Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 7: 36-50
L-Evanġelju skont San Luqa 7: 36-50
[Lq:7:36] F’dak iż-żmien, wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel.
[Lq:7:37] Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett ta’ l-alabastru biż-żejt ifuħ;
[Lq:7:38] u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ.
[Lq:7:39] Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!”
[Lq:7:40] Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.””Għid, mgħallem,” qallu dak.
[Lq:7:41] “Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin.
[Lq:7:42] Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?”
[Lq:7:43] Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.””Ħsibtha tajjeb,” qallu Ġesù.
[Lq:7:44] Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha.
[Lq:7:45] Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja.
[Lq:7:46] Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ.
[Lq:7:47] Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.”
[Lq:7:48] Mbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura.”
[Lq:7:49] Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?”
[Lq:7:50] Iżda hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Għaliex Marija avviċinat lil Ġesu’ u dilkitlu riġlejh bir-riskju li tiġi rredikolata u abbużata mill-oħrajn?
L-azzjoni ta’ Marija kellha mottiv wieħed u wieħed biss u dan kien l-imħabba li kellha lejn Ġesu’ u l-gratitudni tagħha lejh għall-maħfra tiegħu. Madanakollu hi għamlet xi ħaġa li mara Lhudija ma kienet tagħmel qatt fil-pubbliku. Hi ħallet xagħarha xarbet saqajn Ġesu’ bi dmugħha u dilkithomlu biż-żejt. Kienet użanza għall-mara f’jum it-tieġ tagħha li tidher b’xagħarha miġbur u għall-mara miżżewġa li tħoll xagħarha fil-pubbliku kien sinjal gravi t’immodestja.
Marija ma kienet moħħha f’ħadd ħlief f’Ġesu’. Hi wkoll għamlet ġest li l-imħabba biss setgħet issuqha biex tagħmlu. Hi ħadet l-aktar ħaġa prezzjuża li kellha vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ u wżatu kollu fuq Ġesu’. Bi spirtu t’umlita’ u ndiema sinċiera hi serviet lil Ġesu’ b’dan il-mod għax hu kien l-uniku wieħed li jitrattaha bi ħniena u b’ġentilezza qaddisa.
Ħsieb għal Qalbek …
Skont il-parabbola li mbagħad jirrakonta Ġesu’ lil Xmun min hu dak li l-aktar ta’ min jitħassru? Dak li ma jistax jirċievi l-imħabba jew dak li ma jistax iħobb?
Ġesu’ jagħmilha ċara li l-imħabba vera toħroġ minn qalb li tesperjenza l-purifikazzjoni tal-indiema u l-maħfra. Mill-attitudni ta’ Xmun u ta’ Marija naraw kif il-bniedem jew jaċċetta jew jirrifjuta l-ħniena t’Alla. Xmun li kien jikkonsidra lilu nnifsu bħala Fariżew tajjeb u bniedem ġust ma ħassx il-bżonn għall-imħabba u l-ħniena. Fis-suppervja tiegħu li ħaseb li jifhem aktar minn Ġesu’ hu baqa’ ‘l bogħod milli jagħraf il-bżonn li huwa kellu li jirċievi -grazzja t’Alla.
U inti ma’ min tista’ tqabbel l-attitudni tiegħek lejn il-Mulej ma’ dik ta’ Marija jew ma’ dik ta’ Xmun? B’liema mod inti turieh il-gratitudni tiegħek għall-ħniena u l-grazzja tiegħu li jagħtik kontinwament?
Itlob …
Mulej il-grazzja tiegħek hi biżżejjed għalija. Għenni nersaq għall-Qrar ta’ spiss fejn permezz tas-saċerdot li jirrapreżentak inti ttenni lili wkoll l-istess kliem li għedt lil Marija. ‘Dnubietek maħfura, mur fis-sliem.’
Għażiża Marija, Omm Alla u ommna lkoll. Int li int mingħajr tebgħa ta’ dnub għallimni ngħix fuq din l-art mingħajr ħtija. Wassalni dejjem għall-inidema sinċiera u għall-qrara tajba u ta’ spiss. Ammen.