Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 5: 17-26
L-Evanġelju skont San Luqa 5: 17-26
[Lq:5:17] Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq.
[Lq:5:18] U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu,
[Lq:5:19] iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù.
[Lq:5:20] Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura.”
[Lq:5:21] Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?”
[Lq:5:22] Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom?
[Lq:5:23] X’inhu l-eħfef, tgħid ‘Dnubietek maħfura’ jew tgħid ‘Qum u imxi’?
[Lq:5:24] Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,” – qal lill-mifluġ: “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.”
[Lq:5:25] U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla.
[Lq:5:26] U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża’ u bdew jgħidu: “Rajna ħwejjeġ ta’ l-għaġeb illum!”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’jipparalizza l-moħħ u l-qalb u jibblokka l-qawwa t’Alla li tfejjaqna? Id-dnub u n-nuqqas ta’ maħfra bla dubju. Id-dnub jipparalizzana aktar milli tista’ tagħmel dan kull marda fiżika li nistgħu nimirdu biha. Id-dnub hu l-ħidma tas-saltna tad-dlam u jżommna marbuta u lsiera tiegħu għall-eternita’.
Hemm biss soluzzjoni waħda u din hi l-fejqan u l-qawwa ta’ Ġesu’ li jnaddafna permezz tal-maħfra tiegħu. Il-mod kif Ġesu’ kien jitratta lill-midinbin kien jiskomda lill-għalliema reliġjużi ta’ żmien Ġesu’. Meta mifluġ inġieb għand Ġesu’ minħabba l-fidi li kellhom f’Ġesu’ l-ħbieb tiegħu, Ġesu’ għamel xi ħaġa li ħadd ma kien qed jobsorha.
Hu l-ewwel ħafer id-dnubiet ta’ dan ir-raġel. Il-kittieba qiesu din bħala dawgħa għax huma fehmu li Alla biss kellu l-awtorita’ li jaħfer id-dnubiet u jħoll raġel jew mara mit-toqol tal-ħtija. Ġesu’ ħaddem għalih awtorita’ li Alla biss seta’ jeżerċita. Ġesu’ mhux biss ta’ prova li l-awtorita’ tiegħu kienet ġejja minn Alla, huwa wera wkoll il-qawwa kbira tal-ħniena u l-imħabba t’Alla li ssalva billi fejjaq lill-mifluġ f’ġismu. Ir-raġel kien ipparalizzat mhux biss fiżikament imma wkoll spiritwalment. Ġesu’ ħelsu mit-toqol tal-ħtija u saħħu f’ġismu wkoll.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-Mulej dejjem lest biex ifejjaqna f’moħħna, f’ġisimna u f’ruħna. Il-grazzja tiegħu teħlisna mill-qawwa tad-dnub u mill-jasar tax-xewqat, tal-passjonijiet u l-vizzjijiet ħżiena.
X’qed tħalli li jżommok milli tilqa’ l-qawwa ta’ Ġesu’ li jrid ifejjqek?
Itlob …
Agħmel Mulej li l-qawwa tal-fejqan tiegħek tmiss kull rokna fil-ħajja tiegħi, ħsibijieti l-aktar moħbija, ix-xewqat, l-attitudnijiet u l-memorji kollha tiegħi. Aħfirli nuqqasijieti u bdilni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu permezz tas-saċerdoti fis-Sagrament tal-Qrar ħalli nimxi b’kunfidenza fit-triq tal-verita’ u s-sewwa tiegħek. Ammen.