Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 21: 1-4
L-Evanġelju skont San Luqa 21:1-4
[Lq:21:1] Fdak iż-żmien, Ġesu rafa’ għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju.
[Lq:21:2] U ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus,
[Lq:21:3] u qal: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll.
[Lq:21:4] Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ir-Reliġjon x’inhi?
Ġesu’ jwissi lid-dixxipli tiegħu kontra t-tip ta’ reliġjon ħażina filwaqt li jikkundanna lill-kittieba l-esperti reliġjużi ta’ żmienu. Huwa jwissi kontra tlett affarijiet.
Ix-xewqa li tkun u tidher prominenti minflok tgħix f’servizz bla egoiżmu lejn l-oħrajn.
Ix-xewqa li tkun irrispettat u rikkonoxut u li tfittex l-istima minn għand l-oħrajn minflok tfittex li tippromovi t-tajjeb tal-oħrajn permezz ta’ servizz bi mħabba u umilta’.
U it-tielet li tipprova tuża l-pożizzjoni tiegħek anki dik reliġjuża għall-gwadann u l-avvanz personali.
Ir-Reliġjon vera hi li tirrelata m’Alla u mall-proxxmu tiegħek bi mħabba, b’unur u b’qima. Il-Mulej ipoġġi l-ispirtu tiegħu fina ħalli aħna nkunu mimlija bil-ferħ tal-preżenza tiegħu. Bil-ferħ tal-qima vera tagħna lejh u bil-ferħ tal-għotja tagħna bla egoiżmu, bi mħabba għall oħrajn. Il-qima vera lejn Alla twassalna biex nagħtu bil-qalb kemm lil Alla kif ukoll lill-proxxmu.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu lezzjoni drammatika fejn tidħol l-għotja bi mħabba. L-imħabba ma togħqodx tikkalkula hi tonfoq bl-abbundanza. Ġesu’ wera dan il-punt lid-dixxipli tiegħu filwaqt li kienu bilqiegħda fit-Tempju josservaw lin-nies jitfgħu l-offerta tagħhom fit-teżor. Ġesu’ faħħar l-armla fqira li tat l-iċken offerta meta mqabbla ma’ dik tal-għonja li taw offerti t’ammonti akbar.
Kif jista’ xi ħadd li hu fqir jagħti aktar minn xi ħadd li għandu ġid bil-bosta?
It-tweġiba ta’ Ġesu’ hi sempliċi. L-imħabba hi aktar prezzjuża mid-deheb. Ġesu’ għallem li meta wieħed jagħti jrid jagħmel dan minn qalbu. Offerta mogħtija kontra l-qalb jew biex wieħed jidher tajjeb għal quddiem in-nies titlef ħafna mill-valur tagħha, imma offerta mqanqla mill-imħabba bi spirtu ta’ ġenerożita’ u sagrifiċċju trendi ħlas kbir fis-sema u hi imprezzabbli.
L-ammont jew id-daqs tal-offerta mhux daqs hekk importanti daqs kemm l-istess offerta se tiswa lil min qiegħed joffriha. L-armla fqira setgħet żammet imqar munita waħda minn dawk li tefgħet imma minflok hi tat bla ħsieb ta’ xejn kulma kellha. Ġesu’ faħħar lil xi ħadd li bilkemm ta sold somma tant insinifikanti għax kienet kull ma kellha biex tgħix. Dak li aħna għandna x’noffru jista’ jidher żgħir jew ta’ ftit valur imma jekk inpoġġu kulma għandna għad-dispożizzjoni tal-Mulej minkejja kemm dan jista’ jidher insinifikanti Alla mbagħad jista’ jagħmel bih aktar milli aħna nistgħu nimmaġinaw jew nikkalkulaw.
U inti skoprejtu u qed tgħix fil-ferħ u l-liberta’ ta’ min jagħti lil Alla u lill-proxxmu bi gratitudni u bi mħabba?
Itlob …
Mulej kulma għandi hu tiegħek. Jien noffrilek lili nnifsi u kulma għandi. Noffrihomlok minn idejn Marija Ssma li bħala ommi tgħenni biex indawwar il-ġid kollu li inti pprovdejtli għall-użu tajjeb u għaqli skont ma’ tixtieq minni int għall-glorja tiegħek. Grazzi Ġesu’, grazzi Marija. Ammen.