Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 10: 25-37
L-Evanġelju skont San Luqa 10: 25-37
[Lq:10:25] F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrb lil Ġesu’ staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”
[Lq:10:26] Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”
[Lq:10:27] U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”
[Lq:10:28] “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù,”agħmel hekk u tgħix.”
[Lq:10:29] Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”
[Lq:10:30] U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.
[Lq:10:31] Nzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.
[Lq:10:32] Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.
[Lq:10:33] Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru.
[Lq:10:34] Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu.
[Lq:10:35] L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu,”Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’
[Lq:10:36] Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”
[Lq:10:37] “Min ħenn għalih,” wieġbu dak.”Mur,” qallu Ġesù,”u agħmel hekk int ukoll.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Fi żmien Ġesu’ bil-Kelma proxxmu l-Lhud kienu jifhmu dawk tal-istess twemmin u nazzjon tagħhom imma Ġesu’ bit-tweġiba li ta wera li Alla kellu idea aktar wisgħa minn dik tagħhom. Bil-parabbola li Ġesu’ jirrakkonta juri kemm hi wisgħa l-imħabba u l-ħniena t’Alla lejn kulħadd.
Ħsieb għal Qalbek …
Għaliex jirrakkonta li l-kbarat reliġjużi rrifjutaw li jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-vittma? U għaliex kellu jkun Samaritan iġifieri bniedem li lanqas biss kien f’termini tajba mal-Lhud li jitratta lill-vittma b’mod tant tajjeb u b’ġenerożita’ kbira?
Probabbilment il-qassis ma riedx il-possibilta’ li jsir ritwalment imniġġes. Dan il-ħsieb żammu ‘l bogħod milli jġib ruħu ta’ proxxmu. Il-levita’ seta’ ħaseb li l-vittma kien bħal lixka biex il-ħallelin jaqbżu fuqu wkoll. Mela l-levita’ poġġa s-sigurta’ personali tiegħu nnifsu qabel is-salvazzjoni tal-proxxmu tiegħu.
U inti lest tgħin lill-proxxmu tiegħek anke jekk dan ikun ġab il-ħsara fuqu b’idu stess? Kemm hi wisgħa t-tifsira tiegħek tal-kelma ‘proxxmu’? Lest li ma tagħmilx distinzjoni? Lest li fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ u ta’ tant qaddisin tagħti ħajtek għall-proxxmu tiegħek?
Itlob …
Għażiż Ġesu’, agħmel li narak illum u kuljum fil-persuna tal-marid ta’ dawk li jirritawni, ta’ dawk li magħhom ma nirraġunax. Agħmel li xorta nagħrfek fihom ilkoll.
Marija ommi, b’talbek wassalni biex bħal ma’ Ibnek u inti tieħdu ħsieb tiegħi bil-paċenzja kollha minkejja d-difetti tiegħi, jiena jkolli l-istess attitudni lejn il-proxxmu tiegħi kollu. Agħmel li nasal inservi l-proxxmu tiegħi bi mħabba għalikom. Għallimni għażiża Marija biex inżomm f’moħħi l-kliem t’Ibnek li qalilna: ‘Dak li tagħmlu mall-oħrajn tkunu qed tagħmluh miegħi.’ Ammen.