfittxuh u li jagħmlu r-rieda tiegħu.

Inti titlob bil-qalb u b’konvinzjoni kif għallimna Ġesu’ ‘Missierna tiġi Saltnatek, ikun li trid int kif fis-sema hekk hawn fl-art?’

Itlob …

Missier għażiż, permezz t’Ibnek Ġesu’, inti ftaħtilna t-triq għall-ġenna. Bħalma rrivelajt lilek inifsek lill-patrijarki u lill-profeti hekk irivela lilek inifsek lili ħalli jien niglorifikak fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum.

Għażiża ommi Marija, inti li kont l-ewwel dixxiplu t’Ibnek, nitolbok iżommni qribek ħalli mingħandek nitgħallem ngħix fil-ferħ tal-preżenza tal-Mulej u qatt ma nitlef it-triq li twassalni għall-milja tas-Saltna t’Ibnek fil-ġenna. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s