246. Riflessjoni fuq Luqa 2: 22-35

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 2: 22-35

presentation

L-Evanġelju skont San Luqa 2: 22-35

[Lq:2:22] Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej,

[Lq:2:23] kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’

[Lq:2:24] u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

[Lq:2:25] F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.

[Lq:2:26] L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.

[Lq:2:27] Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,

[Lq:2:28] huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

[Lq:2:29] “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek,

[Lq:2:30] għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek

[Lq:2:31] li int ħejjejt għall-popli kollha,

[Lq:2:32] dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

[Lq:2:33] Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.

[Lq:2:34] Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,

[Lq:2:35] – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tħalli ‘l ħajtek tkun imexxija mill-Ispirtu s-Santu?

Xmun kien raġel ġust lejn l-oħrajn u devot lejn Alla. Huwa laqa’ bil-ferħ il-missjoni li Alla sejjaħlu biex iwettaq li kienet tikkonsisti b’talb mimli fervur b’paċenzja kbira li jistenna l-wegħda t’Alla. Il-ħajja kollha tiegħu kienet imexxija mill-Ispirtu s-Santu. Kien jinstab dejjem fit-Tempju jitlob u jqim lil Alla bl-umilta’ u jistenna bil-fidi dak li-jum li fih Alla kien se jfarraġ lill-poplu tiegħu. Filwaqt li l-ġranet u x-xhur saru snin hu qatt ma tilef it-tama.

Meta Ġużeppi u Marija ppreżentaw lit-tarbija Ġesu’ fit-Tempju Xmun immedjatament għaraf il-preżenza tal-Mulej fit-Tempju tiegħu. Bl-għajnejn tal-fidi huwa ra f’Ġesu’ t-twettiq tal-profeziji Messjaniċi kollha. It-twettiq tat-tamiet kollha u tat-talb tal-poplu t’Iżrael. Ispirat bl-Ispirtu s-Santu huwa pprofetizza li Ġesu’ huwa d-Dawl tal-ġnus. Dan għaliex Ġesu’ ma ġiex biss bħala Dawl u Salvazzjoni għall-poplu t’Iżrael iżda għan-nazzjonijiet kollha. Ġesu’ huwa t-Tempju l-ġdid.

Fit-Testment il-qadim Alla jimmanifesta l-preżenza tiegħu fi sħaba matul il-ġurnata u f’kolonna tan-nar matul illejl biex hu jiggwida lill-poplu tiegħu li kienu fid-deżert. Il-preżenza t’Alla kienet b’mod viżibbli tiġi tgħammar fuq l-Arka u fit-Tabernaklu. Meta nbena l-ewwel Tempju f’Ġerusalemm il-glorja t’Alla marret toqgħod fuqu. Wara li l-ewwel Tempju kien distrut Eżekjel ra l-glorja t’Alla titlaq minn dak il-post, imma Alla wiegħed ġurnata li fiha kien se jiġi bi glorja akbar. Din il-wegħda seħħet meta r-Re tal-glorja nnifsu ġie fit-Tempju tiegħu. Permezz tal-miġja ta’ Ġesu’ fid-dinja bħala bniedem u permezz tas-Salvazzjoni li hu kisbilna bil-mewt u l-qawmien tiegħu għall-ħajja aħna sirna wkoll Tempji tal-Ispirtu s-Santu.

U inti tagħraf il-preżenza t’Alla fik?

Tagħraf li inti t-Tempju t’Alla u tgħix skont dan id-don hekk kbir li Alla ried jagħtik li huwa dak li hu stess jgħammar fik?

Ħsieb għal Qalbek …

Xmun bierek lil Marija u lil Ġużeppi u pprofetizza lil Marija dwar id-destin ta’ dan it-tfajjel u s-sofferenza li hi kellha tgħaddi minħabba fih. Hemm ċertu paradoss f’dawk li huma l-imberkin tal-Mulej. Marija ngħatat il-barka li tkun Omm l-Iben t’Alla. Ma’ din il-barka hija kellha tilqa’ wkoll is-sejf li kien se jinfdilha qalbha meta tara lil Binha jmut fuq is-salib. Hi laqgħet mhux biss il-kuruna tal-ferħ iżda wkoll is-salib tad-dulur. Imma l-ferħ tagħha ma naqasx ħabba dan id-dulur għaliex patta għalih il-fidi, it-tama, u l-fiduċja tagħha fil-wegħdiet kollha t’Alla. Ġesu’ wiegħed lid-dixxipli tiegħu li l-ferħ tagħhom ma jeħodulhom ħadd. Dan insibuh fi Ġwanni 16 vers 22. Il-Mulej jagħtina l-ferħ sopranaturali li jagħtina l-istess qawwa f’waqt mumenti ta’ prova, ta’ tiġrib, ta’ dulur u t’uġigħ.

U inti dan il-ferħ qiegħed tgħixu fil-preżent?

Tħallih lil Alla jagħmel dak li jogħġbu f’ħajtek?

Toqgħod għall-Kelma tiegħu b’fidi u b’fiduċja?

Itlob …

Mulej Ġesu’ agħmel li jiena nagħraf il-preżenza tiegħek kull meta tiġi żżurni u nkun preparat għall-azzjoni tiegħek fiż-żmien tallum hekk kif Xmun kien ippreparat u lest li jwieġeb bil-ġenerożita’ għall-vista tiegħek u għall-azzjoni tiegħek fi żmienu.

Għażiża Marija, inti li kont lesta li tilqa’ kollox mingħand il-Mulej kemm il-ferħ kif ukoll in-niket. Agħmel li jien bl-istess mod nilqa’ kollox mingħand il-Mulej u ndawwar kollox għall-glorja tiegħu b’ħajja ta’ qdusija u li tixraq lil min hu Iben u Bint t’Alla. Għenni biex jien ukoll f’mumenti ta’ tbatija nkun mqawwi u msaħħaħ bil-fidi, bit-tama u bil-fiduċja tiegħi f’Alla u fil-wegħdiet kollha tiegħu. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s