243. Riflessjoni fuq Luqa 2: 1-20

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 2: 1-20

Natividad

L-Evanġelju skont San Luqa 2: 1-20

[Lq:2:1] F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha.

[Lq:2:2] Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja.

[Lq:2:3] U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.

[Lq:2:4] Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David

[Lq:2:5] biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.

[Lq:2:6] Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles,

[Lq:2:7] u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

[Lq:2:8] F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl.

[Lq:2:9] U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir.

[Lq:2:10] Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu.

[Lq:2:11] Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.

[Lq:2:12] U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.”

[Lq:2:13] F’daqqa waħda ngħaqdu ma’ l-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:

[Lq:2:14] “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu?”

[Lq:2:15] Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej.”

[Lq:2:16] Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura.

[Lq:2:17] Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija,

[Lq:2:18] u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja.

[Lq:2:19] Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.

[Lq:2:20] Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Fl-Imperu Ruman kien isir ċensiment kull erbatax-il sena biex jaraw kemm kellhom nies u għalhekk kemm setgħu jiġbru taxxi. Ġużeppi u Marija vjaġġaw għal tmenin mil minn Nazaret sa Betlehem. Kien żmien inkonvenjenti ħafna għalihom għax il-qada fiżika ta’ Marija ma tantx setgħet tippermetti vjaġġ bħal dan. Hi kienet waslet biex twelled minn mument għall-ieħor u minbarra dan kollu Betlehem inzertat kienet miżgħuda bin-nies. Huma kellhom jissetiljaw fl-aktar akkomodazzjoni primittiva possibli dik ta’ għar fejn kienu joqgħodu l-annimali.

Għaliex kellu l-Messija jitwieled f’kundizzjoni daqshekk miżera?

It-triqat t’Alla huma differenti mit-triqat tagħna. Hu li qiegħed fil-għoli jiċċekken tant u jingħaqad ma’ dawk li huma ċkejknin, ma’ dawk li huma xejn, ma’ dawk li jsofru inġustizzja, ma’ dawk li huma oppressi. Il-Mulej ma jinżilx minfuħ bih innifsu fil-majesta’ li kienet tixraq lil Re, imma fl-umilta’ u fiċ-ċokon biex jurina t-triq perfetta tal-imħabba. L-unika kamra għal Ġesu’ kienet is-salib li hu ġie biex isofri għal dnubietna. Fit-twelid fqir ta’ Ġesu’ aħna nilmħu s-sagrifiċċju kbir li Alla kellu jagħmel għalina meta tana lil Ibnu li b’rieda ħielsa, ingħaqad mal-mewt tas-salib għalina u għas-Salvazzjoni tagħna. Marija u Ġużeppi kienu mir-rimja ta’ David ir-re t’Iżrael. It-twelid ta’ Ġesu’ f’Betlehem kien it-twettiq tal-profezija li l-Messija kellu jkun mill-għerq ta’ David, min nisel tiegħu u jitwieled fil-belt ta’ David li hija Betlehem. Din insibuha f’Iżaija kapitlu 9 versi minn 6 sa 7.

Għaliex l-anġli ħabbru t-twelid ta’ dan ir-Re ġdid t’Iżrael lir-rgħajja aktar milli lill-poplu Lhudi jew inkella lill-mexxejja reliġjużi t’Iżrael?

Alla jagħżel lil dawk li huma umli biex juri t-tjubija u l-imħabba tiegħu. Juri l-qawwa lil dawk li huma umli f’qalbhom u li huma lesti biex jirċievuh.

U fik issib dik il-ħeġġa li tilqgħu fil-qalb tiegħek u li toffrilu dar hemm hekk?

Ħsieb għal Qalbek …

Għaliex il-Kelma t’Alla saret laħam? Għaliex Alla sar bniedem?

Fil-Kredu aħna nistqarru għalina u għas-Salvazzjoni tagħna niżel mis-sema.

X’inhu s-sinifikat tal-Inkarnazzjoni għalina?

Il-Kelma saret laħam biex aħna nsalvaw u nerġgħu ningħaqdu m’Alla l-Missier. Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu s-Salvazzjoni. Il-Kelma dehret biex tneħħi d-dnubiet. Il-Kelma saret laħam biex aħna nkunu nistgħu nagħrfu u nesperjenzaw l-imħabba t’Alla. Fit-twelid ta’ Ġesu’ bħala bniedem, aħna naraw l-ewwel kruċifissjoni ta’ Kristu. Ġesu’ li minn Alla ssir bniedem qisu diġa’ qed jissallab l-ewwel tisliba tiegħu. Hu li telaq il-majesta’ Divina tiegħu u ċċekken tant li sar limitat bniedem bħalna.

U aħna kemm aħna lesti li niċċekknu quddiem il-kobor t’Alla?

Kemm aħna lesti ninżlu għarkupptejna quddiem is-Sid tagħna u b’devozzjoni u adorazzjoni nagħrfuh bħala l-Mulej?

Kemm aħna lesti li mhux biss nistqarruh bħala l-Mulej imma wkoll nobduh f’kulma jgħidilna hu?

Hu ġie biex isalvana, imma ma jsalvanix mingħajr il-koperazzjoni tagħna.

Itlob …

Mulej Alla tagħna, bit-twelid t’Ibnek il-glorja tiegħek iddiet fid-dinja. Filwaqt li aħna niċċelebraw din il-miġja tiegħek fostna, agħtina li aħna nduqu minn issa stess il-ferħ li int ġejt biex tagħtina.

Għażiża Marija, aħna nafu li fit-tieni miġja t’Ibnek hu se jiġi u jeħodna miegħu fejn hu wegħedna li qiegħed iħejjilna post, agħtina li b’talbek aħna nkunu mħejjijin biex meta jiġi nilqgħuh minnufih bil-ferħ u jkun jistħoqqilna dak li wegħedna u dak li ġie biex jagħtina bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s